Portal Ghaz-Żgħażagħ Ewropej

Informazzjoni u opportunitajiet għaż-żgħażagħ madwar l-Ewropa.

A picture
© shutterstock.com - mangostock

Kif tagħżel opportunità tajba ta' volontarjat

L-aktar ħaġa importanti hi li tagħżel il-volontarjat li jaqbel mal-ħiliet, l-interessi u d-disponibbiltà tiegħek. Ladarba jkun hemm dan, tista’ tibda t-tfittxija tiegħek għal opportunità ta' kwalità.

Il-volontarjat jista’ jkun esperjenza li ma tinsihiex, iżda b'daqstant opportunitajiet mnejn tagħżel hu importanti li wieħed joqgħod attent mill-għażla. Il-kwalità tal-esperjenza tiegħek tista' tiddetermina kif tara l-volontarjat in ġenerali.

Għalhekk meta tiddeċiedi li tagħmel volontarjat, l-ewwel ħaġa hija li tistaqsi lilek innifsek:

  • X 'inhuma l-istennijiet u l-għanijiet tiegħi?
  • Kemm għandi żmien?
  • X'tip ta' xogħol nixtieq nagħmel?
  • Liema ħiliet nista' noffri?

 

Għamel ftit verifiki ta' referenza

Għandek issib ħafna opportunitajiet differenti fuq l-internet, minħabba li jeżistu bosta organizzazzjonijiet li jilqgħu l-għajnuna tiegħek. Madankollu, għandek tiżgura li dawn l-organizzazzjonijiet huma affidabbli. Hemm mijiet ta' siti web għal għaqdiet li m'għadhomx jeżistu, li qatt ma eżistew verament jew li sempliċiment ma jwettqux ix-xogħol li jgħidu. Anki jekk tara riklam fuq sit iddedikat għall-volontarjat, għandek tiftakar li dawn is-siti mhumiex responsabbli mill-kredibbiltà tal-organizzazzjonijiet li jirriklamaw fuqhom.

Fil-qosor, dejjem għandek tinvestiga organizzazzjoni mhux biss billi żżur il-websajt iżda wkoll billi titkellem ma' persunal, sabiex tkun taf x’qed jippruvaw iwettqu u kif jaħdem il-programm tal-volontarjat tagħhom. Organizzazzjonijiet affidabbli ma jkollhomx problema jwieġbu l-mistoqsijiet tiegħek u li jlaqqgħuk ma' volontiera preċedenti.

Żomm f'moħħok li anke jekk għażilt opportunità li dehret perfetta f'organizzazzjoni ta' fiduċja, l-affarijiet xorta jridu ż-żmien biex jimxu mingħajr skossi u għandek tkun paċenzjuż. Mhux kull xogħol ta' volontarjat huwa tajjeb għal kull volontier, u filwaqt li wieħed jista' ma jkunx ideali għalik, se jkun hemm ħafna oħrajn li jaqdu l-ħtiġijiet tiegħek.