Portal Ghaz-Żgħażagħ Ewropej
Informazzjoni u opportunitajiet għaż-żgħażagħ madwar l-Ewropa.

Nindirizzaw l-obeżità

© shutterstock.com - Ariwasabi
L-obeżità qed tikber u jista' jkollha impatt diżastruz fuq is-saħħa. L-istil ta' ħajja hu wieħed mir-raġunijiet prinċipali għala qed jiġri dan. X'qed tagħmel l-UE biex tgħin?

Xejra preokkupanti

Mis-snin tmenin l-obeżità fost iż-żgħażagħ kibret b'aktar mit-triplu f'ħafna pajjiżi Ewropej. L-"Inizjattiva ta' Sorveljanza tal-Obeżità fit-Tfulija tad-WHO (COSI - bl-Ingliż biss)" ħarġet bl-istima li fl-2010 madwar terz tat-tfal bejn is-6 u d-9 snin fl-UE kellhom piż żejjed, aktar minn kwart iktar mill-2008. Hemm rabta qawwija bejn l-obeżità u livell baxx ta' saħħa u problemi psikoloġiċi aktar tard fil-ħajja, inklużi l-mard kardjovaskulari, id-dijabete tat-tip 2 u l-kanċer.

 

Ir-raġunijiet għal din ix-xejra jinkludu:

  • konsum li dejjem jiżdied ta' fast food u xorb biz-zokkor
  • teħid ta' ikliet barra d-dar (ħafna drabi għax il-ġenituri qed jaħdmu sigħat itwal) b'aktar ikel ipproċessat li ħafna drabi jinbiegħ f'porzjonijiet kbar
  • inqas tisjir id-dar.

 

Barra minn hekk hemm it-tendenza li ż-żgħażagħ – speċjalment it-tfajliet - isiru anqas attivi fiżikament bejn il-11 u l-15-il sena. Aktar ħin onlajn jew quddiem it-televixin iwassal għal stil ta' ħajja sedentarja – li fih innifsu jżid il-vulnerabblità għal diversi mard.

 

Niġġieldu l-obeżità fit-tfulija - azzjoni tal-UE

Il-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Obeżità fit-Tfulija tal-UE għall-2014-2020 (bl-Ingliż biss) hu mfassal biex jiġu stabbiliti prijoritajiet u jinżamm rekord tal-progress. Fl-2007, il-Kummissjoni Ewropea adottat dokument ta' politika ewlieni li stabbilixxa strateġija għall-Ewropa fil-qasam tan-nutrizzjoni u l-problemi tas-saħħa li joħorġu mill-piż żejjed u l-obeżità. Dan jinvolvi l-għoti ta' informazzjoni, l-indirizzar tal-industrija tal-ikel u l-promozzjoni tar-riċerka dwar id-dieta u l-attività fiżika.

 

L-għan hu li jinkoraġġixxi dieta aktar tajba għas-saħħa u stil ta' ħajja aktar attiv għall-kulħadd, u li titwaqqaf iż-żieda fil-piż żejjed u l-obeżità fost iż-żgħażagħ sal-2020. Mod biex jintlaħaq dan l-għan hu li tittejjeb l-edukazzjoni fiżika. L-istrateġija tqis il-ħtiġijiet tal-gruppi fil-mira differenti, inklużi persuni inqas sinjuri li għandhom inqas opportunitajiet.

 

Links relatati

Prevenzjoni tal-Obeżità permezz ta' Netwerk Ewropew (OPEN bl-Ingliż biss)

Il-Pjattaforma tal-UE dwar id-dieta, l-attività fiżika u s-saħħa

Pubblikat: Ħam, 26/11/2015 - 11:01


Tweet Button: 

New!


Info for young people in the western balkans

Teħtieġ għajnuna jew parir espert?

Staqsina!