Portal Ghaz-Żgħażagħ Ewropej

Informazzjoni u opportunitajiet għaż-żgħażagħ madwar l-Ewropa.

A picture
© shutterstock.com - Nejron Photo

Aħsibha qabel tixrob

Kont taf li l-Ewropa hi r-reġjun bl-ogħla konsum tal-alkoħol għal kull persuna fid-dinja? Informa ruħek u ara għaliex hu fl-interess tiegħek u ta' sħabek li tixorbu inqas jew xejn affattu.

L-alkoħol hu t-tieni l-ikbar fattur għal problemi tas-saħħa fl-Ewropa, speċjalment fost iż-żgħażagħ. Kull sena iktar minn 55,000 persuna bejn il-15 u d-29 sena jmutu fl-Ewropa minħabba l-alkoħol.

 

Kun af sa fejn tista' tasal

Madwar 60% tal-pajjiżi Ewropej għandhom età minima ta' 18-il sena u 20% għandhom età minima ta' 16-il sena biex wieħed ikun jista' jixtri l-birra u l-inbid. Tliet pajjiżi m'għandhomx limitu ta' età għall-bejgħ tal-alkoħol. Huma biss ftit iktar minn 25% taċ-ċittadini tal-UE li jafu x'inhu l-limitu tal-alkoħol fid-demm għas-sewqan f'pajjiżhom – għalkemm il-pajjiżi kollha għandhom xi forma ta' restrizzjonijiet tas-sewqan taħt l-influwenza tal-alkoħol. Tista' saħansitra tiġi penalizzat talli ssuq ir-rota taħt l-influwenza tal-alkoħol.

 

TALK ABOUT ALCOHOL hu sit ippakkjat b'informazzjoni u affarijiet interesstanti x'tesplora. Jagħtik il-fatti dwar x'inhu l-alkoħol, kif jaffettwa liż-żgħażagħ u l-liġijiet li għandek tkun taf bihom. Se jgħinek tagħmel id-deċiżjonijiet tiegħek dwar l-alkoħol. Anki l-ministeru għas-saħħa, l-aġenzija tas-saħħa pubblika jew l-eqreb ċentru ta' informazzjoni taż-żgħażagħ ta' pajjiżek jistgħu jipprovdulek iktar informazzjoni.

 

Kun attiv biex tgħin lill-oħrajn jagħmlu għażliet informati

L-APYN, in-netwerk taż-żgħażagħ għal politika dwar l-alkoħol, hu miftuħ għall-organizzazzjonijiet u l-klabbs kollha taż-żgħażagħ li jixtiequ jaħdmu biex inaqqsu l-konsegwenzi ħżiena tal-konsum tal-alkoħol, u li mhumiex sponsorjati mill-industrija tal-alkoħol.

Il-missjoni tan-netwerk hi li jimmobilizza liż-żgħażagħ fl-Ewropa biex ixerrdu aktar informazzjoni dwar temi relatati mal-alkoħol u jappoġġaw politika aħjar dwar l-alkoħol fil-livelli lokali, nazzjonali u internazzjonali.  L-APYN joffri wkoll taħriġ, riżorsi u gwida dwar kif timplimenta l-proġett tiegħek relatat mal-alkoħol.

 

Active - sobriety, friendship and peace hi organizzazzjoni Ewropea taż-żgħażagħ li tgħaqqad iktar minn 500 grupp taż-żgħażagħ u 25,000 żagħażugħ li ddeċidew li jgħixu ħajja bla alkoħol. Qed jippromwovu stil ta' ħajja bla alkoħol, biex joffru alternattiva għal dawk li ma jaċċettawx l-alkoħol bħala parti naturali tal-kulturi tagħna. Active torganizza seminars, korsijiet ta' taħriġ, laqgħat taż-żgħażagħ u attivitajiet soċjali u taħdem politikament biex tħeġġeġ favur ambjent ħieles mill-alkoħol u d-drogi.

Jekk tixtieq tmexxi l-kampanja tiegħek, il-Foundation for a Drug-free World toffri materjal u informazzjoni bla ħlas, bħall-ktejjeb "Il-verità dwar l-alkoħol".

Il-programm tal-UE Żgħażagħ fl-Azzjoni [internal link] jipprovdi appoġġ għall-iskambji taż-żgħażagħ u inizjattivi taż-żgħażagħ, b'enfasi wkoll fuq il-promozzjoni ta' komportamenti tajbin għas-saħħa.