Mogħdija tan-navigazzjoni

Irtirar

Aġġornat : 12/2012

Taxxi

M'hemmx liġi tal-UE li tgħid kif għandhom jiġu intaxxati l-persuni li jiċċaqalqu minn pajjiż għal ieħor fl-UE — jeżistu biss liġijiet nazzjonali u trattati bilaterali dwar it-taxxa bejn il-pajjiżi.

It-trattati dwar it-taxxa jvarjaw ħafna u ma jindirizzawx l-eventwalitajiet kollha. Pereżempju, it-taxxi fuq id-dħul u l-kapital normalment huma fl-ambitu tagħhom, iżda ftit jindirizzaw it-taxxi fuq il-wirt.

Madankollu, hemm xi prinċipji bażiċi li japplikaw f'ħafna każijiet għal persuni li jqattgħu perjodu f'pajjiżi tal-UE li mhumiex pajjiżhom. Dawn jinsabu hawn taħt.

Taxxa fuq id-dħul, inklużi l-pensjonijiet

Jekk tqatta' iktar minn 6 xhur fis-sena f'pajjiż ieħor tal-UE, tista' titqies bħala resident taxxabbli hemmhekk. Jekk dan hu minnu, ikollok tħallas lil dak il-pajjiż it-taxxa fuq id-dħul totali mid-dinja kollha — fuq il-pensjoni u fuq dħul ieħor minn kwalunkwe sors fi ħdan jew barra l-pajjiż.

Jekk tqatta' inqas minn 6 xhur f'pajjiż ieħor, id-dħul iġġenerat hemmhekk biss (bħall-pensjoni) jiġi intaxxat hemmhekk, peress li tibqa' tiġi kkunsidrat bħala resident taxxabbli f'pajjiżek — jew fil-pajjiż fejn tgħix normalment.

Eċċezzjoni: il-pensjonijiet tas-settur pubbliku normalment huma intaxxati biss fil-pajjiż tal-amministrazzjoni li impjegatek.

Din hi biss taqsira ta' x'jiġri s-soltu. Jista' jkun hemm eċċezzjonijiet għar-regoli ġenerali f'xi pajjiżi. U kull pajjiż għandu r-regoli tiegħu dwar ir-residenza taxxabbli. Iċ-ċirkostanzi speċifiċi tiegħek għandhom dejjem jiġu kkunsidrati.

Tista' tistaqsi lill-uffiċċju tat-taxxa qrib tiegħek jew lill-konsulent Ewropew tal-impjiegi.

Qabel ma tmur tgħix barra ikseb parir personalizzat u xi informazzjoni dwar it-taxxa fuq id-dħul fil-pajjiż fejn trid tmur tgħix.

Jekk f'pajjiż tal-UE speċifiku t-taxxi huma ogħla għal dawk li jħallsu t-taxxa u li mhumiex residenti, dan jista' jkun li qed jikser il-liġi tal-UE. Jekk tħoss li qed tkun diskriminat, tista' tikseb parir personalizzat.

Iċċekkja liema pajjiż se jkun ir-residenza taxxabbli, speċjalment jekk taqsam iż-żmien bejn pajjiżi differenti. Xi pajjiżi għandhom sistema tal-ewwel/it-tieni residenza. Sib dwar ir-rati tat-taxxa u t-tnaqqis ukoll. Tista' tistaqsi lill-uffiċċju tat-taxxa qrib tiegħek jew lill-konsulent Ewropew tal-impjiegi.

Informazzjoni dwar it-taxxa fuq id-dħul, dettalji ta' kuntatt għall-awtoritajiet tat-taxxa u d-definizzjonijiet ta' resident għal raġunijiet ta' taxxa għal kull pajjiż.

Taxxi oħrajn

Għal informazzjoni dwar taxxi oħrajn fil-pajjiż fejn tgħix bħalissa, żur l-uffiċċju lokali tat-taxxa.

Taxxa fuq il-wirt

Jekk qed taħseb li tixtri proprjetà biex tirtira fiha barra minn pajjiżek, sib dwar it-taxxa fuq il-wirt l-ewwel.

Is-sistemi tat-taxxa fuq il-wirt ivarjaw ħafna fl-Ewropa u r-riskju li tiġi intaxxat fiż-żewġ pajjiżi bla rimedju għal din it-tassazzjoni doppja għadu għoli ħafna.

Jekk tinħtieġ iktar informazzjoni, ikkuntattja lill-uffiċċju tat-taxxa fil-pajjiż il-ġdid tiegħek.

Storja bħala eżempju

Sib dwar it-taxxi fil-pajjiż il-ġdid tiegħek — jistgħu jkunu ħafna ogħla milli f'pajjiżek

Alison u Simon mir-Renju Unit xtraw dar fi Franza u rtiraw fiha. Franza titlob taxxa tal-wirt fuq il-proprjetà hemmhekk, għalhekk meta Alison mietet, Simon kellu jbigħ id-dar tagħhom biex iħallas it-taxxa tal-wirt Franċiża, li kienet 50% tal-valur tad-dar.

Mhux biss, Simon jaf ikollu jħallas ukoll taxxa tal-wirt fuq il-proprjetà fir-Renju Unit peress li Alison kienet domiċiljata fir-Renju Unit — għalkemm l-ammont totali tat-taxxa tal-wirt fiż-żewġ pajjiżi jista' jonqos grazzi għal ftehim dwar it-taxxa tal-wirt bejn ir-Renju Unit u Franza.

Trattament ugwali

Jekk tirtira barra minn pajjiżek u tiġi kkunsidrat bħala resident taxxabbli fil-pajjiż il-ġdid tiegħek, trid tiġi intaxxat bl-istess mod bħaċ-ċittadini ta' dak il-pajjiż.

Bħala resident mhux nazzjonali, normalment trid tingħata l-istess tnaqqis tat-taxxa bħaċ-ċittadini tal-pajjiż. U, suġġett għal ċerti kundizzjonijiet, kwalunkwe kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni soċjali li tħallas fil-pajjiż ta' oriġini tiegħek għandhom jitnaqqsu fil-pajjiż ta' residenza l-ġdid tiegħek. Jekk tħoss li qed tkun diskriminat, tista' tikseb parir personalizzat.

Għad għandek bżonn l-għajnuna?

Għad għandek bżonn l-għajnuna?

Ma sibtx dak li kont qed tfittex? Għandek problema xi ssolvi?