Mogħdija tan-navigazzjoni

Is-sekondar tal-ħaddiema barra pajjiżhom

Aġġornat : 12/2012

Il-kondizzjonijiet u l-formalitajiet – impjegati

Is-sekondar ifisser meta min iħaddmek jeħtieġlek li tmur taħdem barra pajjiżek għall-perjodu limitat.

Jekk tintbagħat taħdem f'pajjież ieħor tal-UE:

  • tista' tibqa' kopert (sa sentejn) mis-sistema tas-sigurtà soċjali ta' pajjiżek (is-sistema tal-pajjiż fejn normalment taħdem)
  • ma jkunx jeħtieġlek permess tax-xogħol *.
    *sakemm ma tintbagħatx taħdem mir-Rumanija jew mill-Bulgarija lejn l-Awstrija jew il-Ġermanja, fejn għadhom japplikaw ir-restrizzjonijiet — f'ċerti setturi, u jista' jkun jeħtieġlek permess tax-xogħol.

    Għal dettalji, ikkuntattja lill-uffiċċju ta' koordinament Awstrijak jew Ġermaniż għall-ħaddiema mibgħutin jaħdmu barra pajjiżhom.

Jekk taqleb għas-sistema tas-sigurtà soċjali tal-pajjiż fejn tintbagħat taħdem, ikollok tħallas il-kontribuzzjonijiet fih.

Biex tibqa' fis-sistema tas-sigurtà soċjali ta' pajjiżek

Qabel ma titlaq għall-kariga tiegħek barra pajjiżek, aċċerta ruħek li min iħaddmek jagħtik formola A1 (dik li qabel kienet il-formola E101). Din il-formola tawtorizza lilek u d-dipendenti tiegħek biex tibqgħu koperti mis-sistema ta' pajjiżek meta taħdem f'pajjiż barrani – sa sentejn.

Biex tkun taf liema entità tista' toħroġ dan id-dokument, ikkuntattja l-uffiċċju ta' koordinament għall-ħaddiema mibgħutin jaħdmu barra l-pajjiż f'pajjiżek.

Jekk, meta tieqaf taħdem f'pajjiż barranin tkun tixtieq iżżomm il-kopertura ta' pajjiżek għal meta tintbagħat għat-tieni darba f'pajjiż barrani, jeħtieġ li jkun hemm waqfa għal tal-anqas xahrejn bejn iż-żewġ perjodi li fihom taħdem f'pajjiż barrani.

Jekk tkompli taħdem f'pajjiż barrani mingħajr din il-waqfa, ikun awtomatikament jeħtieġlek status ta' "barrani", dan ifisser li jkollok tħallas il-kontribuzzjonijiet lis-sistema tal-pajjiż li jkun laqgħek fih.

Ħlief — jekk ma stajtx tispiċċa x-xogħol speċifikat fil-formola A1 minħabba ċirkostanzi li ma kellekx kontroll fuqhom (mard, il-qagħda tat-temp, dewmien fit-twassil, eċċ), int jew min iħaddmek t/jista' t/jitlob għal estensjoni tal-perjodu inizjali li fih kont se taħdem f'pajjiż barrani sakemm ix-xogħol li għandkom ippjanat jitlesta, mingħajr ma tkun osservajt il-waqfa ta' xahrejn.

Madankollu, it-tul ta' żmien li fih tkun tista' taħdem fil-pajjiż ospitanti int u tibqa' kopert mis-sistema tas-sigurtà soċjali ta' pajjiżek xorta waħda hu limitat għal sentejn.

Biex tingħata estensjoni, jeħtieġlek titlobha mingħand l-awtorità li ħarġitlek il-formola A1 qabel it-tmiem tal-perjodu inizjali li fih ħdimt barra pajjiżek.

Ikollok tippreżenta l-formola A1 lill-awtoritajiet f'kull waqt matul iż-żmien li tkun qiegħed barra pajjiżek. Jekk ma tkunx tista' tagħmel dan, jistgħu jġegħluk tħallas il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali fih. Jekk jivverifikawk u jkollok formola A1 valida, il-pajjiż ospitanti għandu jirrikonoxxiha.

Storja bħala eżempju

Il-pajjiż barrani li tkun qed taħdem fih għandu jirrikonoxxi formola A1 valida.

Alan hu ħaddiem fil-kostruzzjoni li ntbagħat jaħdem fl-Irlanda minn min iħaddmu. Xi spetturi żaru s-sit ta' kostruzzjoni u ddikjaraw li l-formola A1 ta' Alan (dik li qabel kienet l-E 101) ma kinitx valida, u potenzjalment għamluh responsabbli li jħallas il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali fl-Irlanda.

Skont il-liġi tal-UE, ma kienx il-kompitu tal-awtoritajiet Irlandiżi li jiġġudikaw jekk Alan kienx ħaddiem jaħdem barra pajjiżu b'mod validu jew le. Pajjiżu biss (il-pajjiż fejn normalment jaħdem) jista' jiddikjara li formola A1 hi invalida. Meta dan ġie ċċarat, l-awtoritajiet Irlandiżi għarfu li Alan ma kellux għalfejn iħallas kontribuzzjonijiet fl-Irlanda.

