Mogħdija tan-navigazzjoni

It-tfittxija għal xogħol barra pajjiżek

Aġġornat : 12/2012

It-taxxi

Bħalissa m'hemm l-ebda liġi madwar l-EU li tirregola kif għandhom jiġu ntaxxati n-nies li qed ifittxu xogħol.  Jeżistu biss liġijiet nazzjonali u ftehimiet bilaterali jew multilaterali dwar it-taxxa bejn il-pajjiżi, u dawn ma jkoprux l-eventwalitajiet kollha. Madankollu, il-prinċipji bażiċi li japplikaw f'ħafna mill-każijiet huma dawn t'hawn taħt.

It-taxxa fuq id-dħul mill-benefiċċji tal-qgħad

Skont ħafna mill-ftehimiet bilaterali dwar it-taxxa, il-benefiċċji tal-qgħad huma meqjusa bħala "dħul ieħor" li huwa suġġett għat-taxxa fil-pajjiż ta' residenza biss. Iżda minkejja dan, it-trattament preċiż tat-taxxa jiddependi fuq it-termini tal-ftehim bilaterali dwar it-taxxa rilevanti fil-post, li inti għandek tikkonsulta għal aktar informazzjoni.

Jekk tqatta' perjodu ta' żmien qasir (ta' inqas minn sitt xhur f'sena) f'pajjiż ieħor tal-UE mingħajr ma tkun qed taħdem hemm, x'aktarx li m'intix se tiġi kkunsidrat bħala resident għal skopijiet ta' taxxa f'dak il-pajjiż. F'dak il-każ, normalment, il-benefiċċji tal-qgħad tiegħek għandhom jiġu ntaxxati biss fil-pajjiż li jħallsek tagħhom.

Storja bħala eżempju

Inti tinsab bla xogħol fi Spanja u tmur il-Beġju għal 3 xhur biex tfittex impjieg hemmhekk. Skont il-liġi nazzjonali tat-taxxa taż-żewġ pajjiżi, probabbilment inti se tkun resident għal skopijiet ta' taxxa fi Spanja biss. F'dak il-każ, inti se tkompli tħallas biss it-taxxa fuq id-dħul mill-benefiċċji tal-qgħad tiegħek fi Spanja.

Jekk tqatta' iżjed minn sitt xhur f'sena waħda f'pajjiż ieħor tal-UE, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet inti ssir resident taxxabbli f'dak il-pajjiż u għaldaqstant, il-benefiċċji tal-qgħad tiegħek jistgħu jiġu ntaxxati hemm.

Madankollu, skont ħafna mill-ftehimiet bilaterali dwar it-taxxa, jekk inti żżomm dar permanenti u rabtiet ekonomiċi u personali qawwija fil-pajjiż ta' appartenenza tiegħek, inti tibqa' resident għal skopijiet ta' taxxa fil-pajjiż ta' apparteneza tiegħek. F'dak il-każ, il-pajjiż l-ieħor tal-UE x'aktarx ma jkunx intitolat li jintaxxalek il-benefiċċji tal-qgħad. 

Sabiex tikseb l-informazzjoni kollha, ikollok bżonn li tara l-ftehim bilaterali dwar it-taxxa rilevanti u l-liġi interna tal-pajjiżi kkonċernati.

Peress li t-trattati bilaterali jippruvaw jindirizzaw sitwazzjonijiet ta' residenza taxxabbli doppja u ta' tassazzjoni doppja, normalment inti ma tiġix intaxxat darbtejn għall-istess dħul ta' flus jew, jekk tkun intaxxat darbtejn, inti jkollok iċ-ċans li tikkredita t-taxxa mħallsa f'pajjiż wieħed kontra t-taxxa mħallsa fil-pajjiż l-ieħor.

Storja bħala eżempju

Inti tinsab bla xogħol fl-Islanda u tmur l-Isvezja għal 10 xhur biex tfittex xogħol hemm, u b'hekk taqta' r-rabtiet personali u ekonomiċi mal-Islanda. X'aktarx inti se jkollok tħallas it-taxxa fuq id-dħul kollu tiegħek fl-Isvezja. Jekk ikollok xi tip ta' dħul mill-Islanda, dan jista' jiġi ntaxxat fl-Islanda.  Jekk jiġri hekk, normalment l-Isvezja se toħodlok inqas taxxa, sabiex tpatti għat-taxxa li inti tkun ħallast fl-Islanda.

Storja bħala eżempju

F'sitwazzjonijiet bejn il-fruntieri, dejjem għandek tiċċekkja fejn għandek tħallas it-taxxi

Fl-2009, Ana mid-Danimarka marret l-Isvezja u talbet il-benefiċċji tal-qgħad Daniżi tagħha minn hemm. Għaddew sitt xhur u kienet għadha ma sabitx xogħol u b'hekk marret lura d-Danimarka. Fl-2010, l-uffiċċju tat-taxxa Svediż infurmaha li d-dħul kollu tagħha tal-2009 kien taxxabbli fl-Isvezja, kien x'kien il-post li fih rċeviet dan id-dħul.

