Mogħdija tan-navigazzjoni

Irtirar

Aġġornat : 12/2012

Kopertura tal-kura tas-saħħa

Il-kopertura tal-kura tas-saħħa fil-pajjiż fejn tgħix

Jekk tirċievi pensjoni mill-pajjiż fejn tgħix, int u familtek intom koperti mis-sistema ta' assigurazzjoni fuq is-saħħa ta' dak il-pajjiż — kemm jekk tirċievi u kemm jekk ma tirċevix pensjoni minn pajjiżi oħrajn.

Storja bħala eżempju

Kun af dwar is-sistema tal-kura tas-saħħa fil-pajjiż il-ġdid tiegħek

Nicolas dejjem għex Franza u ħadem hemm kważi ħajtu kollha — ħlief għal ftit snin meta ħadem l-Italja bħala wejter meta kien żgħir.

Meta Nicolas irtira, mar l-Italja. Il-pensjoni tiegħu kienet magħmula minn żewġ partijiet: pensjoni Taljana li tirrifletti s-snin meta ħadem l-Italja u pensjoni Franċiża għas-snin li ħadem Franza.

Peress li Nicolas jgħix l-Italja U jirċievi pensjoni mill-awtoritajiet Taljani, jappartjeni għas-sistema Taljana tal-assigurazzjoni fuq is-saħħa. M'għadux parti mis-sistema Franċiża.

Jekk ma tirċevix pensjoni jew kwalunkwe dħul ieħor mill-pajjiż fejn tgħix, huma possibbli 2 sitwazzjonijiet:

  • jekk tirċievi pensjoni minn pajjiż ieħor tal-UE, tappartjeni għas-sistema ta' assigurazzjoni fuq is-saħħa ta' dak il-pajjiż.
  • jekk tirċieivi pensjoni minn diversi pajjiżi tal-UE, tappartjeni għas-sistema ta' assigurazzjoni fuq is-saħħa tal-pajjiż fejn kont assigurat l-iktar fit-tul.

Fiż-żewġ każijiet trid titlob ċertifikat ta' intitolament għall-kura tas-saħħa - il-formola S1 (l-E121 il-qodma) - mill-awtorità tal-assigurazzjoni fil-pajjiż fejn tapplika għalik is-sistema ta' assigurazzjoni fuq is-saħħa.

Dan id-dokument jistabbilixxi d-dritt tiegħek għal kopertura sħiħa tal-kura tas-saħħa fil-pajjiż ta' residenza tiegħek. Għandek tissottomettih lill-awtorità tal-assigurazzjoni fuq is-saħħa ta' hemmhekk.

Fil-prinċipju, int u familtek intom intitolati biss għal kura medika fil-pajjiż fejn intom residenti. Madankollu, xi pajjiżi (ara l-lista hawn taħt) joffru lill-pensjonanti li jgħixu barra pajjiżhom - iżda li jappartjenu għas-sistema tas-sigurtà soċjali tagħhom - kopertura sħiħa tal-kura tas-saħħa fit-territorju tagħhom ukoll.

Il-kopertura tal-kura tas-saħħa fil-pajjiż fejn kont taħdem

Int intitolat għal kopertura sħiħa tal-kura tas-saħħa — u l-kard tal-assigurazzjoni tixhed dan — kemm fil-pajjiż fejn int assigurat (għax ħdimt hemmhekk) u kif ukoll fil-pajjiż fejn qed tgħix issa, jekk huma differenti. Madankollu, dan japplika biss jekk int assigurat f'wieħed minn dawn il-pajjiżi:

l-Awstrija

Franza

il-Pajjiżi l-Baxxi

il-Belġju

il-Ġermanja

il-Polonja

il-Bulgarija

il-Greċja

is-Slovenja

Ċipru

l-Ungerija

Spanja

ir-Repubblika Ċeka

il-Lussemburgu

l-Isvezja

L-istess japplika għall-membri tal-familja tiegħek.

Jekk int assigurat f'pajjiż li mhux imsemmi fil-lista, tkun intitolat biss għal kopertura sħiħa tal-kura tas-saħħa fil-pajjiż fejn tgħix.

Is-sistemi tal-kura tas-saħħa jistgħu jvarjaw ħafna fl-Ewropa.

Sib l-informazzjoni dwar is-sistema tas-saħħa fil-pajjiż fejn se tmur - biex tevita l-problemi u l-ftehim ħażin li jista' jwassal għal konsegwenzi serji:

Sistemi tal-benefiċċji nazzjonali skont il-pajjiż.

