Mogħdija tan-navigazzjoni

Ħaddiema

Aġġornat : 12/2012

Benefiċċji tal-familja

Tipi ta' benefiċċji familjali

Meta tmur tgħix f'pajjiż ieħor tal-UE, għandek tkun taf li hemm bosta tipi differenti ta' benefiċċji familjali, pereżempju:

  • Benefiċċji tat-tfal
  • benefiċċji għat-trobbija tat-tfal
  • benefiċċji għal-kura tat-tfal
  • benefiċċji familjali speċjali għall-orfni.

Il-pajjiżi kollha joffru xi benefiċċji familjali iżda l-ammonti u l-kondizzjonijiet ivarjaw ħafna. F'ċerti pajjiżi tirċievi pagamenti regolari, mentri f'pajjiżi oħra s-sitwazzjoni familjali tiegħek tista' twassal għal żieda fil-benefiċċji tat-taxxa minflok pagamenti. Meta tmur tgħix barra, it-tipi ta' benefiċċji familjali li int intitolat għalihom jistgħu jinbiddlu. Dan jista' jżid jew inaqqas id-dħul ekonomiku tiegħek.

Qabel ma tmur tgħix barra, ikkuntattja konsulent tal-impjieg Ewropew biex tieħu idea liema benefiċċji familjali se tkun intitolat għalihom fil-pajjiż il-ġdid tiegħek. Id-differenzi bejn is-sistemi nazzjonali jista' jkollhom impatt sinifikanti fuq id-dħul kollu tiegħek.

Storja bħala eżempju

Li tmur tgħix barra mhux bilfors ifisser li titlef dak li int intitolat għalih f'pajjiżek.

Lisa (Svediża) hija tqila. Żewġha Ole isib xogħol fl-Olanda, iżda Lisa tridu jirrifjuta għax fl-Olanda - bil-kontra tal-Isvezja - m'hemmx benefiċċji għat-trobbija tat-tfal.

Lisa taħdem fl-Isvezja u għandha l-assikurazzjoni hemm. Ole u Lisa jistgħu jmorru jgħixu l-Olanda. Il-fatt li tkun qed toqgħod l-Olanda waqt il-liv tal-maternità ma jaffettwax li hija intitolata għall-benefiċċji skont il-liġi Svediża sakemm jibqa' validu l-kuntratt tal-impjieg Svediż tagħha.

Liema pajjiż iħallas għall-benefiċċji familjali tiegħek?

Jekk int u/jew il-ġenitur l-ieħor ta' wliedek taħdmu jew tgħixu barra, tista' tkun intitolat għal benefiċċji familjali minn pajjiżi differenti.

F'każijiet bħal dawn, l-awtoritajiet nazzjonali relevanti jqisu s-sitwazzjonijiet taż-żewġ ġenituri qabel jiddeċiedu liema pajjiż għandu r-responsabbiltà primarja li jħallas il-benefiċċji. Id-deċiżjoni tagħhom tkun ibbażata fuq "regoli ta' prijorità".

Jekk il-benefiċċji li tieħu mill-pajjiż "primarju" ikunu inqas għal dawk li kieku tieħu mill-pajjiż "sekondarju" fejn kellek ukoll drittijiet (għax taħdem hemm jew għax dak il-pajjiż iħallsek pensjoni), il-pajjiż sekondarju jagħtik suppliment ugwali għad-differenza bejn iż-żewġ benefiċċji. B'dan il-mod, tirċievi l-benefiċċji massimi li int intitolat għalihom.

Storja bħala eżempju

Kun ċert li tieħu l-benefiċċji li ħaqqek.

Steve (Lussemburgiż) sab jaħdem fi Franza imma kompla jgħix fil-Lussemburgu. Għaldaqstant Franza issa hija kompetenti għas-sigurtà soċjali tiegħu u Steve għandu japplika għall-benefiċċji tat-tfal hemm.

Għalkemm il-familja tiegħu għadha tgħix fil-Lussemburgu, mhumiex intitolati għal suppliment tal-benefiċċji tat-tfal hemmhekk abbażi tar-residenza tagħhom biss.

Regoli ta' prijorità

Każ: int l-uniku ġenitur intitolat għall-benefiċċji familjali, u int intitolat għall-benefiċċji familjali f'aktar minn pajjiż wieħed għax:

  • taħdem f'pajjiż u tieħu pensjoni minn pajjiż(i) ieħor/oħrajn:

    allura l-pajjiż fejn taħdem ikun primarjament responsabbli li li jħallaslek il-benefiċċji familjali. Tista' tkun intitolat ukoll għal suppliment fil-pajjiż li jħallasek pensjoni.

