Portal Ghaz-Żgħażagħ Ewropej

Informazzjoni u opportunitajiet għaż-żgħażagħ madwar l-Ewropa.

© shutterstock.com - mangostock

Il-benessri – iż-żgħażagħ mad-dinja kollha

Kif inhuma għaddejjin iż-żgħażagħ fir-reġjun tiegħek meta mqabbla mal-istess grupp ta' età f'pajjiżi oħrajn? Biex issir taf, għax ma tagħtix ħarsa lejn l-Indiċi tal-OECD u l-Indiċi Globali dwar il-Benessri taż-Żgħażagħ?

L-Indiċi tal-OECD Ħajja Aħjar

L-OECD (Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi) tieħu ħsieb l-Inizjattiva Ħajja Aħjar li tipproduċi statistika dwar il-kundizzjoni tal-għajxien materjali u l-kwalità tal-ħajja (is-saħħa, l-edukazzjoni u l-ambjent). Il-figuri, ippreżentati skont il-pajjiż, l-età u s-sess, juru progress relattiv tas-soċjetajiet mad-dinja kollha. Uża l-mappa interattiva biex tara liema reġjuni għandhom l-aqwa punteġġ fid-dimensjonijiet varji ta' benessri.

 

Il-livell medju ta' sodisfazzjoni tal-ħajja ġenerali fl-OECD hu ta' 6.6, u d-Danimarka, l-Iżlanda u l-Iżvizzera għandhom l-ogħla punteġġi.

 

65% tan-nies fl-età tax-xogħol (15 - 64) għandhom impjieg imħallas. Ir-rati huma l-ogħla fl-Iżlanda (82%), l-Iżvizzera (80%) u n-Norveġja (75%) u l-iktar baxxi fil-Greċja (49%), it-Turkija (50%) u Spanja (56%).

 

Hemm ukoll disparità bejn is-sessi fl-impjiegi. B'mod ġenerali, 58% tan-nisa għandhom xogħol, meta mqabbel ma 73% tal-irġiel. Id-disparità hi l-akbar fit-Turkija u l-Messiku u l-anqas fil-Kanada, l-Estonja u l-pajjiżi Nordiċi.

 

Fir-rigward tal-impenn ċiviku, hemm medja ta' 68% ta' nies li joħorġu jivvutaw fil-pajjiżi tal-OECD. Bħala medja, in-nisa għandhom biss 28% tal-postijiet fil-parlamenti nazzjonali.

 

Indiċi Globali dwar il-Benessri taż-Żgħażagħ

L-Indiċi Globali dwar il-Benessri taż-Żgħażagħ (bl-Ingliż biss) jiġbor u jorbot dejta relatata maż-żgħażagħ biex jivvaluta u jqabbel il-benessri taż-żgħażagħ fid-dinja. Jingħata punteġġ għal 6 aspetti tal-ħajja:

  • parteċipazzjoni taċ-ċittadini
  • opportunità ekonomika
  • edukazzjoni
  • saħħa
  • teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT)
  • sikurezza u sigurtà.

 

Il-punteġġ iqis l-indikaturi abbażi tal-perċezzjonijiet tan-nies, peress li l-livell ta' nuqqas ta' sodisfazzjoni fost iż-żgħażagħ mhux dejjem jirrifletti l-grad ta' prosperità.

 

Il-biċċa l-kbira taż-żgħażagħ jesperjenzaw livelli relattivament baxxi ta' benessri. Huma biss 15% li jikklassifikawh bħala għoli jew saħansitra moderat. B'mod ġenerali, iż-żgħażagħ jagħtu l-ogħla punteġġ lis-saħħa u l-anqas lill-opportunitajiet ekonomiċi, anke f'pajjiżi fejn il-benessri ġenerali hu għoli.

 

Aktar minn żewġ terzi tal-pajjiżi għandhom prestazzjoni 'l fuq mill-medja fis-saħħa. Filwaqt li x'aktarx li l-pajjiżi b'introjtu għoli għandhom rati ta' fertilità u mortalità baxxi meta mqabblin ma' ta' oħrajn, il-livelli ta' depressjoni u stress fost iż-żgħażagħ ħafna drabi jkunu ogħla.