Mogħdija tan-navigazzjoni

Aġġornat : 17/08/2016

work

Ħaddiema stazzjonati

Min iħaddmek jista' jistazzjonak għal trasferiment qasir f' pajjiż ieħor tal-UE biex twettaq servizz temporanju, għal żmien massimu ta' sentejn.

Bħala ħaddiem stazzjonat billi tkun se toqgħod għal perjodu limitat ta' żmien, se tgawdi drittijiet u privileġġi speċjali. Dawn il-kundizzjonijiet għandhom jagħmluha eħfef għalik biex taħdem f'pajjiż barrani għal perjodu limitat, u jinkludu d-dispożizzjonijiet li ġejjin:

  • Ma għandekx bżonn permess tax-xogħol - sakemm m'intix impjegat stazzjonat mill-Kroazja fl-Awstrija, fejn japplikaw restrizzjonijiet biex taħdem f'ċerti setturi.
  • Se tkompli tħallas il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali lill-awtoritajiet ta' pajjiżek
  • Se tkun kopert mis-sistema tas-sigurtà soċjali tal-pajjiż
  • Mhux se jkun jeħtieġlek rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali tiegħek; madankollu, għandu mnejn ikollok bżonn dikjarazzjoni bil-miktub għal ċerti professjonijiet: skopri aktar dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali
  • Meta tirtira, ma jkollox għaliex tħabbat wiċċek ma' korpi tal-pensjonijiet minn pajjiżi differenti - l-istituzzjonijiet tal-pajjiż ospitanti tiegħek mhux se jkunu involuti.

Ir-regoli tal-UE jiżguraw li int tibqa' kopert mis-sistema tas-sigurtà ta' pajjiżek. M'hemmx madankollu liġijiet mal-UE kollha liema pajjiż jista' jintaxxa d-dħul tiegħek matul l-istazzjonar. Dan jeħtieġlu jkun stabbilit fil-liġijiet nazzjonali jew fil-ftehimiet dwar it-taxxa bejn il-pajjiżi tal-UE: skopri aktar dwar it-taxxa fuq l-introjtu.

Kopertura tas-sigurtà soċjali meta tkun f'pajjiż barrani

Bħala ħaddiem stazzjonat, tista' taħdem b'mod temporanju f'pajjiż ieħor tal-UE u tibqa' kopert mis-sistema tas-sigurtà soċjali ta' pajjiżek.

Skopri kif testendi l-kopertura tas-sigurtà soċjali tiegħek tul iż-żmien li toqgħod f'pajjiż barrani.

Dikjarazzjoni minn qabel

Għandu mnejn ikollok timla wkoll dikjarazzjoni minn qabel fejn tiddikjara li beħsiebek taħdem fil-pajjiż ospitanti. Jekk int impjegat, min iħaddmek jeħtieġlu jieħu ħsieb dan.

Għal dettalji, ikkuntattja l- uffiċċju għall-koordinament tal-ħaddiema stazzjonati jew il- punt ta' kuntatt uniku fil-pajjiż li sejjer fih.

Kundizzjonijiet tax-xogħol

Min iħaddmek għandu jiggarantixxi li int impjegat taħt l-istess kundizzjonijiet u termini ta' impjieg bħal dawk fis-seħħ fil-pajjiż ospitanti, inklużi:

  • il-paga minima: is-salarju tiegħek ma jistax ikun anqas mill-paga minima lokali
  • il-perjodi massimi ta' xogħol u l-perjodi minimi ta' mistrieħ
  • is-sigħat tax-xogħol: ma tistax taħdem aktar minn ammont definit ta' sigħat
  • l-ammont minimu ta' liv annwali mħallas: int intitolat għal vaganzi
  • is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol
  • il-kundizzjonijiet ta' impjieg għan-nisa tqal u għaż-żgħażagħ
  • ir-regoli li jipprojbixxu xogħol li jsir mit-tfal.

Storja bħala eżempju

Meta tintbagħat taħdem f'pajjiż barrani, għandek l-istess drittijiet bħall-kollegi tiegħek lokali.

Andrea taħdem għal kumpanija tat-tindif Ġermaniża għal 8.50 euro fis-siegħa. Wara li ntbagħtet taħdem fi Strasburgu fi Franza, kompliet taħdem bl-istess salarju, sakemm il-kollegi tagħha informawha li kellha taqla' tal-anqas 9.67 euro s-siegħa (il-paga minima Franċiża).

Min iħaddem lil Andrea hu obbligat li jżied il-paga tagħha tal-anqas għar-rata ta' 9.67 euro hi u taħdem fi Franza. Apparti l-paga, fi Franza Andrea tgawdi minn għadd ta' drittijiet speċifiċi oħrajn.

Qabel ma tassumi l-istazzjonar f'pajjiż ieħor tal-UE, iċċekkja d-drittijiet tiegħek bħala impjegat mal- uffiċċju għall-koordinament tal-ħaddiema stazzjonati fil-pajjiż ospitanti.

Konsultazzjonijiet pubbliċi
Qed tfittex xogħol f'pajjiż ieħor?
Ibda billi tfittex hawn - opportunità ta' xogħol
Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?
Sib għajnuna u pariri

F'dan il-każ, 28 stat membru tal-UE + l-Islanda, in-Norveġja, il-Liechtenstein u l-Isvizzera

Retour au texte en cours.