Portal Ghaz-Żgħażagħ Ewropej
Informazzjoni u opportunitajiet għaż-żgħażagħ madwar l-Ewropa.

Kif tiġi impedita r-radikalizzazzjoni taż-żgħażagħ?

HRYO
Il-konferenza dwar “Nissuperaw il-Marġinalizzazzjoni taż-Żgħażagħ”, organizzata mill-Human Rights Youth Organisation (HRYO) fit-3 ta’ Mejju 2017, laqqgħet flimkien esperti legali, dawk li jfasslu l-politika u l-professjonisti li jinsabu fuq quddiem nett biex jindirizzaw il-kwistjoni taż-żgħażagħ Ewropej li jħaddnu l-estremiżmu vjolenti.

F’Settembru tal-2015, Tamimount Essaide, id-Direttriċi tal-Maison de Quartier St Antoine (MQSA) fi Brussell, iltaqgħet ma’ Saliha Ben Ali, omm ta’ żagħżugħ ta’ 19-il sena li miet fis-Sirja wara li ssieħeb mal-ISIS. Is-Sinjura Ben Ali hi l-fundatriċi tas-Soċjetà Kontra l-Vjolenza Estrema. Flimkien mal-MQSA u man-Nisa Mingħajr Fruntieri nedew l-Iskola tal-Omm bħala għodda biex tiġi mifhuma u miġġielda l-problema taż-żgħażagħ li jħaddnu l-estremiżmu. “Irċevejna sejħiet minn ommijiet ikkonċernati dwar il-futur ta’ wliedhom, u l-ommijiet jistgħu jkunu l-ewwel li jinnotaw id-diqa jew l-iżolament ta’ wliedhom, għalhekk huma għandhom rwol rigward it-twissija bikrija u s-salvagwardjar ta’ wliedhom” spjegat Tamimount. Matul perjodu ta’ 15-il ġimgħa fl-Iskola tal-Omm, il-parteċipanti jiksbu fehim aħjar dwar l-ambjent ta’ wliedhom, jitgħallmu kif iwettqu prevenzjoni intelliġenti u jsaħħu l-irbit emozzjonali bejn il-ġenituri u t-tfal”.

 

Din l-inizjattiva hi eżempju ta’ idea komuni bejn il-kelliema kollha tal-konferenza: l-ewwel battalja biex tintrebaħ il-marġinalizzazzjoni taż-żgħażagħ u tiġi impedita r-radikalizzazzjoni hi l-qasam lokali.

 

Difensur konvint tal-approċċ lokali hu Bart Somers, is-sindku tal-belt ta’ Mechelen fil-Belġju u r-rebbieħ tal-Premju għall-Aħjar Sindku fid-Dinja 2016. Beda billi indirizza żewġ veritajiet inkonvenjenti: “l-ewwel, li kważi 4 200 żagħżugħ Ewropew issieħeb mal-ISIS u jekk in-numru ta’ żgħażagħ radikalizzati vjolenti li qed jissieħbu mal-ISIS ikompli jiżdied se jkun impossibbli għas-servizzi tas-sigurtà li jimmonitorjawhom. It-tieni, li d-diradikalizzazzjoni hi ferm diffiċli, billi jeħtiġilha ħafna ħin u flus u s-suċċess mhux garantit. Dan hu għaliex hu jiddefendi l-prevenzjoni u s-superazzjoni tal-marġinalizzazzjoni.

 

“M’għandniex bżonn aktar pulizija jew liġijiet speċjali. L-ewwel ħaġa meħtieġa hi li jkollna politika inklużiva fil-livell lokali, jeħtiġilkom toħolqu s-sigurtà fil-belt tagħkom, tħallux il-viċinanzi mingħajr servizzi, bil-kriminali bħala xempji ta’ minn jimitahom” iddikjara s-sindku ta’ Mechelen. Indika wkoll li anke jekk nippretendu li qed ngħixu f’soċjetà multikulturali, “f’bosta bliet in-nies ma jgħixux ma’ xulxin iżda maġenb xulxin, f’arċipelagi ta’ soċjetajiet monokulturali”.  Hu enfasizza l-importanza ta’ skejjel, klabbs tal-isport, u klabbs taż-żgħażagħ imħalltin. F’Mechelen, hemm klabb tal-futbol bi plejers żgħażagħ minn ambjenti kulturali differenti. Madankollu, minn barra li jilagħbu l-futbol, huma jagħmlu l-homework flimkien u jekk jirċievu marki ħżiena fl-iskola ma’ jkunux jistgħu jilagħbu l-ġimgħa ta’ wara. Hemm ukoll klabb tal-boxing, imwaqqaf minn eks dealer tad-drogi, li jimmira li jgħin iż-żgħażagħ l-aktar vulnerabbli tal-belt. Huma jitgħallmu l-boxing bil-kundizzjoni li jżommu rekord tajjeb l-iskola u jekk jinqabdu jiġġieldu darba fit-triq jitkeċċew mill-klabb.