Għall-ħaddiema li jaħdmu f'pajjiż viċin ta' fejn jgħixu

Jekk l-iktar impjieg reċenti tiegħek kien f'pajjiż viċin ta' fejn tgħix, jiġifieri kont tgħix f'pajjiż wieħed u ta' kuljum kellek tmur f'pajjiż ieħor għax-xogħol, dan japplika għalik:

Kontinwazzjoni ta' kura

Tista' tkompli tirċievi kura li bdejt fil-pajjiż fejn kont taħdem anke wara li tirtira. Dan japplika wkoll għad-dipendenti tiegħek jekk il-kura tagħhom bdiet fi:

l-Awstrija

il-Ġermanja

il-Portugall

il-Belġju

il-Greċja

ir-Rumanija

il-Bulgarija

il-Latvja

is-Slovakja

Ċipru

il-Lussemburgu

is-Slovenja

ir-Repubblika Ċeka

Malta

Franza

il-Polonja

Mill-1 ta' Mejju 2014, dan se jsir possibbli wkoll għal kura li bdiet fi:

l-Estonja

l-Italja

il-Pajjiżi l-Baxxi

l-Ungerija

il-Litwanja

Spanja

Biex tkompli tirċieiv l-kura li bdejt fil-pajjiż fejn kont taħdem, għandek tissottometti l-formola S3 lill-awtoritajiet tas-saħħa f'dak il-pajjiż.

Il-kopertura fil-pajjiż fejn kont taħdem u fil-pajjiż fejn tgħix

Jekk ħdimt tal-anqas sentejn bħala ħaddiem bejn żewġ pajjiżi matul il-5 snin ta' qabel l-irtirar, int intitolat għall-kura tas-saħħa kemm fil-pajjiż ta' residenza tiegħek kif ukoll fil-pajjiż fejn kont taħdem.

Dan japplika wkoll għad-dipendenti tiegħek jekk il-pajjiż fejn qed tgħix issa u l-pajjiż fejn kont taħdem jinsabu t-tnejn f'dan il-grupp:

l-Awstrija

il-Ġermanja

Spanja

il-Belġju

il-Lussemburgu

Franza

il-Portugall

Jekk tixtieq aċċess għal kura medika kemm fil-pajjiż ta' residenza tiegħek kif ukoll fil-pajjiż fejn kont taħdem, għandek tissottometti l-formola S3 lill-awtoritajiet tas-saħħa f'dak il-pajjiż.

Ivvjaġġar barra pajjiżek

Jekk tivvjaġġa barra mill-pajjiż fejn tgħix għal pajjiż tal-UE, tkun kopert għall-kura medika li jista' jkollok bżonn fil-mawra tiegħek grazzi għall-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni fuq is-Saħħa. Għandek tapplika għall-karta tiegħek għand l-awtorità tal-pajjiż fejn int assigurat.

Taħt ċerti kundizzjonijiet, tista' wkoll tivvjaġġa f'pajjiż ieħor għal kura medika ppjanata hemmhekk. Agħti daqqa t'għajn lejn l-għadd ta' possibbiltajiet għal kura barra pajjiżek (mobilità tal-pazjenti) fl-Ewropa.

Problemi minħabba differenzi fl-intitolament u l-kundizzjonijiet

Is-sistemi tal-kura tas-saħħa jistgħu jvarjaw ħafna fl-Ewropa.

Sib l-informazzjoni dwar is-sistema tas-saħħa fil-pajjiż fejn se tmur - biex tevita l-problemi u l-ftehim ħażin li jista' jwassal għal konsegwenzi serji:

Sistemi tal-benefiċċji nazzjonali skont il-pajjiż.

Differenzi fil-kopertura tas-servizzi

Il-pajjiżi tal-UE huma liberi li jistabbilixxu r-regoli tagħhom dwar l-inititolament għall-benefiċċji u s-servizzi. Pereżempju, jekk tapplika għal kura medika fil-pajjiż fejn qed tgħix issa, probabbilment ma tkunx intitolat għall-istess servizz eżatt bl-istess prezz bħal fil-pajjiż ta' oriġini tiegħek.

Storja bħala eżempju

Kun af kif taħdem is-sistema tas-sigurtà soċjali fil-pajjiż il-ġdid tiegħek

Susanne dejjem ħadmet il-Ġermanja u marret Spanja biex tirtira hemmhekk. Meta mardet, sabet servizz ta' kura fid-dar ma' kumpanija privata minħabba li m'hemmx assigurazzjoni pubblika għal kura fid-dar fi Spanja.

L-assigurazzjoni Ġermaniża tagħha għal kura fid-dar ħalset parti mill-ispejjeż, iżda s-sehem li kellha tħallas Susanne kien ogħla minn dak li kieku kienet tħallas kieku baqgħet il-Ġermanja. Dan ġara minħabba differenzi bejn is-sistemi ta' benefiċċji fil-Ġermanja u fi Spanja.

Differenzi fl-evalwazzjoni tal-livell ta' inkapaċità

Jekk titlob pensjoni ta' invalidità jew benefiċċju għal diżabilità, kull pajjiż fejn ħdimt jista' jinsisti li jeżaminak separatament. Pajjiż wieħed jista' jevalwak li għandek diżabilità serja, filwaqt li pajjiż ieħor jaf jiddeċiedi li ma għandekx diżabilità.

Għad għandek bżonn l-għajnuna?

Għad għandek bżonn l-għajnuna?

Ma sibtx dak li kont qed tfittex? Għandek problema xi ssolvi?

Footnote

F'dan il-każ, is-27 stati membri tal-UE + l-Islanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Isvizzera

Retour au texte en cours.