Mogħdija tan-navigazzjoni

Aġġornat : 12/04/2017

Id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru

Ara jekk japplikawx id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru tal-UE fil-każ tiegħek

  • Jekk it-titjira tiegħek hija fi ħdan l-UE u hija operata minn linja tal-ajru tal-UE jew mhux tal-UE
  • Jekk it-titjira tiegħek tasal fl-UE minn barra l-UE u hija operata minn linja tal-ajru tal-UE
  • Jekk it-titjira tiegħek titlaq mill-UE għal pajjiż mhux fl-UE u hija operata minn linja tal-ajru tal-UE jew mhux tal-UE

UE tfisser it- 28 pajjiż tal-UE, inklużi l-Guadeloupe, il-Guyana Franċiża, Martinique, il-Gżira ta' Réunion, Mayotte, Saint-Martin, l-Azores, Madeira u l-Gżejjer Kanarji, kif ukoll l-Iżlanda, in-Norveġja u l-Iżvizzera

  • Jekk tieħu titjira li tasal fl-UE minn barra l-UE u hija operata minn linja tal-ajru mhux tal-UE
  • Jekk diġà rċevejt benefiċċji (kumpens, rotta ġdida, assistenza) għal problemi relatati ma' titjira skont il-liġi rilevanti ta' pajjiż mhux tal-UE

L-UE ma tinkludix il-Gżejjer Faeroe, Isle of Man u ċ-Channel Islands

IVA, Iċċekkja drittijietek
Iċċekkja drittijietek
LE, Ma għandek l-ebda dritt
Ma għandekx drittijiet

It-titjiriet lejn id-destinazzjoni u tar-ritorn huma meqjusin bħala titjiriet separati anke jekk kienu bbukkjati bħala parti minn prenotazzjoni waħda.

F'xi każijiet, il-linja tal-ajru li topera t-titjira tista' ma tkunx l-istess waħda minn fejn tkun xtrajt il-biljett tiegħek. X'każ ta' kwalunkwe diffikultajiet, il-linja tal-ajru li topera t-titjira tiegħek biss tista' tinżamm responsabbli.

Normalment, avviż stampat jew elettroniku li jinformak dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru tal-UE għandu jintwera b'mod ċar fid-desk taċ-check-in tal-ajruport. Din l-informazzjoni għandha tintwera wkoll fil-kjoskijiet taċ-check-in fl-ajruport u onlajn. Jekk ġejt rifjutat l-imbark, it-titjira tiegħek ġiet ikkanċellata, kellek tistenna aktar minn sagħtejn mit-tluq jew tasal tard ħafna fid-destinazzjoni finali tiegħek, l-operatur tal-ajru għandu jagħtik avviż stampat li jistipula r-regoli għall-kumpens u l-assistenza.

Rifjut tal-imbark

Tista' tiġi rifjutat l-imbark:

  • Għal raġunijiet ta' sikurezza, sigurtà jew ta' saħħa jew jekk m'għandekx id-dokumenti tal-ivvjaġġar it-tajbin
  • Jekk ma ħadtx it-titjira tad-destinazzjoni ta' prenotazzjoni li kienet tinkludi titjira tar-ritorn
  • Jekk ma ħadtx titjira/titjiriet oħra inklużi fi prenotazzjoni b'titjiriet konsekuttivi
  • Jekk m'għandekx id-dokumentazzjoni rilevanti għall-annimal domestiku tiegħek meta dan jivvjaġġa miegħek

Jekk ippreżentajt ruħek fil-ħin għaċ-check-in bi prenotazzjoni valida ta' titjira u bid-dokumentazzjoni tal-ivvjaġġar u tiġi rifjutat l-imbark minħabba bbukkjar żejjed jew raġunijiet operazzjonali, u ma tirrinunzjax volontarjament li ċċedi postok, inti intitolat għal:

Kanċellazzjoni

Ikun hemm kanċellazzjoni meta:

