Mogħdija tan-navigazzjoni

Dokumenti meħtieġa

Aġġornat : 06/2012

Membri tal-familja li mhumiex mill-UE

Jeħtiġilhom viża?

Jekk int ċittadin tal-UE iżda għandek membri tal-familja li mhumiex, jistgħu jakkumpanjawk jew jingħaqdu miegħek  f'pajjiż ieħor tal-UE.

Dawn għandhom iġorru fuqhom passaport validu l-ħin kollu u, skont pajjiżhom, jista' jkun li jeħtiġilhom li juru viża ta' dħul mal-fruntiera.

Martek/żewġek, il-ġenituri u nannietek jew uliedek u neputijiet tiegħek li mhumiex mill-UE ma jeħtiġilhomx li jakkwistaw viża mill-pajjiż li qed jivvjaġġaw fih jekk :

  • il-pajjiż li qed jivvjaġġaw fih jappartjeni għaż-żona bla passaport ta' Schengen (ara l-lista hawn taħt) u għandhom permess ta' residenza jew viża minn pajjiż ieħor f'din iż-żona, jew
  • qed jivvjaġġaw miegħek jew biex jingħaqdu miegħek u għandhom dokument ta' residenza maħruġ minn kwalunkwe pajjiż tal-UE (ħlief il-pajjiż li tiegħu għandek iċ-ċittadinanza).

      Id-dokument ta' residenza għandu jindika b'mod ċar li d-detentur hu membru ta' familja ta' ċittadin mill-UE.

L-Awstrija

L-Ungerija

In-Norveġja

Il-Belġju

L-Islanda

Il-Polonja

Ir-Repubblika Ċeka

L-Italja

Il-Portugall

Il-Danimarka

Il-Latvja

Is-Slovakja

L-Estonja

Il-Liechtenstein

Is-Slovenja

Il-Finlandja

Il-Litwanja

Spanja

Franza

Il-Lussemburgu

L-Isvezja

Il-Ġermanja

Malta

L-Isvizzera

Il-Greċja

Il-Pajjiżi l-Baxxi

                                     


  Is-sieħeb/sieħba rreġistrat/a u l-familja estiża - aħwa, kuġini, żijiet u oħrajn – jistgħu jitolbu lill-awtoritajiet f'pajjiż tal-UE biex jirrikonoxxuhom uffiċjalment bħala membri tal-familja ta' ċittadin tal-UE. Il-pajjiżi tal-UE mhumiex marbutin li jirrikonoxxuhom bħala membri tal-familja tiegħek iżda għandhom tal-anqas jikkunsidraw it-talba.

Biex jiġu evitati problemi, ikkuntattja l-konsulat jew ambaxxata tal-pajjiż li se tkunu qed tivvjaġġaw fih ħafna qabel iż-żmien biex tkun taf x'dokumenti l-membru tal-familja tiegħek li mhux mill-UE se jintalab biex jippreżenta mal-fruntiera. Kun af li ċerti pajjiżi jista' ma jkunux qed japplikaw korrettament il-liġi tal-UE u l-membri tal-familja tiegħek li mhumiex mill-UE jista' jiċċaħdulhom ċerti drittijiet li għandhom, kif deskritt hawnhekk.

Jekk għandek problemi, tista' dejjem tikkuntattja lis-servizzi ta' assistenza.

Applikazzjoni għall-viża

Jekk il-membri tal-familja tiegħek li mhumiex mill-UE jeħtiġilhom viża, għandhom japplikaw għal waħda minn qabel mingħand il-konsulat jew ambaxxata tal-pajjiż li jixtiequ jivvjaġġaw fih. L-applikazzjoni tagħhom għandha tkun ipproċessata malajr u bla ħlas.

