You are here

flag

Pubblikat: 23/04/2013 10:51

Apprendistati mal-Kummissjoni Ewropea

Dejjem xtaqt tkun taf kif taħdem tassew il-Kummissjoni Ewropea? Jekk tapplika għal apprendistat tista' ssir taf dan minn ġewwa.

© fotolia.com - FotolEdhar

Il-Kummissjoni Ewropea torganizza apprendistati amministrattivi jew fit-traduzzjoni darbtejn fis-sena. L-apprendistati huma primarjament għall-gradwati universitarji żgħażagħ u jdumu bejn 3-5 xhur.

Il-biċċa l-kbira tal-apprendisti huma ċittadini ta' pajjiż membru tal-UE jew pajjiż kandidat. Madankollu, hemm ukoll għadd limitat ta' postijiet għal ċittadini ta’ pajjiżi mhux membri.

 

Kif tapplika

Biex tapplika trid tkun ksibt lawrja universitarj (jew l-ekwivalenti) u jrid ikollok għarfien tajjeb ħafna tal-Ingliż, il-Franċiż jew il-Ġermaniż. Jekk int ċittadin ta' pajjiż tal-UE, irid ikollok ukoll għarfien tajjeb ta' lingwa oħra tal-UE.

Jekk tkun għamilt apprendistat f'istituzzjoni jew entità oħra tal-UE, ma tkunx tista' tapplika għal apprendistat mal-Kummissjoni.

Biex l-applikazzjoni tiegħek tkun valida għandek timla u tibgħat il-formola ta' applikazzjoni onlajn u tibgħatha bil-posta qabel l-iskadenza tal-applikazzjoni.

 

L-iskadenzi!

Il-perjodu tal-apprendistat normalment jibda fl-1 ta' Marzu u l-1 ta' Ottubru, iżda l-apprendisti tat-traduzzjoni jistgħu jinbdew f'dati oħra.

Għall-apprendistati ta' Marzu l-iskadenza għall-applikazzjonijiet hi l-31 ta' Awwissu tas-sena preċedenti.

Għall-apprendistati ta' Ottubru l-iskadenza hi l-31 ta' Jannar tal-istess sena.

 

Imniedi fl-1960, dan huwa l-programm ta' apprendistat tax-xorta tiegħu li l-iktar ilu għaddej. L-apprendistati mal-Kummissjoni Ewropea jipprovduk b'għarfien prattiku tal-ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni u jippermettulek takkwista esperjenza personali permezz tal-kuntatti li tagħmel fix-xogħol ta' kuljum tiegħek. Tkun tista' tkompli tqiegħed fil-prattika l-għarfien li tkun akkwistajt matul l-istudji tiegħek. Normalment, l-apprendisti jingħataw għotja, filwaqt li l-apprendisti b’diżabilità jistgħu jirċievu għotja supplimentari.