  • l-iskeda oriġinali tat-titjira tiegħek tiġi abbandunata u tiġi trasferit għal titjira skedata oħra
  • l-ajruplan telaq iżda kellu jirritorna fl-ajruport tat-tluq u ġejt trasferit f'titjira oħra
  • it-titjira tiegħek tasal f'ajruport li mhuwiex id-destinazzjoni finali indikat fuq il-biljett tiegħek, sakemm:
    • Aċċettajt rotta differenti (b'kundizzjonijiet kumparabbli ta' trasport mal-ewwel opportunità) lejn l-ajruport tad-destinazzjoni finali oriġinali tiegħek jew għal kwalunkwe destinazzjoni oħra li qbilt dwarha. F'dan il-każ jiġi meqjus bħala dewmien u mhux bħala kanċellazzjoni.
    • L-ajruport tal-wasla u l-ajruport tad-destinazzjoni finali oriġinali jservu l-istess raħal, belt jew reġjun. F'dan il-każ jiġi meqjus bħala dewmien u mhux bħala kanċellazzjoni.

Jekk it-titjira tiegħek tiġi kkanċellata għandek id-dritt għal rimborż, rotta differenti jew ritorn, kif ukoll id-dritt għal assistenza u dritt għal kumpens. Jingħata kumpens jekk tiġi informat inqas minn 14-il jum qabel id-data skedata tat-tluq tiegħek. L-operatur tal-ajru għandu l-obbligu li jipprova jekk u meta inti ġejt personalment informat li t-titjira kienet ikkanċellata. Jekk dan mhux il-każ tista' tikkuntattja l- awtorità nazzjonalipdfEnglish tiegħek għal aktar assistenza.

Madankollu, ma jingħatax kumpens jekk l-operatur tal-ajru jista' juri li l-kanċellazzjoni hi kkawżata minn ċirkostanzi staordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk ittieħdu l-miżuri raġonevoli kollha.

Dewmien

Jekk it-titjira tiegħek tittardja mit-tluq, għandek id-dritt għal assistenza, rimborż u titjira tar-ritorn, skont it-tul tad-dewmien u d- distanza tat-titjira.

Jekk wasalt fid-destinazzjoni finali tiegħek b'dewmien ta' aktar minn tliet sigħat, int intitolat għal kumpens, sakemm id-dewmien ma kienx minħabba ċirkostanzi straordinarji.

Apgredjar jew dawngrejdjar

Jekk tiġi apgrejdjat, il-linja tal-ajru ma tistax titlob pagament addizzjonali.

Jekk tiġi dawngrejdjat, inti għandek id-dritt għal rimborż ta' perċentwal tal-prezz tal-biljett tiegħek, skont id-distanza tat-titjira kif ġej:

a) 30% - titjiriet ta' 1 500 km jew inqas

b) 50% - titjiriet fl-UE ta' aktar minn 1 500 km (ħlief għat-titjiriet bejn l-UE u d-Dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej), u t-titjiriet l-oħra kollha bejn 1 500 u 3 500 km

c) 75% - titjiriet li ma jaqgħux taħt (a) jew (b), inklużi titjiriet bejn l-UE u d-Dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej.

Meta jkun hemm żewġ titjiriet konnessi jew aktar inklużi f' biljett uniku, ir-rimborż hu pagabbli biss għat-titjira li ġiet dawngrejdjata u mhux għall-vjaġġ kollu. Ir- rimborż għandu jitħallas fi żmien sebat ijiem.

Lagiġ li jintilef, issirlu ħsara jew li jittardja

Lagiġ li jkun sarlu ċ-check in

Jekk il-lagiġ tiegħek li jkun sarlu ċ-check-in jintilef, issirlu l-ħsara jew jittardja, il-linja tal-ajru hija responsabbli u int intitolat għal kumpens sa ammont ta' madwar EUR 1 220. Madankollu, jekk il-ħsara tiġi kkawżata b' difett inerenti fil-lagiġ innifsu, ma għandek dritt għal ebda kumpens.