JEW

  • tgħix f'pajjiż u taħdem f'ieħor:

    allura l-pajjiż fejn taħdem ikun primarjament responsabbli li li jħallaslek il-benefiċċji familjali.

Fi kwalunkwe każ, jekk il-benefiċċji familjali li tieħu mill-pajjiż prinċipali li jħallsek il-benefiċċji jkunu aktar baxxi minn dawk li kieku tieħu fi kwalunkwe wieħed mill-pajjiżi l-oħra fejn għandek drittijiet, dawk il-pajjiżi l-oħra jkollhom jagħtuk suppliment bid-differenza.

Każ: Int u l-ġenitur l-ieħor ta' wliedek it-tnejn intitolati għall-benefiċċji familjali f'aktar minn pajjiż wieħed għax:

  • it-tnejn li intom taħdmu fl-istess pajjiż tal-UE iżda tgħixu f'ieħor:

    allura l- pajjiż fejn taħdmu jħallas il-benefiċċji familjali, skont ir-regoli tiegħu.

JEW

  • it-tnejn li intom taħdmu f'pajjiżi differenti:

    allura, jekk inti jew il-ġenitur l-ieħor taħdem fil- pajjiż fejn jgħixu t-tfal, dak il-pajjiż iħallas il-benefiċċji familjali, skont ir-regoli tiegħu.

    Jekk ħadd minnkom ma jaħdem fil-pajjiż fejn jgħixu t-tfal, tieħdu l-benefiċċji familjali mill-pajjiż fejn jitħallsu l-ogħla benefiċċji.

L-ammont sħiħ tal-benefiċċji familjali għandu jkun ugwali għall-ogħla benefiċċji disponibbli.

Jekk int iddivorzjat/a u eks martek jew eks żewġek jieħdu l-benefiċċji imma ma jużawhomx għall manteniment tat-tfal, tista' tikkuntattja lill-awtorità tal-benefiċċji familjali fil-pajjiż fejn jgħixu wliedek u tistaqsi biex tibda tieħu l-benefiċċji direttament inti minflok, peress li int il-persuna li verament qed tmantni l-familja.

Fejn tapplika għall benefiċċji familjali

Tista' tapplika għall-benefiċċji familjali fil-pajjiżi kollha tal-UE, fejn int jew il-ġenitur l-ieħor ta' wliedek intom intitolati għall-benefiċċji. L-awtorità fil-pajjiż fejn tapplika tiskambja l-applikazzjoni tiegħek mal-pajjiżi l-oħra kollha li għandhom x'jaqsmu mal-każ tiegħek.

Jekk tapplika għall-benefiċċji fil-ħin f'pajjiż, tiġi kkonsidrat li applikajt fil-ħin fil-pajjiżi l-oħra kollha fejn għandek drittijiet għal benefiċċji familjali. Ma jistgħux jiċħdu benefiċċji li int intitolat għalihom għax il-pajjiż fejn tapplika jibgħat il-fajls tiegħek tard wisq lill-awtorità kompetenti f'pajjiż ieħor.

Iċċekkja mal-awtoritajiet nazzjonali liema dati ta' skadenza japplikaw għall-benefiċċji familjali. Jekk ma tilħaqx id-data, tista' titlef dak li int intitolat għalih!

L-awtoritajiet nazzjonali huma obbligati jikkooperaw flimkien u jiskambjaw l-informazzjoni kollha meħtieġa b'konnessjoni mal-applikazzjoni tiegħek.  Biex jintgħelbu d-diffikultajiet marbuta mad-differenzi fil-lingwi, l-awtoritajiet nazzjonali jużaw dokumenti standard (dawk li qabel kienu l-formoli E) biex jiskambjaw l-informazzjoni.

Is-sistemi tal-benefiċċji familjali nazzjonali jvarjaw ħafna fl-Ewropa.

Sib informazzjoni dwar is-sistema tal-benefiċċji familjali fil-pajjiż fejn sejjer — sabiex tevita l-problemi li jistgħu jwasslu għal konsegwenzi serji.

Sistemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali

Għad għandek bżonn l-għajnuna?

Għad għandek bżonn l-għajnuna?

Ma sibtx dak li kont qed tfittex? Għandek problema xi ssolvi?

Footnote

F'dan il-każ, is-27 stat membru tal-UE + l-Islanda, in-Norveġja, il-Liechtenstein u l-Isvizzera

Retour au texte en cours.

F'dan il-każ, is-27 stat membru tal-UE + l-Islanda, in-Norveġja, il-Liechtenstein u l-Isvizzera

Retour au texte en cours.