Portal Ghaz-Żgħażagħ Ewropej

Informazzjoni u opportunitajiet għaż-żgħażagħ madwar l-Ewropa.

A picture
© fotolia.com - goodluz

Ix-xogħol fl-Ewropa

Nafu li l-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-Ewropa huwa għoli – iżda kważi nofs dawk kollha li sabu xogħol fl-2010 kellhom bejn 19 u 29 sena. Dan ifisser li madwar 20 miljun żagħżugħ u żagħżugħa Ewropej sabu xogħol fl-2010. Kif tista' tkun wieħed minnhom?

Naturalment, tista' tibda billi tikkuntattja lis-servizz tax-xogħol pubbliku lokali tiegħek.

Hemm ukoll il-Portal Ewropew tal-Mobilità tax-Xogħol - EURES, li jgħaqqad flimkien aktar minn 5,000 uffiċċju tax-xogħol pubbliku madwar l-Ewropa, li permezz tiegħu jiġu stabbiliti kuntatti bejn dawk li qed ifittxu x-xogħol u dawk li jħaddmu u joffri servizzi ta' appoġġ attivi.

 

Meta tista' tibda taħdem?

Skont il-liġi tal-UE kontra t-tħaddim tat-tfal, ma tistax taħdem jekk inti taħt il-15-il sena jew jekk tkun għadek għaddej bl-edukazzjoni obbligatorja – għalkemm hemm eċċezzjoni waħda jew tnejn fejn tista' taħdem ta' 13 jew 14-il sena.

Hemm ukoll regoli tal-UE dwar is-saħħa u s-sigurtà mfassla speċifikament biex jipproteġu ż-żgħażagħ taħt it-18-il sena. Pereżempju, dawn jidentifikaw l-impjiegi mhux adattati għaż-żgħażagħ – l-impjiegi li jaqbżu l-kapaċitajiet mentali jew fiżiċi tiegħek jew li jinvolvu esponiment għal sustanzi perikolużi li jistgħu jagħmlulek il-ħsara.

Regoli tal-UE dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol taż-żgħażagħ.

 

Tejjeb il-possibbiltajiet tiegħek

  • Ħu l-ħin tiegħek u agħmel sforz biex tikteb CV tajba.
  • Kun żgur li l-profil onlajn tiegħek – fuq siti tan-netwerking soċjali, eċċ. – ma jaħdimx kontrik. Ħafna impjegaturi issa jużaw l-internet biex issir jafu dwar l-applikanti. Agħmel tiftixa fuqek innifsek fuq l-internet ħa tara xi ssib.

  • Kun proattiv
    • ikkuntattja lill-kumpaniji direttament, anki jekk ma jkunux qed jirreklamaw postijiet vakanti
    • ipprova sib mod kif tispikka qalb l-oħrajn
    • staqsi lil sħabek u lil dawk li jafuk jekk ikunux jafu b'xi postijiet vakanti
    • żgura li l-kuntatti rilevanti kollha tiegħek ikunu jafu li int disponibbli u liema huma l-ħiliet tiegħek.
  • Ikkunsidra li tagħmel kors professjonali, vokazzjonali – bosta kumpaniji jagħtu valur lill- kandidati li jistgħu joffru aktar minn sempliċement sfond akkademiku.