Lagiġ tal-idejn

Jekk issir ħsara lil-lagiġ tal-idejn il-linja tal-ajru hija responsabbli jekk kienet responsabbli għall-ħsara.

Assikurazzjoni tal-ivvjaġġar

Jekk tkun qed tivvjaġġa b' oġġetti li jiswew ħafna flus, tista', bi ħlas, titlob kumpens ogħla (aktar minn EUR 1 220). Biex tagħmel dan, jeħtieġlek tiddikjara minn qabel lil-linja tal-ajru l-aktar tard sa meta tagħmel iċ-check-in. Madankollu, biex tiżgura li għandek kopertura suffiċjenti, il-parir hu li tieħu assikurazzjoni tal-ivvjaġġar privata.

Kif tilmenta

Jekk tixtieq tagħmel ilment għal lagiġ mitluf jew li saritlu l-ħsara, jeħtieġlek tagħmel dan bil-miktub lil-linja tal-ajru sa 7 ijiem, jew fi żmien 21 jum li fihom tkun irċevejt il-lagiġ tiegħek jekk dan ittardja. M'hemm ebda formola standard għall-UE kollha.

Kumpens - imbark rifjutat, kanċellazzjoni, dewmien mal-wasla

Ammont f'EUR

Distanza

250

1 500 km jew inqas

400

Aktar minn 1 500 km fi ħdan l-UE u t-titjiriet l-oħra kollha bejn 1 500 u 3 500 km

600

Aktar minn 3 500 km:

Jekk l-operatur tal-ajru offrielek rotta differenti u inti tasal fid-destinazzjoni finali b' dewmien ta' 2, 3 jew 4 sigħat il- kumpens jista' jitnaqqas b'50%.

Kumpens - imbark rifjutat

Dejjem għandek tirċievi kumpens jekk tiġi rifjutat li titla' fuq l-ajruplan.

Titjira konnessa - prenotazzjoni waħda b'check-in waħda

Jekk tiġi rifjutat l-imbark għat-titjira tiegħek minħabba li l-linja tal-ajru li topera t-titjira konnessa qieset li se tasal tard wisq biex titla' fuq din it-titjira (peress li l-ewwel titjira tiegħek ittardjat), tirċievi kumpens.

Titjira konnessa - prenotazzjonijiet separati

Jekk għandek żewġ biljetti separati għal żewġ titjiriet konsekuttivi u l-ewwel titjira tittardja, u ma jirnexxilekx tagħmel iċ-check-in fil-ħin għat-titjira ta' wara, il-linji tal-ajru mhumiex obbligati li jħallsu kumpens. Madankollu, jekk l-ewwel titjira tiegħek tittardja għal aktar minn tliet sigħat, tista' tkun intitolat għal kumpens mit-trasportatur li opera l-ewwel titjira.

Kumpens - kanċellazzjoni

Jekk it-titjira tiegħek tiġi kkanċellata m'intix intitolat għal kumpens:

  • jekk tiġi informat aktar minn 14-il jum minn qabel
  • jekk tiġi informat bejn ġimagħtejn u 7 ijiem qabel it-tluq skedat u tiġi offrut rotta differenti li tippermettilek:
    • titlaq mhux aktar minn sagħtejn qabel il-ħin tat-tluq oriġinali skedat
    • tasal fid-destinazzjoni finali tiegħek inqas minn 4 sigħat wara l-ħin tal-wasla oriġinali skedat.
  • tiġi informat inqas minn 7 ijiem qabel it-tluq skedat u tiġi offrut rotta differenti li tippermettilek:
    • titlaq mhux aktar minn siegħa qabel il-ħin tat-tluq oriġinali skedat
    • tasal fid-destinazzjoni finali tiegħek inqas minn sagħtejn wara l-ħin tal-wasla oriġinali skedat.

M'intix intitolat għal kumpens f'każ ta' ċirkostanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk ittieħdu l-miżuri raġonevoli kollha.