Wara li qattgħet iktar minn sitt xhur fl-Isvezja, Ana setgħet tiġi kkunsidrata residenti fl-Isvezja għal skopijiet ta' taxxa fl-2009. Iżda l-istess dħul m'għandux jiġi ntaxxat darbtejn mingħajr eżenzjoni mit-tassazzjoni doppja.  Ana trid tikkuntattja kemm l-awtoritajiet tat-taxxa Daniżi kif ukoll dawk Svediżi sabiex tiċċara s-sitwazzjoni tagħha.

Storja bħala eżempju

Adam, li huwa Pollakk, kien jaħdem fi Franza u wara li tilef xogħlu beda jirċievi l-benefiċċji tal-qgħad hemm stess. Minħabba r-rabtiet personali tiegħu mal-Polonja, huwa baqa' resident taxxabbli fil-Polonja.

Meta mar lura l-Polonja, kien sorpriż li l-awtoritajiet tat-taxxa Pollakki, skont il-ftehim bilaterali dwar it-taxxa konkluż bejn Franza u l-Polonja, talbuh iħallas it-taxxa fuq id-dħul mill-benefiċċji tal-qgħad Franċiżi. Fil-fatt Adam għandu jħallas it-taxxi tiegħu fil-Polonja.

Madankollu, jekk Franza applikat it-taxxa fuq il-benefiċċji tal-qgħad tiegħu, Adam huwa intitolat għat-tnaqqis tat-taxxa Franċiża fil-Polonja.

Din hija biss taqsira ta' dak li jiġri ġeneralment. Jista' jkun hemm xi eċċezzjonijiet għar-regola ġenerali f'xi ftehimiet bilaterali dwar it-taxxa. Apparti minn hekk, kull pajjiż għandu d-definizzjoni tiegħu ta' residenza għal skopijiet ta' taxxa.

Jekk beħsiebek tmur tgħix barra u tirċievi l-ħlas tal-benefiċċji tal-qgħad hemm stess, tinsiex tiċċekkja fejn għandek tħallas it-taxxi.

Tista' tistaqsi l-uffiċċju tat-taxxa tiegħek. Konsulenti Ewropej tal-impjiegi jistgħu ġeneralment jipprovdulek ukoll informazzjoni bażika dwar ir-regoli u l-awtoritajiet tat-taxxa fil-pajjiż ġdid tiegħek.

Ikseb aktar tagħrif dwar it-taxxa fuq id-dħul barra pajjiżek għal - iċċekkja b'mod partikolari id-definizzjoni ta' residenti taxxabbli fil-pajjiż li fih spiċċajt bla xogħol u fil-pajjiż li beħsiebek tmur fih:

Trattament ugwali

Jekk, meta tmur barra pajjiżek biex tfittex xogħol, inti tkun ikkunsidrat bħala residenti hemmhekk għal skopijiet ta' taxxa fuq id-dħul, inti għandek tiġi trattat bl-istess mod bħaċ-ċittadini li jgħixu f'dak il-pajjiż.

Storja bħala eżempju

Bħala resident taxxabbli barrani, inti għandek tkun intitolat għall-istess tnaqqis tat-taxxa daqs iċ-ċittadini l-oħra, fuq kull kontribuzzjoni li tħallas fil-pajjiż il-ġdid (pereżempju, il-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni jew l-assigurazzjoni privata għall-mard u l-invalidità). Skont ċerti kundizzjonijiet, inti għandek tkun tista' wkoll tagħmel xi tnaqqis għall-kontribuzzjonijiet li tkun ħallast fil-pajjiż tal-oriġini tiegħek. Jekk tħoss li qed issir xi diskriminazzjoni kontrik, tista' titlob parir personalizzat.

Taxxi oħra

Jekk tixtieq aktar informazzjoni dwar it-taxxa fuq id-dħul jew xi taxxi oħra, bħat-taxxa fuq il-qligħ, it-taxxa fuq il-proprjetà, it-taxxi lokali, it-taxxi fuq il-wirt jew ir-rigali, tista' tikkuntattja l-uffiċċju tat-taxxa fil-pajjiż il-ġdid tiegħek.

Jekk issib xogħol

Jekk issib xogħol, iċċekkja kif u fejn se jiġi ntaxxat il-qligħ mill-impjieg tiegħek:

Ara wkoll:

Għad għandek bżonn l-għajnuna?

Għad għandek bżonn l-għajnuna?

Ma sibtx dak li kont qed tfittex? Għandek problema xi ssolvi?