  • Il-pajjiżi li huma membri taż-żona bla passaport ta' Schengen għandhom jipprovdu l-viżi fi żmien 15-il ġurnata, ħlief f'każijiet rari, meta l-awtoritajiet jiġġustifikaw id-deċiżjonijiet tagħhom.
  • Il-pajjiżi l-oħrajn kollha (il-Bulgarija, Ċipru, l-Irlanda, ir-Rumanija, ir-Renju Unit) – mill-aktar fis possibbli.

Id-dokumenti li l-membri ta' familtek jeħtiġilhom jinkludu fl-applikazzjoni tal-viża tagħhom jistgħu jvarjaw minn pajjiż għal ieħor. Qabel ma tivvjaġġa, iċċekkja liema huma mal-konsulat jew l-ambaxxata tal-pajjiż ta' destinazzjoni.


Il-viżi maħruġin minn pajjiż li jappartjeni għaż-żona bla passaport ta' Schengen huma validi għall-pajjiżi kollha f'dik iż-żona.

Storja bħala eżempju

Ċertifikat taż-żwieġ biżżejjed biex tingħata viża

Thomas hu Irlandiż u jgħix il-Belarus ma' martu Delia, ċittadina Belarussa. Meta xtaqu jżuru lill-omm Thomas, li issa qed tgħix fi Spanja, huma applikaw għall-viża ta' dħul għal Delia.

Hi inkludiet iċ-ċertifikat taż-żwieġ fl-applikazzjoni, iżda l-awtoritajiet Spanjoli wkoll talbu li tingħatalhom prova tal-akkomodazzjoni fil-lukanda fi Spanja u tal-assigurazzjoni kontra l-mard qabel ma joħorġulha l-viża.

Madankollu, meta Delia qaltilhom li ma kinux meħtieġa aktar dokumenti ta' din ix-xorta skont il-liġi tal-UE, l-awtoritajiet Spanjoli skużaw ruħhom għall-iżball tagħhom u immedjatament ħarġulha l-viża ta' dħul.

Mal-fruntiera mingħajr viża ta' dħul

L-aħjar dejjem hu li l-membri tal-familja tiegħek li mhumiex mill-UE jkunu mgħarrfin dwar dan minn qabel u jkollhom id-dokumenti meħtieġa kollha qabel ma jibdew il-vjaġġ tagħhom.

Madankollu, jekk jaslu mal-fruntiera mingħajr ma jkollhom viża ta' dħul, l-awtoritajiet tal-fruntieri għanhom jagħtuhom l-opportunità li jippruvaw b'kull mezz li huma membri tal-familja tiegħek. Jekk jirnexxilhom jippruvaw dan, għandha tinħarġilhom viża ta' dħul fil-post.

Ċerti pajjiżi jistgħu jonqsu li japplikaw il-liġi tal-UE b'mod korrett, u l-membri ta' familtek jistgħu jkunu miċħudin minn drittijiethom. Jekk il-membri tal-familja tiegħek qed isibuha diffiċli li tingħatalhom viża, tista' tikkuntattja lis-servizzi ta' assistenza tagħna.

Rifjut ta' dħul

F'każijiet rari ħafna, pajjiż tal-UE jista' jirrifjuta d-dħul tiegħek jew ta' membri tal-familja tiegħek minħabba "politika pubblika, sigurtà pubblika u saħħa pubblika".

Jekk dan iseħħ, l-awtoritajiet għandhom jippruvaw li int jew il-membri tal-familja tiegħek huma "ta' theddida ġenwina, preżenti u biżżejjed serja".

Għandek id-dritt li tingħata din id-deċiżjoni bil-miktub, fejn ikunu ddikjarati r-raġunijiet, u li fiha jiġi speċifikat kif tista' tappella u ż-żmien li għandek biex tkun tista' tagħmel dan.

Aktar dwar il-proċeduri ta' dħul tal-UE English

Għad għandek bżonn l-għajnuna?

Footnote

F'dan il-każ, 27 Stat Membru tal-UE + l-Islanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Isvizzera

Retour au texte en cours.