Kumpens - dewmien

  • Jekk tasal fid-destinazzjoni finali tiegħek b'dewmien ta' 3 sigħat jew aktar inti intitolat għal kumpens jekk id-dewmien ma kienx ikkawżat minn ċirkostanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk ittieħdu l-miżuri raġonevoli kollha. .
  • Jekk titlef titjira konnessa fi ħdan l-UE jew barra l-UE fuq titjira minn pajjiż tal-UE, għandek tkun intitolat għal kumpens, jekk tasal fid-destinazzjoni finali tiegħek b'dewmien ta' aktar minn 3 sigħat. Mhux rilevanti jekk it-trasportatur li jopera t-titjiriet konnessi huwa trasportatur tal-UE jew mhux tal-UE.
  • Jekk titlaq minn pajjiż mhux fl-UE għad-destinazzjoni finali tiegħek f'pajjiż tal-UE, b'titjiriet konnessi operati suċċessivament minn trasportaturi mhux tal-UE u tal-UE jew minn trasportaturi tal-UE biss, it-titjiriet operati minn trasportaturi tal-UE biss jitqiesu għad- dritt għal kumpens f'każ ta' dewmien twil mal-wasla fid-destinazzjoni finali.
  • M'intix intitolat għal kumpens jekk titlef titjiriet konnessi minħabba dewmien fil-kontrolli tas-sigurtà jew jekk ma rrispettajtx il-ħin tal-imbark tat-titjira tiegħek fl-ajruport tat-trasferiment.
  • Jekk taċċetta titjira lejn ajruport differenti minn dak oriġinali u tasal tard, m'intix intitolat għal kumpens. Il-ħin tal-wasla użat biex jiġi kkalkulat id-dewmien huwa l-ħin tal-wasla fl-ajruport imsemmi fl-ibbukkjar oriġinali jew id-destinazzjoni li qbilt dwarha mal-operatur tal-ajru. L-ispejjeż tat-trasport bejn l-ajruport alternattiv u dak fl- ibbukkjar oriġinali jew tad-destinazzjoni li tkun qbilt dwarha għandhom jitħallsu mit-trasportatur tal-linja tal-ajru.
  • Jekk l-operatur tal-ajru joffrilek rotta differenti u inti tasal fid-destinazzjoni finali b' dewmien ta' 2, 3 jew 4 sigħat il- kumpens tiegħek jista' jitnaqqas b'50%.

Assistenza jekk tiġi rifjutat l-imbark, f'każ ta' kanċellazzjoni jew dewmien mit-tluq

Il-linji tal-ajru għandhom joffru u jipprovdu assistenza bla ħlas waqt li tistenna. F'każ ta' bidliet fl-ivvjaġġar, għandek tippreżenta ruħek lit-trasportatur tal-ajru li jkun qed jopera t-titjira, biex tevita sitwazzjoni fejn ikollok tagħmel l-arranġamenti tiegħek stess. It-trasportaturi tal-ajru li jkunu qed joperaw it-titjira għandhom jiżguraw ukoll, fejn disponibbli, li l-akkomodazzjoni tkun aċċessibbli għall-persuni b'diżabbiltà u l-klieb ta' servizz tagħhom. L-assistenza li trid tiġi pprovduta tinkludi:

  • Xorb
  • Ikel
  • Akkomodazzjoni (jekk l-ibbukkjar il-ġdid ikun għall-jum ta' wara)
  • Trasport għall-akkomodazzjoni tiegħek u r-ritorn għall-ajruport
  • Żewġ telefonati, telex, faks jew emails

Jekk ma ġietx provduta assistenza u kellek tħallas għall-ikel u x-xorb tiegħek eċċ. l-operatur tal-ajru għandu jirrimborżak, sakemm l-ispejjeż kienu neċessarji, raġonevoli u xierqa. Għalhekk għandek iżżomm l-irċevuti kollha. Inti għandek id-dritt għall-assistenza jekk kellek tistenna għal rotta differenti, taħt kundizzjonijiet ta' trasport kumparabbli, għad-destinazzjoni finali tiegħek mill-iktar fis possibbli jew titjira ta' ritorn.

