Mogħdija tan-navigazzjoni

Aqsam fuq 
	Aqsam fuq Facebook
  
	Aqsam fuq Twiter
  
	Ixxerja fuq Google+
  
	Aqsam fuq linkedIn

Vjaġġar b'kollox inkluż u Timeshare

Aġġornat : 05/09/2014

travel

Timeshare u prodotti ta' vaganzi fit-tul

Ix-xiri ta’ timeshare tradizzjonali - id-dritt li tqatta’ aktar minn perjodu wieħed ta’ żmien f’ċerta proprjetà — jista’ jkun pjuttost kumpless. L-istess meta tidħol f'xi skema ta' btala fit-tul, bħal klabbs tal-btala orħos, li jagħtuk id-dritt għal akkomodazzjoni orħos jew benefiċċji relatati, xi kultant flimkien mal-ivjaġġar u servizzi oħra, għal aktar minn sena waħda.

Kemm it-timeshare konvenzjonali kif ukoll id-diversi skemi ta’ vaganzi fit-tul li tfaċċaw matul is-snin jistgħu jinvolvu impenn finanzjarju sostanzjali fit-tul jew permanenti. Jinvolvu wkoll spejjeż addizzjonali rikorrenti (pereżempju taxxi, manutenzjoni u assigurazzjoni).

Din hija r-raġuni għala r-regoli tal-UE English relevanti ġew emendati fl-2008, biex iħarsuk kontra kummerċjanti bla skruplu meta tiffirma kuntratti għal timeshares jew skemi ta' btala fit-tul. Japplikaw għall-kuntratti konklużi mit-23 ta' Frar 2011 (jew aktar tard f'xi pajjiżi tal-UE ).

Ir-regoli għandhom ukoll iħarsuk meta tiffirma:

  • kuntratti ta' bejgħ mill-ġdid (tħallas professjonista biex jgħinek tbiegħ jew tixtri timeshare jew sħubija ta' klabb tal-btala)
  • kuntratti ta' skambju (tħallas biex tissieħeb fi skema li tippermettilek tuża akkomodazzjoni jew servizzi oħra, filwaqt li tippermetti lil ħaddieħor jagħmel użu temporanju mit-timeshare tiegħek).

Id-drittijiet tiegħek jiġu estiżi għal tipi differenti ta’ proprjetà timeshare inklużi:

  • vapuri tal-kruċieri
  • karavannijiet
  • dgħajjes tal-kanali

Qabel ma tiddeċiedi li tibqa’ għaddejja, kun af id-drittijiet tiegħek li jinkludu:

  • Li tkun informat bi sħiħ dwar it-termini tal-ftehim qabel ma tiffirma. Trid tingħata dettalji bil-miktub bil-lingwa tiegħek stess (jekk hija lingwa uffiċjali tal-UE).
  • Perjodu fejn tista' terġa' taħsibha ta' 14-il jum kalendarji waqt liema ġranet tista' tiddeċiedi li toħroġ mill-kuntratt mingħajr ma toqgħod tagħti raġuni. Jekk ma tirċevix formola standard tal-irtirar meħtieġa mir-regoli tal-UE, dan il-perjodu ta’ riflessjoni huwa estiż għal sena u 14-il jum kalendarju.
  • Estenzjoni tal-perjodu fejn tista' terġa' taħsibha għal 3 xhur u 14-il jum kalendarji jekk ma tirċevix informazzjoni sħiħa dwar il-prodott li qed tixtri.
  • Il-bejjiegħ qatt ma jista’ jitolbok tagħmel ħlas bil-quddiem jew depożitu matul dan il-perjodu ta’ riflessjoni.
  • Meta tixtri sħubija tal-klabbs tal-btala, il-ħlas għandu jsir f’rati indaqs f’intervalli annwali.
  • Għandu jkollok id-dritt ukoll li twaqqaf il-kuntratt tal-klabb tal-btala, mingħajr ma teħel multa, mit-tieni pagament 'il quddiem.  Meta tirċievi talba għall-ħlas li jmiss, Għandek 14-il jum kalendarji biex tagħti avviż ta’ terminazzjoni lill-kummerċjant.
  • Jekk iffirmajt ukoll kuntratt ta' skambju llinkjat, dan jiġi mwaqqaf awtomatikament ukoll - mingħajr spejjeż għalik - jekk toħroġ mill-kuntratt tat-timeshare.
  • Jekk, taħt kuntratt ta' bejgħ mill-ġdid, qabbadt lil xi professjonista biex jgħinek tbiegħ it-timeshare tiegħek jew is-sħubija ta' klabb tal-btala, dan il-professjonists ma jistax jieħu pagament mingħandek sakemm it-timeshare ma jkunx inbiegħ jew il-kuntratt ta' bejgħ mill-ġdid jiġi mitmum b'xi mod ieħor.

