Mogħdija tan-navigazzjoni

Ħaddiema li jgħixu f'pajjiż u jaħdmu f'ieħor

Aġġornat : 12/2012

Taxxi

Liema pajjiż jista' jintaxxak?

Anke jekk int ħaddiem transkonfinali għar-raġunijiet tas-sigurtà soċjali, l-istatus tiegħek għar-raġunijiet tat-taxxa jiddependi biss mil-liġijiet nazzjonali u l-ftehimiet tat-taxxa bejn il-pajjiżi, li mhux dejjem ikopru l-eventwalitajiet kollha u jvarjaw sew.

Ħafna minn dawk il-ftehimiet dwar it-taxxa doppja m'għandhom l-ebda arranġament speċjali għall-ħaddiema transkonfinali, minħabba li m'hemmx armonizzazzjoni fl-Ewropa f'dan il-qasam, u dawk il-ftehimiet speċjali li jeżistu jvarjaw ħafna minn ftehim għal ieħor.

Il-partenarjati transkonfinali tas-servizzi Ewropej tax-xogħol fir-reġjun tiegħek se jkun jista' jgħinek issib jekk hemmx xi arranġamenti speċjali tat-taxxa għall-ħaddiema transkonfinali li jistgħu japplikaw għalik.

Jekk taqsam fruntiera kuljum biex tmur għax-xogħol, ikollok tħallas it-taxxi fil-pajjiż magħżul bħala kompetenti fil-ftehim dwar it-taxxa doppja bejn il-pajjiż ta' residenza tiegħek u l-pajjiż tal-impjieg tiegħek.

Normalment, il-pajjiż fejn taħdem jintaxxa d-dħul tiegħek fit-territorju tiegħu. F'xi każijiet, id-dħul tiegħek fil-pajjiż fejn taħdem jista' jkun eżentat mit-taxxa fil-pajjiż fejn int resident tat-taxxa (fejn tgħix). Ħafna drabi ż-żewġ pajjiżi jkunu intitolati li jintaxxaw id-dħul tiegħek, skont ir-regoli interni tagħhom u l-ftehim dwar it-taxxa doppja. Iżda l-pajjiż fejn tgħix (fejn int ukoll resident tat-taxxa) probabbilment jagħtik kreditu tat-taxxa għal kwalunkwe taxxa li tħallas f'pajjiż ieħor (għalkemm dan mhux neċessarjament jagħmel tajjeb kompletament għat-taxxa doppja).

Sib dak kollu li tista' dwar is-sitwazzjoni tat-taxxa tiegħek billi tikkuntattja lill-partenarjat transkonfinali tas-servizzi Ewropej tax-xogħol.

Kemm se jkolli nħallas taxxa fuq id-dħul?

Għal informazzjoni dwar it-taxxa fuq id-dħul, id-dettalji ta' kuntatt għall-awtoritajiet tat-taxxa u d-definizzjonijiet ta' resident għal raġunijiet ta' taxxa għal kull pajjiż:

Status fittizju ta' resident tat-taxxa

Skont ir-regoli tal-UE, il-pajjiż fejn taqla' s-salarju jew parti kbira tiegħu għandu jqisek bħala resident tat-taxxa, avolja ma tkunx tgħix f'dak il-pajjiż. Dan ifisser li għandu jagħtik l-istess ħelsien u eżenzjonijiet daqslikieku kont tgħix hemm. Madankollu, kull pajjiż xorta jkollu ċertu libertà biex jiddeċiedi x'perċentwal tad-dħul tiegħek jirrappreżenta "parti kbira tad-dħul tiegħek".

Xi pajjiżi tal-UE jagħtu lill-ħaddiema transkonfinali li jaħdmu fit-territorju tagħhom status fittizju ta' resident tat-taxxa jekk:

  • id-dħul tagħhom jiġi kollu (jew kważi kollu) minn xogħolhom f'dak il-pajjiż u 
  • id-dħul tagħhom fil-pajjiż fejn jgħixu jkun taħt ċertu ammont.

Qis dawn il-kundizzjonijiet sew qabel ma tibda taħdem fuq in-naħa l-oħra tal-fruntiera.

Jekk jogħġbok innota li xi pajjiżi (fejn taħdem) jistgħu jiddefinixxu l-kunċett ta' "kważi d-dħul kollu" b'mod differenti u jistgħu jqisu anke ammonti żgħar li taqla' f'pajjiżi oħra.

Tista' tistaqsi l-uffiċċju tat-taxxa tiegħek. Konsulenti Ewropej tal-impjiegi jistgħu ġeneralment jipprovdulek ukoll informazzjoni bażika dwar ir-regoli u l-awtoritajiet tat-taxxa fil-pajjiż ġdid tiegħek.

Jekk għandek status ta' residenza fittizju, tiġi trattat bħar-residenti tal-pajjiż fejn taħdem – pereżempju tkun intitolat għal:

  • sistema ta' tassazzjoni konġunta mal-konjugu tiegħek, jekk dan ikun possibbli f'dak il-pajjiż
  • kwalunkwe benefiċċji tal-familja disponibbli u tnaqqis mit-taxxa għall-ispejjeż tal-kura tat-tfal (anke jekk l-ispejjeż isiru fil-pajjiż fejn tgħix).
  • kwalunkwe tnaqqis mit-taxxa tal-interessi tas-self b'ipoteka għall-proprjetarji ta' dar, anke għal dar li għandek fil-pajjiż fejn tgħix.

Storja bħala eżempju

Iċċekkja tistax tiġi trattat bħala resident fittizju fil-pajjiż fejn taħdem

Baptiste jgħix il-Belġju u jaħdem il-Ġermanja. Martu Aurélie taħdem il-Belġju. Baptiste iħallas it-taxxi l-Ġermanja u jsib li d-dħul nett tiegħu hu ħafna inqas milli kien qed jistenna. L-uffiċċju tat-taxxa fil-Ġermanja informah li qed jiġi ntaxxat bħala non-resident peress li d-dħul ta' Aurélie fil-Belġju jaqbeż il-limitu li kien ikun jippermettilu jgawdi minn status ta' resident fittizju fil-Ġermanja.

Sfortunatament, m'hemmx soluzzjoni f'dan il-każ. Diversi pajjiżi tal-UE joffru lil ħaddiema transkonfinali l-possibbiltà li jħallsu t-taxxi bħala residenti fittizju (id-dħul tagħhom jiġi ntaxxat daqslikieku kienu jgħixu fil-pajjiż fejn jaħdmu). Dan jippermetti ħafna tnaqqis li mhuwiex disponibbli għal non-residenti li jħallsu t-taxxa. Madankollu, bħal fil-każ ta' Baptiste, il-kundizzjonijiet huma stretti ħafna.

Eżempju

Bħala resident fittizju, fejn il-liġi nazzjonali tipprovdi għal ċerti rifużjonijiet tat-taxxa (fuq kontribuzzjonijiet għal pensjoni tax-xogħol, assikurazzjoni privata tal-mard jew tal-invalidità, eċċ.), għandek tkun eliġibbli għal rifużjonijiet fuq il-kontribuzzjonijiet obbligatorji ta' pajjiżek. Jekk tħoss li qed tkun diskriminat, fittex parir personalizzat.

Għad għandek bżonn l-għajnuna?

Għad għandek bżonn l-għajnuna?

Ma sibtx dak li kont qed tfittex? Għandek problema xi ssolvi?