Portal Ghaz-Żgħażagħ Ewropej
Informazzjoni u opportunitajiet għaż-żgħażagħ madwar l-Ewropa.

DiscoverEU


DiscoverEU




X’inhi DiscoverEU?

Għandek 18-il sena? Tħossok lest għal avventura? Jekk iva, kun lest biex tesplora l-Ewropa billi tingħaqad fi DiscoverEU, inizjattiva tal-Unjoni Ewropea li tippermetti lil madwar 15,000 żagħżugħ u żagħżugħa biex jirċievu pass tal-ivvjaġġar għal dan is-sajf.

Aħtaf din l-opportunità biex tesperjenza l-libertà tal-moviment, tifhem aħjar id-diversità tal-Ewropa, tgawdi r-rikkezza kulturali tagħha, tagħmel ħbieb ġodda u fl-aħħar mill-aħħar, tiskopri lilek innifsek.

U fuq kollox, bl-2018 is-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali, tista’ tgħid li l-vjaġġ se jkun aħjar! Qed iseħħu ħafna avvenimenti fl-Ewropa kollha biex niċċelebraw il-wirt kulturali tant varjat tagħna.

Fil-biċċa l-kbira se tivvjaġġa bit-trejn. Dan ifisser li se tibqa’ impressjonat bil-varjetà ma tispiċċa qatt ta’ rħula u pajsaġġi li l-kontinent tagħna għandu x’joffri.

Biex niżguraw aċċess wiesa’ fil-kontinent kollu, il-pass tal-ivvjaġġar se joffri wkoll alternattivi bħall-karozzi tal-linja jew il-ferries. F’każijiet eċċezzjonali u meta ma jkun hemm ebda mezz ta’ trasport ieħor, se tkun tista’ taqbad l-ajruplan. Dan se jiżgura li ż-żgħażagħ li jgħixu f’żoni remoti jew fuq gżejjer ikollhom ukoll iċ-ċans li jieħdu sehem.

 

Min jista’ japplika?

Tista’ tapplika biss jekk inti:

  • għandek 18-il sena fl-1 ta’ Lulju 2018 (dawk li twieldu bejn it-2 ta’ Lulju 1999 u l-1 ta’ Lulju 2000);
  • għandek in-nazzjonalità ta’ wieħed mit-28 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea;
  • timla n-numru tal-ID jew tal-passaport tiegħek fil-formola tal-applikazzjoni online;
  • tibda l-vjaġġ tiegħek f’wieħed mit-28 Stat Membru tal-UE;
  • tippjana li tibda l-vjaġġ tiegħek bejn id-9 ta’ Lulju u t-30 ta’ Settembru 2018;
  • tippjana li tivvjaġġa bejn jum wieħed u mhux aktar minn 30 jum;
  • tippjana li tivvjaġġa lejn mill-inqas wieħed u mhux aktar minn erba’ pajjiżi barranin fi ħdan l-UE;
  • Lest li ssir Ambaxxatur ta’ DiscoverEU

Jekk tilħaq dawn il-kriterji, allura tista’ tapplika permezz tal-għodda ta’ reġistrazzjoni online.

Tista’ tapplika bħala individwu jew bħala grupp ta’ massimu ta’ 5 persuni. Għall-gruppi, irid jinħatar kap tal-grupp. Il-kap tal-grupp jimla l-formola tal-applikazzjoni u jieħu sehem fil-kwiżż u fil-mistoqsija determinanti. Il-kap se jirċievi kodiċi meta jibgħat l-applikazzjoni, li mbagħad irid jikkomunika lill-membri tal-grupp biex jippermetti r-reġistrazzjoni tagħhom. Fuq il-bażi tal-kodiċi pprovduta mill-kap tal-grupp, il-bqija tal-membri tal-grupp jistgħu mbagħad jirreġistraw online, u jimlew id-data personali tagħhom. Il-membri kollha tal-grupp għandu jkollhom 18-il sena wkoll.

Mistoqsijiet Frekwenti

 

Meta u kif għandek tapplika?

L-applikazzjoni se tiftaħ online mit-12 ta’ Ġunju f’12:00 (CEST) sas-26 ta’ Ġunju 2018 f’12:00 (CEST). L-ewwel nett, trid tagħti d-data personali tiegħek u tagħti aktar dettalji dwar il-vjaġġ li qed tippjana li tagħmel. It-tieni nett, trid twieġeb għal 5 mistoqsijiet f’għamla ta’ kwizz marbuta mas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali 2018 u l-inizjattivi tal-UE mmirati lejn iż-żgħażagħ. Fl-aħħar nett, trid twieġeb mistoqsija determinanti, li se tippermetti lill-Kummissjoni Ewropea tikklassifika l-applikanti f’każ li jkun hemm għadd kbir wisq ta’ applikazzjonijiet. Ladarba jintgħażlu, il-parteċipanti jridu jibdew jivvjaġġaw bejn id-9 ta’ Lulju u t-30 ta’ Settembru 2018.

 

L-Ewropa qed tistenniek. Ħu l-ewwel pass.

 

 

Filmat TEDx ta’ ispirazzjoni minn Vincent-Immanuel Herr

#FreeInterrail - A Vision of a Europe for All | Vincent-Immanuel Herr | TEDxOTHRegensburg

Video Description: 

 

X’nixtiequ mingħandek?

Billi ssir Ambaxxatur ta’ DiscoverEU, inti mistieden tirrapporta dwar l-esperjenzi tiegħek tal-ivvjaġġar, pereżempju permezz tal-għodod tal-midja soċjali bħal Instagram, Facebook jew Twitter, jew billi tipprovdi preżentazzjoni fl-iskola tiegħek jew fil-komunità lokali tiegħek. Tinsiex tingħaqad fil-grupp tal-Facebook ta’ Skopri l-UE meta dan jinħoloq!

Teħtieġ aktar informazzjoni?

Jekk għandek mistoqsija dwar DiscoverEU, jekk jogħġbok iċċekkja t-tweġibiet fil-paġna tal-Mistoqsijiet Frekwenti (FAQs). Jekk din il-paġna ma tipprovdilekx l-informazzjoni meħtieġa, jekk jogħġbok ikkuntattjana direttament billi tikklikkja “Staqsina!” Naspiraw li nwieġbu l-mistoqsijiet kollha fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol.
Staqsina!