Portal Ghaz-Żgħażagħ Ewropej

Informazzjoni u opportunitajiet għaż-żgħażagħ madwar l-Ewropa.

Video: 

Youth Guarantee – delivering results


Garanzija kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ

Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ tiżgura li ż-żgħażagħ kollha taħt il-25 sena jingħataw offerta konkreta, ta’ kwalità xierqa fi żmien erba’ xhur minn meta jitilqu mill-iskola jew jispiċċaw bla xogħol. Il-pajjiżi Ewropej qegħdin fil-proċess li jagħmlu dan jaħdem għalik!

Arma importanti fil-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ, il-Garanzija għaż-Żgħażagħ tgħid li l-offerta għandha tkun għal impjieg, apprendistat, traineeship jew aktar edukazzjoni u li għandha tiġi mfassla speċifikament għall-ħtiġijiet tal-individwu u s-sitwazzjoni. L-għan hu li jittejbu strutturalment it-tranżizzjonijiet mill-iskola għax-xogħol u li jkun hemm appoġġ dirett għall-impjiegi taż-żgħażagħ. Minħabba li l-kuntesti jvarjaw, il-Garanzija għaż-Żgħażagħ tista' tieħu sura differenti f'pajjiżek minn pajjiż ieħor tal-UE.

 

L-iskema hija bbażata fuq esperjenza ta’ suċċess fl-Awstrija u l-Finlandja: Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ fil-Finlandja wasslet għal tnaqqis fil-qgħad fost iż-żgħażagħ. 83.5% rnexxilhom isibu impjieg, jew ipparteċipaw fi traineeship, apprendistat jew kors ta’ edukazzjoni ulterjuri fi żmien tliet xhur minn meta rreġistraw.

 

Il-pjanijiet ta’ implimentazzjoni nazzjonali

Biex tiżviluppa l-Garanzija għaż-Żgħażagħ u tiżgura li din taħdem fil-prattika, jeħtieġ li jkun hemm kooperazzjoni qawwija bejn dawk kollha involuti (l-awtoritajiet pubbliċi, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni, min iħaddem, eċċ.). Il-pajjiżi tal-UE ppreżentaw Pjanijiet ta’ Implimentazzjoni għall-Garanziji għaż-Żgħażagħ nazzjonali, li jidentifikaw miżuri li għandhom jittieħdu u, pereżempju, l-iskeda ta’ żmien u r-rwoli tal-awtoritajiet pubbliċi u organizzazzjonijiet oħra.

 

It-twassil tal-objettivi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ jeħtieġ riformi strateġiċi biex tinkiseb tranżizzjonijiet b’iktar suċċess mill-iskola għas-suq tax-xogħol. Dawn jistgħu jinvolvu servizzi pubbliċi tal-impjiegi aktar qawwija, sħubijiet aħjar biex jintleħqu ż-żgħażagħ u bidliet fis-sistemi edukattivi. Wara l-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-pjanijiet ta’ implimentazzjoni nazzjonali, tmien pajjiżi ntalbu jieħdu azzjoni aktar deċiżiva. 

 

Proġetti pilota

Minħabba li l-Garanzija għaż-Żgħażagħ għadha mhux lesta f’xi pajjiżi, jista' jagħti l-każ li ma tistax tibbenefika minnha għalissa. Madankollu, 18-il proġett pilota mnedija f’seba’ pajjiżi bejn Awwissu u Diċembru 2013 juru x’inhu involut u jagħtu idea ta’ kif se taħdem il-garanzija għaż-żgħażagħ fil-futur f’pajjiżek:

 

Fir-Rumanija, ġew stabbiliti “klabbs tal-impjiegi” biex jippreparaw liż-żgħażagħ għall-ħajja tax-xogħol billi jipprovdu gwida, jorganizzaw korsijiet ta’ taħriġ speċjali u jistabbilixxu ditti ta’ taħriġ.

Fir-Renju Unit, ġew stabbiliti sħubijiet bejn l-iskejjel u l-impjegaturi lokali biex joffru traineeships, apprendistati u esperjenzi prattiċi ta’ xogħol għaż-żgħażagħ; inkluż mentoring individwali u “avveniment tal-għażliet”. 

 

L-Italja organizzat żjarat fl-iskejjel, żjarat f'kumpaniji, avvenimenti u seminars dwar l-intraprenditorija  biex timmotiva liż-żgħażagħ li mhumiex fl-edukazzjoni, f'impjieg jew f'taħriġ.

Fl-Irlanda, żgħażagħ li qed ifittxu x-xogħol kellhom intervisti ma’ konsulenti mis-servizzi pubbliċi tal-impjieg.

Il-Litwanja żviluppat mudell fejn il-Konfederazzjoni tan-Negozjanti Mjegaturi fil-Belt u l-Kontea ta' Vilnius topera servizz ta’ tlaqqigħ, inklużi kollokamenti ta' ġimagħtejn bejn żgħażagħ li qed ifittxu x-xogħol u kumpaniji lokali. 

 

Biex tkun taf aktar dwar il-Garanzija għaż-Żgħażagħ u kif din qed tiġi implimentata, aqra l-memo tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Garanzija għaż-Żgħażagħ.