Mogħdija tan-navigazzjoni

Messaġġ minn Michel Barnier, il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi fl-okkażjoni tal-20 anniversarju tas-suq uniku tal-UE

Michel Barnier, il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi

“Fl-1 ta’ Jannar 1993, tnieda s-suq uniku, ibbażat fuq il-moviment ħieles tal-persuni, prodotti, servizzi u kapital. Illum, suq uniku iktar b’saħħtu jibqa’ l-ikbar benefiċċju għall-Ewropej. Joħloq drittijiet u jitfaħ opportunitajiet għal 500 miljun ruħ u 22 miljun negozju madwar l-Ewropa. Nemmen li din il-gwida prattika tgħin lill- Ewropej jibbenefikaw bis-sħiħ mill-kisbiet tas-suq uniku. Għandi fiduċja li s-sit L-Ewropa Tiegħek se jgħin lill-Ewropej biex igawdu bis-sħiħ mill-kisbiet tas-suq uniku!”

Michel Barnier, il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi

F’dawn l-aħħar 20 sena, is-suq uniku biddel il-mod kif l-Ewropej jaħdmu, jitgħallmu, jixtru u jbigħu madwar il-kontinent. Għoxrin sena ilu, vjaġġ qasir lejn pajjiż viċin ma kienx faċli; probabbilment kien jibda billi ssarraf il-flus f’munita oħra u kien ikollok timla formoli jekk ikollok bżonn tabib jew sptar. Kellek tħallas id-dazju anki fuq l-iżgħar tifkira. U fl-1992, jekk issib problema b’xi ħaġa li xtrajt meta tasal id-dar, lanqas kont toħlom li tikseb flusek lura. Lanqas ma stajt tkun ċert mis-sikurezza tagħha billi l-istandards fl-Ewropa kienu jvarjaw.

U għal min kellu negozju fl-1992, il-burokrazija involuta fil-kummerc u l-provvediment ta’ servizzi f’pajjiz iehor tal-UE kienet ostaklu kbir ghal pjanijiet ta’ espansjoni barra minn pajjiżu.

F’dawn l-20 sena sar progress kbir. Bħala individwu jew negozju, issa għandek benefiċċji konkreti bis-suq uniku tal-UE. Għandek aċċess għal iktar prodotti u servizzi, ta’ kwalità aħjar u irħas. Għandek l-istess livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u tan-negozju f’kull pajjiż. U tista’ tiftaħ kumpanija, tbigħ il-prodotti tiegħek u tinnegozja f’suq ta’ 500 miljun ruħ madwar l-UE.

L-Ewropa Tiegħek jgħinek titgħallem dwar il-bosta opportunitajiet li s-suq uniku joffri u jippermettilek tisfrutta minnhom. F'xi oqsma japplikaw l-istess regoli anke lil hinn mill-UE (l-Islanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Isvizzera).