Meta toqgħod għal aktar minn sentejn

Meta jidher ċar mill-bidu nett li s-sekondar se jdum aktar minn sentejn, min iħaddmek jista' jitlob eżenzjoni, li tippermettilek li tibqa' kopert mis-sistema tas-sigurtà soċjali ta' pajjiżek matul il-perjodu li tkun qed taħdem f'pajjiż barrani.

Eżenzjonijiet ta' din ix-xorta, li jvarjaw minn każ għal każ, jeħtiġilhom il-kunsens tal-awtoritajiet rilevanti f'kull pajjiż ikkonċernat u huma validi biss għal perjodu definit.

Dikjarazzjoni minn qabel

Min iħaddmek jista' jkollu jimla dikjarazzjoni minn qabel għall-ħaddiema mibgħuta f'pajjiż barrani, biex jinforma lill-pajjiż li sejjer fih dwar l-intenzjoni tiegħu li jibgħatek hemm. Bosta pajjiżi jeħtieġu din id-dikjarazzjoni, biex jitħaffu l-kontrolli tal-proċeduri għal dawk mibgħutin jaħdmu barra pajjiżhom.

Għal dettalji, ikkuntattja l-uffiċċju għall-koordinament tal-ħaddiema mibgħutin jaħdmu barra pajjiżhom fil-pajjiż li sejjer fih.

Kwalifiki professjonali

Biex taħdem temporanjament f'pajjiż ieħor tal-UE, jeħtieġlek tapplika biex il-kwalifiki tiegħek jingħatalhom għarfien.

Jista' jkun jeħtieġlek, madankollu, li tagħmel dikjarazzjoni bil-miktub (fuq karta jew b'mod elettroniku) fil-pajjiż li sejjer fih jekk:

Biex tkun taf jekk dan hux meħtieġ, iċċekkja mal-awtoritajiet nazzjonali fil-pajjiż ospitanti.

Għal aktar għajnuna jew informazzjoni dwar il-formalitajiet meħtieġa biex tipprattika l-professjoni tiegħek, ikkuntattja l-punt ta' kuntatt għall-kwalifiki professjonali English tal-pajjiż ospitanti.

Dikjarazzjonijiet

Jekk tkun meħtieġa dikjarazzjoni, għandek tippreżentaha:

  • direttament lill-awtorità tal-pajjiż ospitantiresponsabbli għal professjoni tiegħek (biex tkun taf liema hi l-awtorità, staqsi lill-punt ta' kuntatt nazzjonali tiegħu English).
  • kull waqt qabel ma tibda taħdem fil-pajjiż ospitanti (anki jekk m'intix ċert jekk fil-fatt intix sejjer taħdem hemm).
  • darba f'sena biss (mhux kull meta tkun tixtieq tipprovdi servizz partikulari).

Din għandha jkollha dawn li ġejjin:

  • l-isem, il-kunjom u d-dettalji ta' kuntatt
  • in-nazzjonalità
  • il-professjoni fil-pajjiż fejn normalment taħdem u l-professjoni li tixtieq tipprattika fil-pajjiż barrani li sejjer fih
  • l-informazzjoni dwar l-assigurazzjoni għar-responsabbiltà professjonali tiegħek: min qed jinxurjak, in-numru ta' kuntatt (staqsi lil min iħaddmek)
  • ir-referenza għal kull dikjarazzjoni ppreżentata qabel fl-istess pajjiż.

U d-dokumenti li juru dan li ġejjin:

  • l-evidenza tan-nazzjonalità tiegħek
  • l-evidenza li int stabbilit skont il-liġi f'pajjiż tal-UE:
  • l-evidenza ta' kwalifiki professjonali
  • l-evidenza li ilek tipprattika l-professjoni msemmija għal tal-anqas 2 mill-aħħar 10 snin (meta la l-professjoni u lanqas it-taħriġ għaliha ma kienu regolati fil-pajjiż fejn tinsab legalment stabbilit)
  • l-evidenza li qatt ma kont misjub ħati ta' offiża kriminali serja (jekk taħdem fil-qasam tas-sigurtà).

Il-mod ta' evidenza tista' tvarja minn pajjiż għal ieħor. Ikkuntattja l-awtorità responsabbli biex tiċċekkja liema tipi ta' dokumenti jiġu aċċettati bħala evidenza.

Professjonijiet b'impatt fuq is-saħħa jew is-sikurezza tal-klijenti.

Jekk il-professjoni li tkun tixtieq tipprattika tinvolvi theddida għas-saħħa jew is-sikurezza tal-pubbliku, il-pajjiż ospitanti jista' jiċċekkja l-kwalifiki tiegħek minn qabel.

Dan ifisser li ma tkunx tista' tibda taħdem qabel ma jseħħ dan u tirċievi awtorizzazzjoni formali.

Il-professjoni tiegħek jeħtiġilha dan l-iċċekkjar minn qabel? Staqsi l-punt ta' kuntatt għall-kwalifiki professjonali English tal-pajjiż ospitanti.

