Mogħdija tan-navigazzjoni

FAQ - Kopertura tal-kura tas-saħħa

  • X'jiġri jekk immur ngħix barra pajjiżi b'mod permanenti u nimrad hemm? L-assigurazzjoni fuq is-saħħa tiegħi tkoprini?

    Jekk inti pensjonant u sejjer toqgħod f'pajjiż fejn ma għandekx drittijiet għall-pensjoni, jeħtieġlek titlob biex tingħata l-formola S1  mill-pajjiż li s-sistema tal-kura tas-saħħa tiegħu tagħmel parti minnha, sabiex int u l-membri tal-familja dipendenti jingħatalkom aċċess għal kura tas-saħħa fil-pajjiż fejn se tkunu attwalment tgħixu. Imbagħad għandek tissottometti l-formola lil awtorità ta' assigurazzjoni fuq is-saħħa fil-pajjiż li tgħix fih.

    Fil-prinċipju, int u familtek intom intitolati biss għal kura medika fil-pajjiż fejn intom residenti. Meta tmorru tgħixu f'pajjiż ieħor ifisser li tkunu qed tħallu s-sistema tal-kura tas-saħħa tal-pajjiż ta' oriġini tagħkom. 

    Meta taslu fil-pajjiż ġdid tagħkom, staqsu dwar is-sistema tal-kura tas-saħħa tiegħu: din tista' tkun ferm different mis-sistema li intom familjari magħha fil-pajjiż li tkunu ħallejtu.

    Madankollu, jekk tgħix barra pajjiżek iżda tagħmel parti mis-sistema tas-sigurtà soċjali tal-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, is-Slovenja, Spanja jew l-Isvezja int u familtek għandkom id-dritt li tkunu koperti b'mod sħiħ fil-pajjiż ġdid tagħkom u fil-pajjiż li toriġinaw minnu.

  • Bħala ħaddiem irtirat li ħdimt bejn il-fruntieri, nista' xorta waħda nirċievi kura medika fil-pajjiż fejn kont naħdem u nkun kopert minnha?

    IVA — Hemm 2 possibbiltajiet għal ħaddiema rtirati li jkunu ħadmu bejn il-fruntieri biex jingħataw kura medika fil-pajjiż li fih kienu impjegati qabel.

    L-ewwel possibbiltà hi li tista' tkompli tirċievi kura li tkun bdejt tingħata fil-pajjiż li fih kont taħdem.

    Dan japplika wkoll għad-dipendenti tiegħek jekk il-kura tagħhom tkun bdiet fl-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, il-Latvja, il-Lussemburgu, Malta, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakja jew is-Slovenja (u mill-l-1 ta' Mejju 2014, għal kura li tkun bdiet fl-Estonja, l-Ungerija, l-Italja, il-Litwanja, il-Pajjiżi l-Baxxi u Spanja).

    It-tieni possibbiltà hi, irrispettivament jekk il-kura tkomplix jew hijiex ġdida, int — u d-dipendenti tiegħek — tkunu tistgħu tirċievu kura tas-saħħa fil-pajjiż li tkun ħdmit l-aħħar fih jekk:

    • tkun ħdimt tal-anqas sentejn bħala ħaddiem bejn il-fruntieri matul il-5 snin qabel ma tkun irtirajt;

    U

    • il-pajjiż li hu responsabbli għal kopertura tas-sigurtà soċjali tiegħek bħala pensjonat u l-pajjiż li qabel kont impjegat fih jinsabu f'dawn iż-żewġ gruppi ta' pajjiżi: l-Awstrija, il-Belġju, Franza, il-Ġermanja, il-Lussemburgu, il-Portugall u Spanja.

    Jeħtieġlek tapplika għal formola S3 mill-awtorità tal-assigurazzjoni fuq is-saħħa fil-pajjiż li hu responsabbli għal kopertura tas- sigurtà soċjali tiegħek bħala pensjonant. Din il-formola hi ċ-ċertifikat tiegħek ta' dritt għal kura medika fil-pajjiż li tkun ħdimt fih qabel.

  • Se nirtira fil-Ġermanja u se nirċievi pensjonijiet minn pajjiżi differenti tal-UE, inkluż il-Ġermanja. Liema pajjiż se jkun responsabbli għal kura tas-saħħa tiegħi?

    Jekk il-Ġermanja se tkun qed tħallaslek il-pensjoni, mela l-Ġermanja se tkun ukoll responsabbli għal koperta tal-kura tas-saħħa tiegħek u għal dik tal-membri ta' familtek.

  • U x'jiġri jekk ngħix il-Ġermanja iżda nieħu pensjonijiet biss minn pajjiżi oħrajn? (il-pajjiż li fih ħdimt l-aktar kien l-Awstrija)

    Jeħtieġlek titlob lill-Awstrija l-formola S1 li mbagħad tuża biex tirreġistra mal-awtorità tal-kura tas-saħħa Ġermaniża. Bħala resident, se tkun intitolat għal benefiċċji in natura, pereżempju, il-kura tas-saħħa u l-mediċini, bħallikieku kont inxurjat hemm u bl-istess kundizzjonijiet taċ-ċittadini Ġermaniżi. Xorta tkun għadek inxurjat fl-Awstrija, li se tkun responsabbli għal benefiċċji tal-mard fi flus kontanti u għal ħruġ tal-Karta tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa tal-Unjoni Ewropea meta tivvjaġġa lejn pajjiżi tal-UE oħrajn.

  • Ommi li tinsab irtirata ġejja mill-Portugall biex tgħix miegħi fi Franza għal ftit xhur. Teħtieġ operazzjoni. X'formalitajiet għandna nimlew sabiex tkun tista' tiġi operata hawnhekk?

    Biex l-ispejjeż mediċi tagħha fi Franza jkunu jistgħu jiġu rimborżati mill-assigurazzjoni Portugiża tas-saħħa, ommok jeħtiġilha titlob awtorizzazzjoni minn qabel (permezz tal-formola S2).

    L-assigurazzjoni ma tistax tirrifjuta din l-awtorizzazzjoni jekk il-kura hi koperta bil-liġi Portugiża, iżda ma tistax tingħata f'limitu ta' żmien iġġustifikat.

Għad għandek bżonn l-għajnuna?