Jekk il-kuntratt tiegħek huwa kuntratt ta’ timeshare jew skema ta’ btala fuq tul ta’ żmien, inti koperti minn dawn ir-regoli anki jekk il-bejjiegħ isostni li dawn mhumiex applikabbli.

Affarijiet oħra li għandek tkun taf jinkludu:

  • tekniki ta' bejgħ qarrieqa u illegali bħall-iskema tal-"biljett tal-brix rebbieħi": tirbaħ premju u tittieħed f'post biex tiġbru fejn ikun hemm għaddej avveniment dwar it-timeshare u jinsistu li għandek tiffirma kuntratt
  • offerti suspettużi għall-bejgħ mill-ġdid ta' timeshare, speċjalment fejn tiġi persważ tixtri proprjetà oħra bil-wiegħda ta' bejgħ ta' dik li għandek bħalissa: f'dawn il-każijiet tista' tispiċċa b'żewġ proprjetajiet timeshare li la trid u lanqas għandek bżonn!
  • offerti suspettużi mingħand nies li jgħidu li huma avukati f’pajjiż ieħor tal-UE u li jekk tħallashom jirrappreżentawk fil-qrati ta' dak il-pajjiż, fit-tilwim tiegħek mal-bejjiegħ
  • Offerti minn nies suspettużi ta’ bir-ruħhom li, jekk tħallashom, jistgħu “jitolbu lura” pagamenti tiegħek lill-bejjiegħ tat-timeshare
  • Il-bejjiegħ tat-timeshare tiegħek (resort) ma jistax jillimita b'mod mhux xieraq id-dritt tiegħek li privatament tikri jew tbiegħ id-drittijiet tat-timeshare tiegħek. jew jirristrinġi l-aċċess tiegħek għal servizzi; jew jivvinta pagamenti ta' manutenzjoni mingħajr ġustifikazzjoni. Jekk jagħmel dan skont it-termini standard tal-kuntratt tiegħek, dawn it-termini jistgħu jkunu qed jiksru r-regoli tat-Termini ta’ Kuntratti Inġusti u għaldaqstant jistgħu ma jkunux jorbtu.
  • ikkunsidra l-effetti fit-tul jew saħansitra perpetwi li tkun dieħel fihom meta tidħol f'timeshare. Aħsibha bir-reqqa jekk tkunx tista' jew trid tibqa' tużaħ 10 jew 20 sena oħra. It-tfal tiegħek, li għandhom mnejn jirtu t-timeshare tiegħek u jkollhom jibqgħu jħallsu l-pagamenti tal-manutenzjoni, iridu jużawh?

Fil-każ ta' disputa ma' bejjiegħ f'pajjiż ieħor tal-UE, biex issir taf dwar drittijietek u l-ħarsien li int intitolat għalih, ikkuntattja liċ-Ċentru tal-Konsumatur Ewropew ( ECC-Net Deutsch français hrvatski English).

Storja bħala eżempju

Kanċellazzjoni ta' kuntratt tat-timeshare: ċittadin kontra kummerċjant

Patrick mill-Irlanda ffirma kuntratt ta’ timeshare ma’ fornitur f’Malta fl-2013. Il-kummerċjant ma taħx formola standard tal-irtirar u ma nfurmahx li ebda pagamenti bil-quddiem jew depożiti ma jistgħu jiġu aċċettati matul il-perjodu ta’ riflessjoni.

Huwa ħallas depożitu ta’ €1260 u għamel debitu dirett ta’ €122.50 fix-xahar għal sentejn.
Biex ibbukkja vaganza f’waħda mill-proprjetajiet tal-kummerċjant, kellu bżonn numru ta' kodiċi speċjali mill-kummerċjant, iżda minkejja talbiet ripetuti din qatt ma ngħatat.

Sena wara, kien għadu ma rnexxilux jibbukkja vaganza u għalhekk għażel li jirtira mill-kuntratt, skont ir-regoli li jestendu l-perjodu tal-irtirar għal sena u 14-il jum kalendarji. Sadanittant kien leħaq ħallas €2420.50.

Il-kummerċjant ma aċċettax l-ECC jew li jrodd lura l-flus ta' Patrick.

Wara li talab il-parir ta' KKE fl-Irlanda, Patrick irrikorra għal azzjoni legali permezz tal-proċedura Ewropeja tat-Talbiet Żgħar, u l-qorti qatgħatha favurih. Madankollu, il-kummerċjant xorta ma ħallasx. Wara intervent mill-ECC f'Malta, Patrick fl-aħħar ħa flusu lura.

Għad għandek bżonn l-għajnuna?

Għad għandek bżonn l-għajnuna?

Ma sibtx dak li kont qed tfittex? Għandek problema xi ssolvi?