Jekk dan ikun meħtieġ, jaf joħodlok minn 1 sa 4 xhur aktar (wara li l-awtorità tirċievi d-dikjarazzjoni tiegħek) biex tingħata l-awtorizzazzjoni meħtieġa.

Biex tħaffef l-awtorizzazzjoni, kun żgur li d-dikjarazzjoni tiegħek fiha l-informazzjoni u d-dokumenti meħtieġa kollha. Dokumenti neqsin jew żbalji jistgħu jikkawżaw dewmien mhux meħtieġ.

L-awtorità tal-pajjiż ospitanti tista' timponi wkoll kondizzjonijiet addizzjonali pereżempju jistaqsuk biex tagħmel eżami jew biex tibda billi jkollok perjodu ta' xogħol taħt superviżjoni.

Normalment, mistenni li tikkonforma ma dawn il-kondizzjonijiet xahar wara li tkun ġejt informat bihom. Jekk dan mhux possibbli (pereżempju jkollok tgħaddi minn eżami, iżda ebda eżamijiet ma jkunu organizzati f'dak il-perjodu), tista' tistaqsi lis-servizzi ta' għajnuna tagħna.

Traduzzjonijiet iċċertifikati

Jekk il-kwalifiki huma ċċekkjati minħabba impatt potenzjali fuq is-saħħa jew is-sikurezza tal-klijenti, tista' tintalab biex tipprovdi traduzzjoni ċċertifikata tad-dokumenti tiegħek.

Madankollu, ir-regoli tal-UE jiddikjaraw li:

  • dan ir-rekwiżit japplika biss għal dokumenti ewlenin, pereżempju l-kwalifiki nfishom.
  • L-awtoritajiet huma obbligati li jaċċettaw traduzzjonijiet iċċertifikati minn pajjiżi oħrajn tal-UE.

Il-karti tal-identità nazzjonali, il-passaporti, eċċ. ma JITQISUX bħala dokumenti ewlenin u ma għandhomx għalfejn jiġu tradotti.

Barra minn hekk, il-professjonisti li ġejjin ma għandhomx għalfejn jipprovdu traduzzjoni ċċertifikata tal-kwalifiki tagħhom:

  • it-tobba
  • l-infirmiera ġenerali
  • il-majjistri
  • il-kirurgi veterinarji
  • il-kirurgi dentisti
  • l-ispiżjara
  • il-periti.

Din l-informazzjoni mogħtija hawn fuq hi taqsira tal-liġijiet kumplessi b'għadd ta' eċċezzjonijiet.

Biex tkun żgur li dawn l-eċċezzjonijiet ma japplikawx għalik, aqra l-gwida tal-UE għall-għarfien tal-kwalifiki professjonali [405 KB] Deutsch English español français italiano polski .

L-obbligi ta' min iħaddmek

Għaż-żmien ta' xogħlok f'pajjiż barrani, min iħaddmek hu obbligat li jikkonferma mar-regoli bażiċi tal-protezzjoni tal-impjegati tal-pajjiż ospitanti, fosthom:

  • il-paga minima (is-salarju tiegħek ma jistax ikun anqas mill-paga minima lokali)
  • il-perijodi massimi ta' xogħol u l-perijodi minimi ta' mistrieħ
  • is-sigħat ta' xogħol (ma tistax taħdem aktar minn ammont definit ta' sigħat)
  • il-lif annwali minimu bi ħlas (għandek dritt għal vaganzi)
  • is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol
  • il-kondizzjonijiet ta' impjieg għan-nisa tqal u għaż-żgħażagħ
  • ir-regoli li jipprojbixxu xogħol li jsir mit-tfal.

Storja bħala eżempju

Meta tintbagħat taħdem f'pajjiż barrani, għandek l-istess drittijiet bħall-kollegi tiegħek lokali.

Andrea taħdem għal kumpanija tat-tindif Ġermaniża għal 6.50 ewro fis-siegħa. Wara li ntbagħtet taħdem fi Strasburgu fi Franza, kompliet taħdem bl-istess salarju, sakemm il-kollegi tagħha informawha li kellha taqla' tal-anqas 8.82 ewro s-siegħa (il-paga minima Franċiża).

Min iħaddem lil Andrea hu obbligat li jżied il-paga tagħha tal-anqas għar-rata ta' 8.82 ewro hi u taħdem fi Franza. Apparti l-paga, fi Franza Andrea tgawdi minn għadd ta' drittijiet speċifiċi oħrajn.

Jekk jogħġbok iċċekkja d-drittijiet tiegħek bħala impjegat mal-uffiċċju għall-koordinament tal-ħaddiema mibgħutin jaħdmu barra pajjiżhom tal-pajjiż ospitanti.

Għad għandek bżonn l-għajnuna?

Għad għandek bżonn l-għajnuna?

Ma sibtx dak li kont qed tfittex? Għandek problema xi ssolvi?

Footnote

F'dan il-każ, 27 Stat Membru tal-UE + l-Islanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Isvizzera

Retour au texte en cours.

F'dan il-każ, 27 Stat Membru tal-UE + l-Islanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Isvizzera

Retour au texte en cours.