Nista' naħdem fis-settur pubbliku f'pajjiż ieħor tal-UE jekk jien mhux ċittadin ta' dak il-pajjiż?
IVA — B'2 eċċezzjonijiet:
Jekk int ċittadin tal-Bulgarija jew ir-Rumanija, jista' jkun jeħtieġlek permess tax-xogħol biex taħdem f'pajjiż ieħor.
L-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jirrestrinġu l-aċċess għall-impjiegi fis-settur pubbliku li jinvolvu l-eżerċitar ta' awtorità pubblika u jissalvagwardjaw l-interessi ġenerali tal-istat – bħal ċerti karigi fis-servizz diplomatiku, il-forzi armati, il-pulizija u l-forzi tas-sigurtà jew l-awtoritajiet tat-taxxa, pereżempju. Madankollu, ma jistgħux japplikaw restrizzjonijiet ġenerali, iżda għandhom jivvalutaw kull impjieg individwalment.
Jien ħaddiem maċ-Ċivil u nixtieq napplika għal xogħol bħala uffiċjal taċ-Ċivil f'pajjiż ieħor tal-UE. L-esperjenza professjonali tiegħi se tkun rikonoxxuta?
IVA — Il-pajjiż ġdid li se jimpjegak ma jistax jagħtik anqas meritu għall-esperjenza professjonali tiegħek sempliċement minħabba li tkun akkwistajtha f'pajjiż ieħor tal-UE. Esperjenza li tista' titqabbel għandha tingħata l-istess mertu meta jiġi deċiż is-salarju, il-gradi u kundizzjonijiet oħrajn tax-xogħol. L-istess japplika għall-aċċess għal impjiegi fis-servizz pubbliku.
Teoretikament, għalkemm jien minn Ċipru nista' nitħalla napplika għal pożizzjoni speċifika fis-settur pubbliku Grieg. Madankollu, l-awtoritajiet Griegi qed jgħiduli li jeħtieġli nkun residenti fil-Greċja għal tal-anqas 3 snin biex inkun nista' nikkwalifika. Dan legali?
LE — Kull regola li teħtieġlek tgħix fil-pajjiż il-ġdid tiegħek qabel ma titħalla taħdem f'servizz pubbliku partikulari tkun illegali, sakemm ma tkunx iġġustifikata bi ħtiġijiet speċifiċi li jirrigwardaw il-kariga involuta.