Skip to main content
EU Aid Volunteers

EU Aid Volunteers

Il-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE huwa inizjattiva li jiġbor flimkien voluntiera u organizzazzjonijiet biex jipprovdu appoġġ prattiku lil proġetti ta’ għajnuna umanitarja ta’ komunitajiet affettwati minn diżastri.

Dwar

X’inhi?

L-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE tqiegħed f’kuntatt lill-voluntiera ma’ organizzazzjonijiet minn pajjiżi differenti, tipprovdi appoġġ prattiku għal proġetti ta’ għajnuna umanitarja u tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kapaċità lokali u r-reżiljenza tal-komunitajiet affettwati minn diżastru. Il-parteċipanti fl-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE jrid ikollhom 18-il sena jew aktar u jridu jkunu ċittadini ta’ Stat Membru tal-UE jew residenti fit-tul fl-UE. Il-voluntiera jirċievu l-ispejjeż tal-akkomodazzjoni u tal-ivvjaġġar, tal-assigurazzjoni, tat-tagħlim u l-iżvilupp kontinwu, allowance ta’ kull xahar, u allowance għall-istabbiliment mill-ġdid biex tgħinhom bl-ispejjeż għar-ritorn id-dar.

Kif qed ngħinu?

L-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE tappoġġja l-organizzazzjonijiet ta’ għajnuna umanitarja. Il-proġetti tal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE, immexxija minn sħab ta’ organizzazzjonijiet ibbażati fl-UE u oħrajn mhux ibbażati fl-UE jsaħħu l-kapaċità ta’ organizzazzjonijiet mhux ibbażati fl-UE biex jippreparaw u jirrispondu għal kriżijiet umanitarji u biex itejbu l-immaniġġjar tal-voluntiera tagħhom. L-inizjattiva tipprovdi wkoll finanzjament għal assistenza teknika lil organizzazzjonijiet ibbażati fl-UE biex tissaħħaħ il-kapaċità teknika tagħhom u biex jilħqu l-istandards u l-proċeduri rikjesti biex jiġu mmobilizzati l-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE.

L-organizzazzjonijiet li jimmobilizzaw il-voluntiera għandhom jikkonformaw mal-istandards tal-inizjattiva dwar l-immaniġġjar tal-voluntiera u jgħaddu mill-proċess ta’ ċertifikazzjoni qabel ma jissottomettu proposta għal mobilizzazzjoni ta’ voluntiera

L-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE toffri:

  • opportunitajiet għaċ-ċittadini Ewropej biex isiru voluntiera fi proġetti umanitarji mad-dinja kollha u b’hekk juru solidarjetà man-nies fil-bżonn,
  • appoġġ professjonali minn voluntiera mħarrġa u mħejjijin sew lil komunitajiet affettwati minn diżastru,
  • il-bini ta’ kapaċità għall-istaff u l-voluntiera lokali ta’ organizzazzjonijiet tal-għajnuna f’pajjiżi milquta minn diżastri,
  • assistenza teknika għal organizzazzjonijiet ibbażati fl-Ewropa biex isaħħu l-kapaċitajiet tagħhom biex jipparteċipaw fl-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE.

Xi jmiss?

Fir-regolament il-ġdid dwar il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà li jmiss għall-perjodu 2021-2027, il-programm tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà se jinkludi l-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE bħala element ġdid. Minn Jannar 2021, id-DĠ EAC se jkun responsabbli mill-attivitajiet ta’ volontarjat taż-żgħażagħ fil-qasam tal-għajnuna umanitarja. 

Għal iktar informazzjoni dwar il-proġetti tal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE – jekk inti benefiċjarju – jekk jogħġbok żur il-Pjattaforma tal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE.