Mogħdija tan-navigazzjoni

Aqsam fuq 
	Aqsam fuq Facebook
  
	Aqsam fuq Twiter
  
	Ixxerja fuq Google+
  
	Aqsam fuq linkedIn

Vjaġġar b'kollox inkluż u Timeshare

Aġġornat : 04/04/2014

travel

Vjaġġar b'kollox inkluż

L-ivvjaġġar b’kollox inkluż huwa wieħed fejn tixtri kombinazzjoni ta’ servizzi għal vaganza jew vjaġġ li

  • idum aktar minn 24 siegħa, jew
  • jinkludi waqfa tul il-lejl.

Il-vjaġġ irid ikun maqbul minn qabel, irid jinkludi tal-inqas 2 mis-servizzi li ġejjin:

  • it-trasport
  • l-akkomodazzjoni
  • servizzi oħra li jammontaw għal parti sinifikanti tal-vjaġġ (eż. biljett tal-iski għal t-tul tal-vaganza tiegħek, ġiti turistiċi)

u jrid ikun mibjugħ bi prezz li jinkludi kollox (i.e. il-prezz irid jinkludi s-servizzi kollha).

Ir-regoli dwar l-ivjaġġar b’kollox inkluż japplikaw ukoll meta l-komponenti tal-pakkett jiġu fatturati separatament.

Ivverifika mal-operatur turistiku jew l-aġent tal-ivvjaġġar tiegħek jekk hemmx xi regoli nazzjonali dwar vjaġġi u vaganzi li jieħdu inqas minn 24 siegħa jew li ma jinkludux lejl.

Skont ir-regoli tal-UE għandek drittijiet kemm meta tibbukkja u kemm waqt il-vaganza nfisha. L-aktar importanti huma dawn:

  • Għandek tirċievi tagħrif ċar u preċiż dwar l-aspetti kollha tal-vaganza qabel ma tiffirma l-kuntratt (inkluża informazzjoni dwar assikurazzjoni fakultativa tal-ivjaġġar, passaporti, viżi u formalitajiet tas-saħħa).
  • Tal-inqas parti waħda hija responsabbli għall-vjaġġ komplet, saħansitra meta s-servizzi individwali jiġu fornuti minn kumpaniji varji. Skont pajjiżek, dan jista’ jkun l-organizzatur (l-operatur turistiku), il-bejjiegħ (l-aġenzija tal-ivvjaġġar), jew it-tnejn li huma. Għandek tingħata d-dettalji ta' kuntatt ta' din il-parti fil-każ li jkollok bżonn tagħmel ilment matul il-vaganza tiegħek jew biex tfittex kumpens meta tmur lura pajjiżek.
  • Għandek id-dritt għall-għajnuna jekk ikollok diffikultajiet. Għandek għalhekk tingħata n-numru tal-emerġenza tal-operatur turistiku jew tal-aġent tal-ivvjaġġar.
  • Jekk l-organizzatur jew l-aġent ifalli hemm garanziji biex jiżguraw li int tieħu flusek lura u, jekk il-vaganza tiegħek diġà bdiet, li tittieħed lura f'pajjiżek. Dettalji prattiċi dwar dan jiddependu fuq ir-regoli nazzjonali u l-entità li permezz tagħha l-organizzatur jew l-aġent ikun ħejja din il-protezzjoni.
  • Tista' tittrasferixxi l-vjaġġ lil xi ħadd ieħor jekk ma tkunx tista' tmur fuq il-vaganza li bbukkjajt. Madankollu, jista’ jkollok tħallas xi spejjeż żejda li jirriżultaw minn dan it-trasferiment.
  • Il-prezz li jkollok fuq il-kuntratt jista' jiżdied biss taħt ċertu kondizzjonijiet speċifiċi (eż. żieda fl-ispejjeż tat-trasport, taxxi/miżati ċċarġjati minn partijiet terzi jew rati tal-kambju) u mhux aktar tard minn 20 jum qabel il-bidu tal-vjaġġ.
  • Jekk l-organizzatur jew l-aġent ibiddel il-kontenut (inkluż il-prezz) tal-vjaġġ u mbagħad inti tikkanċella l-vaganza, tista' tieħu flusek lura jew tagħżel vjaġġ ieħor. L-istess japplika jekk l-organizzaturi jħassru l-vaganza. F’ċerti każijiet tista’ wkoll tkun intitolat għal kumpens.