F'każijiet eċċezzjonali, il- linja tal-ajru tista' tiddeċiedi li tillimita jew tirrifjuta li tagħti l-assistenza jekk dan jikkawża aktar dewmien lill-passiġġieri li jkunu qed jistennew titjira alternattiva jew imdewma.

Rimborż, rotta differenti jew prenotazzjoni mill-ġdid fil-każ li passiġġier jiġi rifjutat l-imbark jew f'każ ta' kanċellazzjoni

It-trasportatur tal-ajru għandu joffrilek għażla bejn:

  • ir-rimborż tal-biljett tiegħek, jekk għandek titjira konnessa, titjira bir-ritorn lejn l-ajruport tat-tluq mal-ewwel opportunità
  • rotta differenti għad-destinazzjoni finali tiegħek mal-ewwel opportunità, jew
  • rotta differenti f'data ulterjuri meta jkun l-aħjar għalik taħt kundizzjonijiet ta' trasport komparabbli, suġġetti għad-disponibbiltà tal-postijiet.

Hekk kif tagħżel waħda minn dawn it-tliet opzjonijiet, ma jkollokx aktar drittijiet relatati maż-żewġ opzjonijiet l-oħra. Madankollu, it-trasportatur tal-ajru jaf xorta jkollu jipprovdi kumpens.

  • Jekk it- trasportatur tal-ajru ma jikkonformax mal-obbligi tiegħu li joffrilek rotta differenti jew ritorn taħt kundizzjonijiet tat-trasport komparabbli mal-ewwel opportunità, ikollu jirrimborża l-ispejjeż tat-titjira tiegħek.
  • Jekk it-trasportatur tal-ajru ma joffrilekx l-għażla bejn ir-rimborż u rotta ġdida iżda jiddeċiedi unilateralment li jirrimborża l-biljett oriġinali tiegħek, inti intitolat għal rimborż addizzjonali tad-differenza fil-prezz tal-biljett il-ġdid (taħt kundizzjonijiet tat-trasport komparabbli).
  • Jekk ibbukkjajt titjira lejn destinazzjoni u titjira ta' ritorn separatament ma' trasportaturi tal-ajru differenti u t-titjira lejn id-destinazzjoni tiġi kkanċellata, ir-rimborż ikun dovut biss għat- titjira kkanċellata.

Madankollu, jekk it-titjiriet lejn id-destinazzjoni u tar-ritorn huma operati minn trasportaturi tal-ajru differenti, iżda kienu parti minn prenotazzjoni waħda, fl-avveniment li t-titjira lejn id-destinazzjoni tiġi kkanċellata, inti għandek dawn id-drittijiet:

  • Kumpens
  • Għażla bejn i) ir-rimborż tal-biljett kollu tiegħek (titjiriet lejn id-destinazzjoni u tar-ritorn) jew ii) rotta differenti fuq titjira oħra għat-titjira lejn id-destinazzjoni

Ċirkostanzi straordinarji - Kanċellazzjoni

Ċirkostanzi straordinarji jistgħu jwasslu għal aktar minn kanċellazzjoni jew dewmien wieħed fid-destinazzjoni finali. Eżempji ta' avvenimenti definiti bħala straordinarji huma deċiżjonijiet tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, instabbiltà politika, kundizzjonijiet ħżiena tat-temp u riskji għas-sigurtà.

