Portal Ghaz-Żgħażagħ Ewropej

Informazzjoni u opportunitajiet għaż-żgħażagħ madwar l-Ewropa.

© kylebaker - Flickr, CC by 2.0
© kylebaker - Flickr, CC by 2.0

Sib (u ikseb) borża ta’ studju!

Tixtieq tgawdi l-ħajja ta’ student f’pajjiż ieħor iżda tibża' li se jkollok tħallas ħafna flus? Kompli aqra biex issir taf kif tista’ ssib borża ta’ studju u tibda s-sena akkademika li jmiss fil-pajjiż tal-ħolm tiegħek.

L-ewwel ħaġa li għandek iżomm f’moħħok hi li mhux l-istituzzjonijiet edukattivi biss joffru boroż ta’ studju; tillimitax it-tfittxija tiegħek għall-Università fejn tixtieq tistudja. Ħares ukoll lejn boroż ta’ studju minn fondazzjonijiet u kumpaniji privati, pereżempju Microsoft.

 

Apparti minn hekk, ħafna gvernijiet għandhom programmi ta’ boroż ta’ studju għall-istudenti internazzjonali: pereżempju, ir-Renju Unit joffri l-boroż ta' studjuChevening, il-Ġermanja tipprovdi finanzjament permezz ta' DAAD u tista' tistudja l-Ungerija fl-Istitut Balassi.

 

Erasmus+ (Lawrji Master's Konġunti Erasmus Mundus) joffri boroż ta' studju ffinanzjati mill-UE għal bosta programmi tal-master's u dottorat. Agħti ħarsa lejn il-katalgu tal-Kummissjoni għal programmi disponibbli fis-sena akkademika li jmiss. Jekk tara kors li jolqtok, trid tikkuntattja lill-konsorzju li joffri l-programm għal aktar informazzjoni u dettalji tal-applikazzjoni.

 

Jinteressak li tiftaħ l-esperjenza tiegħek bħala student barra l-Ewropa? Il-Portal dwar il-boroż ta' Studju fih bażi tad-dejta b’aktar minn elf opportunità disponibbli f’pajjiżi madwar id-dinja kollha. Agħżel il-livell li tixtieq (minn sekondarja sa postdottorat), il-pajjiż tiegħek u l-pajjiż fejn trid tistudja u l-portal joħroġ bil-boroż ta’ studju li jaqblu mal-profil tiegħek.

 

Lesta biex tapplika?

 Se nagħtuk xi suġġerimenti dwar kif tikseb borża ta’ studju:  

  1. Aqbad fittex (u applika) għal boroż ta’ studju malajr kemm jista’ jkun. Il-biċċa l-kbira tal-iskadenzi tal-applikazzjoni ikunu fil-bidu tas-sena li fiha jibda l-kors, għaldaqstant tistenniex sar-Rebbiegħa jekk tixtieq borża ta’ studju għal Settembru.
     
  2. Applika għal kemm tiflaħ boroż ta’ studju (basta tkun eliġibbli, ovvjament). Forsi tibża li tant ikun hemm applikazzjonijiet li ma għandekx ċans, iżda jekk ma tapplikax għandek mnejn titlef l-opportunità ta’ ħajtek. Ma tistax tgħid! Jekk ma tippruvax ma jirnexxilekx żgur.
     
  3. Organizza ruħek! Agħmel lista tal-iskadenzi li ma tridx titlef u tħallix għall-aħħar biex tibda tikteb l-applikazzjoni. Vera li jieħu l-ħin, iżda mbagħad tkun kuntena meta jaslu l-flus.
     
  4. Dawk ir-ritratti tiegħek qed tiddeverti fuq Facebook sbieħ, imma forsi għandek taħseb li tnaddaf il-paġna jew tirranġa s-settings tal-privatezza tiegħek. Huwa veru li dawn ir-ritratti huma ta' gost għall-ħbieb iżda ftakar li se jidhru meta xi ħadd ifittex ismek bil-Google. Dak ix-xi ħadd jista' jkun il-persuna li qed tivvaluta l-applikazzjoni tiegħek u jista’ jkun kmieni wisq għaliha biex tarak tixxala.
     
  5. Tħabbilx wisq rasek jekk ma tieħux il-borża ta’ studju. Erġa’ pprova għas-sena akkademika li jmiss jew aħseb f'xi mod ieħor biex tiffinanzja l-ideat tiegħek. Jew forsi ħu brejk għal sena biex tivvjaġġa jew biex tagħmel xi xogħol ta' volontarjat?