 

Għal Caterina Chinnici, il-Co-Chair tal-Intergrupp tal-Parlament Ewropew dwar id-Drittijiet tat-Tfal “il-ġlieda kontra l-marġinalizzazzjoni u d-diskriminazzjoni għandha tkun l-ewwel prijorità fil-livell Ewropew. Il-prevenzjoni u l-integrazzjoni mill-ġdid jeħtiġilhom li jsiru permezz tal-edukazzjoni”. Dan mhux approċċ ġdid, billi hi tiftakar kif missiera Rocco Chinnici, imħallef li fl-1983 kien assassinat mill-mafja, “kien innovatur fil-liġi kriminali, billi kien l-ewwel maġistrat li kien jiltaqa’ u jaħdem maż-żgħażagħ, bħala għodda ta’ prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni”.

 

 

 

Adélaide Vanhove, mill- Osservatorju Internazzjonali tal-Ġustizzja għall-Minorenni, wissiet: “Il-ħabs hu l-agħar post għaż-żgħażagħ bi problemi, għax hemm riskju li jiġu radikalizzati u reklutati waqt li jkunu l-ħabs”. Hi osservat li “ftit li xejn ingħatat kunsiderazzjoni lill-fatt li wħud mit-terroristi suspettużi jew allegati jistgħu jkun tfal jew minorenni. M’hemm ebda politika mfassla għat-tfal fil-qasam tal-kontroterroriżmu fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri”. Vanhove temmen li “miżuri ripressivi m’għadhomx suffiċjenti; u għandu mnejn ikollhom ukoll l-effett oppost”. Hi wriet urġenza għall-adozzjoni ta’ strateġija ġdida bbażata fuq il-prevenzjoni. Din hi r-raġuni għaliex l-Osservatorju nieda l-proġett “Il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni tal-minorenni: Promozzjoni tal-użu ta’ alternattivi għat-detenzjoni permezz ta’ taħriġ ġudizzjarju” (2016-2018). L-għan tiegħu hu li tiġi skambjata l-prattika tajba bejn l-imħallfin, il-prosekuturi, l-uffiċjali tal-qorti, l-avukati, il-medjaturi u dawk li jfasslu l-politika. Huma se joħolqu manwal u kors ta’ taħriġ u tagħlim elettroniku biex jgħin il-ħaddiema ġudizzjarji jittrattaw il-kwistjoni tar-radikalizzazzjoni fid-detenzjoni u jistudjaw alternattivi għad-detenzjoni, inklużi approċċi fuq bażi komunitarji u familjari għad-diradikalizzazzjoni.

 

Huma u jiġġieldu r-radikalizzazzjoni, il-volontarji wkoll għandhom ir-rwol tagħhom. Bħala direttriċi taċ-Ċentru Ewropew tal-Vontarjat( CEV) Gabriella Civico spjegat, “stereotipi negattivi jrewħu azzjoni mimlija mibgħeda u l-volontarjat għandu s-saħħa li jkisser l-istereotipi u li jippromwovi l-fehim u t-tolleranza tad-differenzi, b’hekk jimpedixxi l-estremiżmu”. Hi enfasizzat il-fatt li l-volontarjat jibni l-komunità u r-riżiljenza, u li hu jokkupa l-ispazju fejn jistgħu jiġu implimentati l-istrateġiji għal prevenzjoni. Madankollu, Civico kritikat ukoll is-soċjetà ċivili tradizzjonali, li “mhix qed tindirizza r-radikalizzazzjoni u tiġġieled l-ideoloġija estremista, minħabba n-nuqqas ta’ kompetenza u l-biża’ ta’ reazzjoni qawwija mis-soċjetà, li tista’ taraha li hi dgħajfa mal-kriminalità, u għalhekk ir-riskju li jitilfu l-finanzjament tagħhom”.

 

Tamimount ma rċevitx finanzjament speċifiku għall-Iskola tal-Omm, iżda diġà jinsabu jippreparaw il-kors li jmiss għal Settembru. Is-Sinjura Essaidi enfasizzat li żgħażagħ radikalizzati ssieħbu ma’ gruppi terroristiċi għax “ħassew imweġġgħin”. Hi għarfet li d-diradikalizzazzjoni hi diffiċli daqs it-tneħħija ta’ xi ħadd minn setta. Wiċċha xegħel meta ftakret fil-każ ta’ żagħżugħ ta’ 15-il sena li ssieħeb ma’ grupp terroristiku fis-Sirja, iżda li bis-saħħa tal-ħidma tal-grupp fir-rikostruzzjoni tal-familja, iż-żagħżugħ seta’ jirritorna lejn daru fil-Belġju u jifdi lilu nnifsu mill-estrimiżmu vjolenti. Kif tikkonkludi s-Sinjura Essaidi “hawnhekk l-omm kellha rwol kruċjali, iżda l-istess kellhom l-awtoritajiet lokali, li tawh ċans ieħor. Issa jinsab fl-ewwel sena tiegħu fl-istudju tal-mediċina.”