Sitwazzjonijiet li mhumiex ikkunsidrati bħala straordinarji jinkludu:

  • il-biċċa l-kbira tal- problemi tekniċi li jinqalgħu matul il-manutenzjoni tal-ajruplan jew li huma kkawżati minħabba li l-ajruplan ma setgħetx issiru l-manutenzjoni
  • kolliżjoni tat-taraġ mobbli tal-imbarkazzjoni ma' ajruplan

Jekk trasportatur tal-ajru jinvoka ċirkostanzi straordinarji r-raġunijiet għandhom jiġu spjegati b'mod ċar. Jekk ma tingħatax spjegazzjoni sodisfaċenti tista' tikkuntattja l- awtorità nazzjonalipdfEnglish tiegħek għal aktar assistenza.

Ċirkostanzi straordinarji - Dewmien

Ċirkostanzi straordinarji jistgħu jwasslu għal aktar minn kanċellazzjoni jew dewmien wieħed fid-destinazzjoni finali. Eżempji ta' avvenimenti definiti bħala straordinarji huma deċiżjonijiet tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, instabbiltà politika, kundizzjonijiet ħżiena tat-temp u riskji għas-sigurtà.

Sitwazzjonijiet li mhumiex ikkunsidrati bħala straordinarji jinkludu:

  • Il-biċċa l-kbira tal- problemi tekniċi li jinqalgħu matul il-manutenzjoni tal-ajruplan jew li huma kkawżati minħabba li l-ajruplan ma setgħetx issiru l-manutenzjoni
  • kolliżjoni tat-taraġ mobbli tal-imbarkazzjoni ma' ajruplan

Jekk trasportatur tal-ajru jinvoka ċirkostanzi straordinarji r-raġunijiet għandhom jiġu spjegati b'mod ċar. Trasportatur tal-ajru mhux obbligat iħallas kumpens fl-avveniment ta' kanċellazzjoni jew dewmien mal-wasla jekk jista' juri li l-kanċellazzjoni jew id-dewmien huma kkawżati minn ċirkostanzi staordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk ittieħdu l-miżuri raġonevoli kollha.

Itlob drittijietek!

Pass 1 : Ilmenta mat-trasportatur tal-ajru

L-ewwel għandek tibgħat l-ilment tiegħek lit-trasportatur tal-ajru permezz tal- formola ta' lment tad-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru tal-UE[119 KB]

Pass 2 : Ilmenta mal-awtoritajiet nazzjonali

Jekk ma tirċevix tweġiba mit-trasportatur tal-ajru u tqis li d-drittijiet tiegħek tal-passiġġieri tal-ajru tal-UE ma ġewx rispettati, tista' tagħmel ilment mal- awtorità nazzjonalipdfEnglish rilevanti fil-pajjiż fejn seħħ l-inċident, fi żmien raġonevoli.

Pass 3 : Uża Entitajiet ta' Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim (ADRs)

Jekk m'intix sodisfatt bit-tweġiba mogħtija mil-linja tal-ajru, u t-trasportatur tal-ajru huwa stabbilit fl-UE tista' tissottometti t-tilwima tiegħek għand entità ta' soluzzjoni alternattiva għat-tilwim. Jekk xtrajt il-biljett tiegħek onlajn, tista' tissottometti l-ilment tiegħek permezz tal- pjattaforma ta' Soluzzjoni Onlajn għat-Tilwim (ODR)English

L-ADRs u l-ODRs huma miftuħin biss għar-residenti tal-UE.

Pass 4 : Il-Qorti

Għal titjiriet bejn il-pajjiżi tal-UE (operati minn trasportatur tal-ajru wieħed) tista' tissottometti lment għal kumpens skont ir-regoli tal-UE quddiem il-qorti nazzjonali fil-post tal-wasla jew fil-post tat-tluq. Tista' wkoll tressaq il-kwistjoni quddiem il-qrati fil-pajjiżi fejn huwa rreġistrat it-trasportatur tal-ajru.

Il-limiti ta' żmien biex tressaq azzjoni kontra trasportatur tal-ajru quddiem qorti nazzjonali huma definiti skont ir-regoli nazzjonali dwar il-limitazzjoni ta' azzjonijiet f'kull pajjiż tal-UE.

Konsultazzjonijiet pubbliċi
    Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?
    Sib għajnuna u pariri