Mogħdija tan-navigazzjoni

Ħaddiema

Aġġornat : 12/2012

Taxxi

M'hemm l-ebda liġi li tapplika għall-UE sħiħa li tgħid kif iċ-ċittadini tal-UE li qed jgħixu u jaħdmu f'pajjiż ieħor tal-UE għandhom jiġu ntaxxati fuq il-qligħ tagħhom. Jeżistu biss liġijiet nazzjonali u ftehim dwar tassazzjoni doppja bejn il-pajjiżi li ma jkoprux il-każijiet kollha u jvarjaw sew. Madankollu, il-prinċipji bażiċi li japplikaw f'ħafna mill-każijiet huma dawn t'hawn taħt.

Taxxa fuq id-dħul

Dħul minn impjieg jew xogħol għal rasek

Il-pajjiż fejn taħdem normalment jintaxxa d-dħul li taqla' fit-territorju tiegħu.

Jekk inti resident taxxabbli f'pajjiż ieħor, il-pajjiż fejn tgħix jista' jiċċarġjak taxxa fuq id-dħul li qlajt fil-pajjiż fejn taħdem.

Fortunatament, bosta pajjiżi għandhom qbil dwar it-taxxa doppja li jippermettilek tnaqqas it-taxxa li ħallast fil-pajjiż fejn taħdem mit-taxxa pagabbli fejn inti resident taxxabbli. F'ċerti każi, id-dħul li qlajt mill-pajjiż fejn taħdem jista' jkun mhux taxxabbli fil-pajjiż fejn inti resident taxxabbli.

Biex tiskopri liema regoli jgħoddu fil-każ tiegħek, iċċekkja l-qbil dwar it-taxxa doppja bejn il-pajjiż fejn taħdem u l-pajjiż fejn inti resident taxxabbli jew staqsi konsulent Ewropew tal-impjiegi.

Għal aktar tagħrif dwar it-taxxa fuq id-dħul, dettalji ta' kuntatt dwar l-awtoritajiet tat-taxxa u d-definizzjonijiet ta' resident għal raġunijiet ta' taxxa għal kull pajjiż:

Residenza taxxabbli

Il-pajjiż fejn inti kkunsidrat resident għall-finijiet tat-taxxa jista' jintaxxa d-dħul internazzjonali kollu tiegħek inkluż id-dħul li taqla' f'post ieħor (kemm fl-UE kif ukoll barra).

Jekk tmur tgħix f'pajjiż ieħor u tagħmel aktar minn 6 xhur fis-sena hemm

  • tista' titqies bħala resident taxxabbli hemm. Dak il-pajjiż imbagħad ikun jista' jintaxxa d-dħul totali tiegħek, li qlajt jew ma qlajtx, mill-pajjiżi kollha madwar id-dinja.

Jekk tagħmel inqas minn 6 xhur fis-sena f'pajjiż ieħor:

  • Normalment tibqa' resident taxxabbli f'pajjiżek, jiġifieri l-pajjiż fejn tgħix. F'dan il-każ, tkun soġġett għal taxxa fil-pajjiż l-ieħor biss fuq id-dħul li taqla' f'dak il-pajjiż.

Din hija biss taqsira ta' dak li jiġri ġeneralment. Jista' jkun hemm xi eċċezzjonijiet għar-regola ġenerali f'xi ftehimiet dwar it-taxxa bejn xi pajjiżi. Apparti minn hekk, kull pajjiż għandu d-definizzjoni tiegħu ta' "residenza taxxabbli". Iċ-ċirkustanzi speċifiki tiegħek għandhom dejjem jiġu kkunsidrati.

Tista' tistaqsi l-uffiċċju tat-taxxa tiegħek. Konsulenti Ewropej tal-impjiegi jistgħu ġeneralment jipprovdulek ukoll informazzjoni bażika dwar ir-regoli u l-awtoritajiet tat-taxxa fil-pajjiż ġdid tiegħek.

Jekk diġà taħdem barra jew qed tikkonsidra li tagħmel dan, għandek issir taf jekk tkunx ikkonsidrat bħala resident taxxabbli fil-pajjiż il-ġdid tiegħek, x'inhuma r-rati tat-taxxi hemmhekk, u xi tnaqqis tat-taxxi huwa possibbli.

Dan tista' tiskoprih mill-uffiċċju lokali tat-taxxi fil-pajjiż fejn sejjer.

Taxxi oħra (fuq dħul li ma qlajtx)

Għal tagħrif dwar it-taxxi fuq dħul mhux iggwadanjat fil-pajjiż fejn tgħix (pereż. taxxi fuq proprjetà, taxxi lokali, taxxi fuq għotjiet u wirt, eċċ.) ikkonsulta l-uffiċċju lokali tat-taxxa.

Storja bħala eżempju

Meta tkun taf is-sistemi tat-taxxa tal-UE tista' tiffranka l-flus

Javier (Spanjol) u martu (Ġermaniża) se jixtru appartament flimkien f'Berlin. Il-ġenituri ta' Javier joffrulhom għajnuna finanzjarja, imma Javier jiskopri li se jkollhom iħallsu taxxi fuq dan ir-rigal kemm fi Spanja kif ukoll fil-Ġermanja.

Il-Ġermanja u Spanja m'għandhomx ftehim bejniethom dwar l-eliminazzjoni tat-tassazzjoni doppja u l-wirt. Minħabba f'hekk, hemm ir-riskju ta' taxxa doppja. Javier u l-ġenituri tiegħu jiskopru li jekk ir-rigal ta' flus jitqassam f'biċċiet żgħar, jistgħu jżommu taħt il-limiti legali u jevitaw it-taxxa doppja.

Trattament ugwali

Jekk tmur tgħix f'pajjiż ieħor u tkun ikkunsidrat bħala resident taxxabbli hemmhekk, għandek tiġi trattat bl-istess mod bħaċ-ċittadini ta' dak il-pajjiż. Anki jekk ma ssirx resident taxxabbli fil-pajjiż fejn taħdem u taqla l-biċċa l-kbira tad-dħul tiegħek, normalment xorta għandek tikkwalifika għall-istess tnaqqis fit-taxxa bħar-residenti ta' dak il-pajjiż.

Eżempju

Jekk il-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni jew pagamenti tal-assigurazzjoni privata tas-saħħa u l-invalidità huma eżenti mit-taxxa fil-pajjiż fejn tmur tgħix, għandhom ikunu eżenti għalik ukoll, bħala resident taxxabbli hemm, anki jekk il-kontribuzzjonijiet tiegħek jitħallsu għal skemi ta' pensjoni f'pajjiż twelidek. Jekk tħoss li qed issir xi diskriminazzjoni kontrik, itlob parir personalizzat.

Storja bħala eżempju

Tista' tkun intitolat għal tnaqqis fil-pajjiż fejn taħdem - anki għal kontribuzzjonijiet f'fondi ta' pensjoni barranija

Sven, Svediż li jgħix fid-Danimarka, qed ikompli jħallas f'fond ta' pensjoni Svediż taħt il-kuntratt li kkonkluda qabel ma wasal fid-Danimarka.

Id-Danimarka trid tippermetti lil Sven tnaqqis fit-taxxa kontra t-taxxa Daniża dovuta fuq id-dħul tax-xogħol tiegħu minħabba l-premium li jħallas lill-fond ta' pensjoni Svediż, jekk it-tnaqqis ikun permess għall-premiums imħallsa f'fondi ta' pensjoni Daniża.

Għad għandek bżonn l-għajnuna?

Għad għandek bżonn l-għajnuna?

Ma sibtx dak li kont qed tfittex? Għandek problema xi ssolvi?