Mogħdija tan-navigazzjoni

Aqsam fuq 
	Aqsam fuq Facebook
  
	Aqsam fuq Twiter
  
	Ixxerja fuq Google+
  
	Aqsam fuq linkedIn

Drittijiet tal-passiġġieri

Aġġornat : 05/09/2013

Id-drittijiet tal-passiġġieri tal-vapuri

Kont taf li, meta tivvjaġġa bil-vapur fl-UE, tgawdi ċerti drittijiet?

L-ewwel nett, ma tistax tintalab prezz ogħla għal biljett minħabba n-nazzjonalità tiegħek jew skont minn fejn tkun qed tixtrih.

It-tieni, tgawdi għadd ta' drittijiet ukoll f'każ li xi ħaġa tmur żmerċ. Dawn għandhom x'jaqsmu ma' dewmien u tħassir tal-vjaġġ li ma jħallukx titla' abbord...

...u jgħoddu jekk:

  • tkun qed titlaq minn port fl-UE ma' kwalunkwe trasportatur
  • tkun qed tasal f'port fl-UE ma' kwalunkwe trasportatur

Dawn ir-regoli ma jgħoddux:

  • għal vapuri li jistgħu jġorru inqas minn 13-il passiġġier
  • għal vapuri li m'għandhomx iktar minn 3 membri tal-ekwipaġġ
  • għal vapuri li jkopru distanza ta' inqas minn 500 metru, f'direzzjoni waħda
  • għall-biċċa l-kbira tal-vapuri storiċi
  • għal vapuri tal-eskursjonijiet u taż-żjarat turistiċi, jekk ma jkollhomx faċilitajiet ta' akkomodazzjoni jew jekk il-passiġġieri ma jorqdux abbord għal aktar minn żewġt iljieli.

Tħassir tal-vjaġġ jew dewmien

Jekk is-servizz jitħassar jew jiddewwem, għandek dejjem id-dritt għal informazzjoni adegwata u f'waqtha dwar xi jkun qed jiġri waqt li tkun qed tistenna.

Jekk is-servizz jitħassar jew it-tluq jiddewwem għal aktar minn 90 minuta, tingħata għażla:

  • Jew tieħu lura l-flus li tkun ħallast għall-biljett u, fejn ikun il-każ, vjaġġ b'xejn lura lejn il-punt tat-tluq tal-bidu nett tas-servizz (ngħidu aħna jekk id-dewmien ma jħallikx tissodisfa l-għan tal-vjaġġ tiegħek)
  • jew inkella tista' titwassal, b'kundizzjonijiet simili, sad-destinazzjoni aħħarija tiegħek mal-ewwel ċans li jkun hemm, bla ebda spejjeż żejda.

Jekk it-tluq jiddewwem b'aktar minn 90 minuta, fil-biċċa l-kbira tal-każi tkun intitolat(a) wkoll għal:

  • ikliet kif ukoll ikel u xorb ħafif, li jkunu proporzjonati ma' kemm iddum tistenna
  • akkomodazzjoni, jekk ikollok tgħaddi l-lejl hemm

Jekk il-wasla tiegħek fid-destinazzjoni tiddewwem b'aktar minn siegħa, tkun intitolat(a) għal kumpens. Skont kemm ikun twil id-dewmien, il-kumpens ikun ta' 25% jew 50% tal-prezz tal-biljett.

Ma tiħux kumpens jekk id-dewmien ikun ikkaġunat minn kundizzjonijiet ħorox tat-temp jew minn diżastri naturali.

Lmenti

Jekk taħseb li drittijietek ma ġewx irrispettati, tista' tilmenta mat-trasportatur fi żmien xahrejn mid-data meta tkun sibt il-problemi. It-trasportatur irid jirreaġixxi fi żmien xahar u jagħtik tweġiba finali xahrejn wara li jkun wasallu l-ilment.

Jekk ma tkunx sodisfatt(a) bit-tweġiba li tirċievi, tista' tikkuntattja lill-entita nazzjonali responsabbli English mill-infurzar.

Inċident fuq il-baħar

Jekk tkorri f'inċident fuq il-baħar, tkun intitolat(a) għal kumpens mingħand it-trasportatur jew mingħand l-assiguratur tiegħu. F'każ ta' mewt, il-kumpens jista' jintalab mill-werrieta tiegħek.

Għandek ukoll id-dritt għal kumpens jekk il-valiġġa, il-vetturi jew ħwejjeġ oħrajn tiegħek jintilfu jew issirilhom il-ħsara f'inċident fuq il-baħar.

Jekk tbati minn nuqqas ta' mobbiltà, il-kumpens f'każ li s-siġġu tar-roti, jew tagħmir simili, jintilef jew issirlu ħsara jkun ikopri l-ispiża kollha biex tibdlu jew issewwih.

Ikollok id-dritt li tirċievi pagament bil-quddiem mingħand it-trasportatur sabiex taqdi l-ħtiġijiet immedjati f'każ ta' korriment jew mewt jekk:

  • il-vapur jegħreq
  • il-vapur jinqaleb
  • il-vapur jaħbat
  • il-vapur jinkalja
  • ikun hemm splużjoni jew nar fuq il-vapur
  • il-vapur ikollu difett

Lmenti

Tista' tressaq talba għal kumpens għal kwalunkwe telfa jew ħsara li ssofri minħabba inċident fuq il-baħar quddiem qorti fil-pajjiż:

  • fejn it-trasportatur ikollu s-sede ewlenija jew ir-residenza permanenti tiegħu, jew
  • fejn ikun il-post tat-tluq jew tal-wasla tiegħek, jew
  • fejn tkun toqgħod b'mod permanenti, jekk it-trasportatur ikollu sede hemmhekk u jkun suġġett għall-ġuriżdizzjoni ta' dak il-pajjiż, jew
  • fejn ikun ġie konkluż il-kuntratt tal-vjaġġ, jekk it-trasportatur ikollu sede hemmhekk u jkun suġġett għall-ġuriżdizzjoni ta' dak il-pajjiż.

Jekk il-valiġġa tiegħek tintilef jew issirilha l-ħsara, trid tinforma b'dan bil-miktub lit-trasportatur. Idealment għandek tagħmel dan qabel ma tinżel mill-vapur jew inkella sakemm il-valiġġa eventwalment tasal għandek. L-aktar tard li tista' tinforma lit-trasportatur huwa 15-il jum mill-iżbark jew minn meta tasallek il-valiġġa. Jekk jgħaddi aktar żmien, titlef id-dritt tiegħek għall-kumpens.

Normalment, tkun trid tagħmel it-talba tiegħek quddiem il-qrati fi żmien sentejn minn mindu jseħħ l-inċident, għalkemm il-punt minn meta jibda' jiddekorri dan iż-żmien mhux dejjem l-istess u jiddependi fuq in-natura tat-telfa jew ħsara.

Għad għandek bżonn l-għajnuna?

Għad għandek bżonn l-għajnuna?

Ma sibtx dak li kont qed tfittex? Għandek problema xi ssolvi?