Dawn ir-regoli MHUMIEX applikabbli jekk tgħaqqad il-vaganza int stess billi tixtri l-elementi varji mingħand aġenti jew websajts li mhumiex marbuta flimkien bl-ebda mod.

Jekk xi ħaġa tmur ħażin matul il-vaganza u ma tkunx it-tort tiegħek (eż. jekk jiġi kkanċellat vjaġġ turistiku jew il-lukanda ma tkunx verament kif kienet ġiet deskritta), għandek tikkuntattja wieħed minn dawn malajr kemm jista’ jkun:

  • L-organizzatur, jew, jekk applikabbli
  • ir-rappreżentant lokali

Dawn għandhom jagħmlu sforzi immedjati biex tissolva l-problema.

Jekk il-problema tippersisti, iġbor kemm tista' evidenza (eż. ritratti) u ressaq ilment meta tmur lura f'pajjiżek.

Skont pajjiżek, l-aġenzija tal-ivvjaġġar min fejn xtrajt il-vjaġġ tista’ tkun ukoll l-ewwel punt ta’ kuntatt tiegħek. F'xi pajjiżi hemm dati ta' skadenza biex tagħmel ilment dwar il-vaganza tiegħek.

Jekk dan ma jaħdimx, ara jekk iċ-Ċentru tal-Konsumatur Ewropew (ECC-Net ) jistax jgħinek. Dan huwa partikolarment rilevanti meta l-organizzatur ikun ibbażat f’pajjiż ieħor tal-UE.

Storja bħala eżempju

Bidla sinifikanti ta’ element essenzjali ta’ vjaġġ b’kollox inkluż

Michel mill-Belġju rriżerva vjaġġ b’kollox inkluż ta’ 3 ġimgħat fil-Greċja permezz ta’ operatur turistiku Grieg (l-organizzatur). Il-vjaġġ kellu jibda b’ġita ggwidata ta' 14-il jum u jispiċċa b'ġimgħa f'kumpless turistiku fejn il-baħar. Ftit jiem biss qabel it-tluq ippjanat, qalulu li l-ġita ggwidata ta’ 14-il jum ma setgħetx iseħħ. Michel issa ġie offrut vjaġġ li jibda f'ġimgħa f'kumpless turistiku ħdejn il-baħar segwita minn ġita ggwidata ta’ 10 ijiem. Ma kienx kuntent b’dan, peress li l-ġita issa kienet iqsar u ma kinetx tinkludi l-attrazzjonijiet turistiċi kollha li kienu jinteressawh l-aktar, u ma xtaqx jibda l-vjaġġ b'vaganza ħdejn il-baħar. Michel ingħata parir li jikkuntattja ċ-Ċentru Ewropew tal-Konsumatur, fejn qalulu li għandu 3 għażliet:

  • Seta’ jaċċetta l-offerta jekk l-organizzatur joffrilu wkoll tnaqqis xieraq fil-prezz;
  • seta’ jitlob l-organizzatur joffrilu vjaġġ ieħor, jew
  • seta' jikkanċella l-vjaġġ kollu, jieħu flusu kollha lura u, possibbilment, jitlob kumpens.

Michel mar lura għand l-organizzatur b’din l-informazzjoni. Finalment għażel l-ewwel għażla — u rċieva tnaqqis ta’ 50% fil-prezz oriġinali.

Għad għandek bżonn l-għajnuna?

Għad għandek bżonn l-għajnuna?

Ma sibtx dak li kont qed tfittex? Għandek problema xi ssolvi?

Ikseb parir dwar drittijietek fl-UE

Solvi l-problemi ma' awtorità pubblika