Mogħdija tan-navigazzjoni

Aġġornat : 23/06/2014

shopping

Prattiki kummercjali inġusti

Meta tixtri prodotti u servizzi minn kullimkien fl-UE – kemm minn websajt, ħanut lokali jew bejjiegħ minn pajjiż barrani – il-liġi tal-UE tipproteġik kontra prattiki kummerċjali inġusti.

Meta jippromwovu, ibigħu jew jissupplixxu l-prodotti, il-kumpaniji għandhom jagħtuk informazzjoni preċiża biżżejjed (ara d-dritt tiegħek għal informazzjoni onlajn) li tippermettilek li tiddeċiedi x'tixri b'mod infurmat. Jekk dan ma jsirx, l-azzjonijiet tagħhom jitqiesu inġusti. Ara Rimedji għall-passi li tista' tieħu bħala rispons.

Prattiki qarrieqa u aggressivi

Int protett kontra 2 kategoriji ewlenin ta' prattiki kummerċjali inġusti:

  • prattiki qarrieqa, jew minħabba azzjoni (meta tingħata informazzjoni falza) jew inkella minħabba ommissjoni (meta titħalla barra informazzjoni importanti).
  • prattiki aggressivi li għandhom l-għan li jintimidawk biex tixtri.

Il-Lista ta' Prattiki Suspettużi – prattiki inġusti li huma dejjem ipprojbiti

Il-Lista ta' Prattiki Suspettużiбългарски (bg)czech (cs)dansk (da)Deutsch (de)eesti (et)ελληνικά (el)English (en)español (es)Français (fr)Gaeilge (ga)italiano (it)latviešu (lv)lietuvių (lt)magyar (hu)Nederlands (nl)polski (pl)português (pt)română (ro)slovenčina (sk)slovenščina (sl)suomi (fi)svenska (sv) tagħmilha aktar faċli li jiġu identifikati l-prattiki kummerċjali li huma pprojbiti fiċ-ċirkostanzi kollha. Jekk prattika tidher fil-lista, din titqies awtomatikament inġusta.

Prattiki suspettużi komuni:

Reklamar li jservi ta' lixka

Il-bejjiegħa ma jistgħux jippromwovu prodotti/servizzi bi prezz ferm baxx meta ma għandhomx stokk biżżejjed disponibbli. Jeħtiġilhom li jgħidu lill-klijenti kemm oġġetti huma disponibbli għall-bejgħ u għalkemm żmien l-offerti jibqgħu validi.

Storja bħala eżempju

Alex ra pubbliċità fuq billboard li kienet qed tħabbar promozzjoni speċjali għal titjira: "Tliegħaq fix-xemx f'Barċellona għall-prezz ta' €1 biss!"

Iżda meta pprova jibbukkja t-titjira, il-biljett ta' €1 ma kienx għadu disponibbli. Hu ċempel lis-servizz tal-klijenti tal-kumpanija u qalulu biss li għadd limitat ħafna ta' postijiet kienu ġew offruti bi prezz baxx.

Hu ma ħalliex il-kwistjoni għaddejja u kkuntattja ċ-ċentru nazzjonali tal-konsumaturi, li kkonfermaw li l-kumpanija tal-ajru kellha tkun f'qagħda li tista' toffri għadd raġonevoli ta' postijiet bil-prezz reklamat, skont id-daqs tal-kampanja ta' pubbliċità u/jew (tal-anqas) turi l-għadd ta' postijiet disponibbli għall-prezz tal-offerta speċjali.

Għalkemm Alex xorta waħda ma setax jingħata l-biljett bil-prezz reklamat, fuq suġġeriment taċ-ċentru nazzjonali tal-konsumaturi l-kumpanija neħħiet il-pubbliċità mill-billboard, biex b'hekk klijenti oħrajn ma waqgħux ukoll fl-istess nassa.

Offerti "b'xejn" foloz

Il-bejjiegħa għandhom jagħtu l-prezzijiet veri tal-prodotti u s-servizzi tagħhom. Ma jistgħux ipinġu li servizz bi ħlas hu "b'xejn" jew joffrulek servizz addizzjonali "b'xejn" meta fil-fatt l-ispejjeż veri ta' servizzi "b'xejn" ta' din ix-xorta huma diġà inklużi fil-prezz regolari.

Storja bħala eżempju

Francesca ffirmat għal servizz tal-sms. Hi indunat li kien hemm kaxxa żgħira fil-qiegħ tal-paġna tal-websajt li kienet tgħid "5 messaġġi b'xejn kuljum." Meta hi kklikkjat, sfat f'paġna oħra li għal darb'oħra kienet tgħid "5 MESSAĠĠI B'XEJN KULJUM."

Segwiet l-istruzzjonijiet u ġiet mgħarrfa li kienet ġiet irreġistrata u li l-ħlas għas-servizz kien ta' €3 fil-ġimgħa. Marret lura biex tiċċekkja u indunat li kien hemm miktub b'tipa żgħira fil-websajt li dan kien servizz bi ħlas.

Jeħtieġlek toqgħod attent ħafna għal offerti ta' din ix-xorta u tiċċekkja bir-reqqa l-kundizzjonijiet.

Manipulazzjoni tat-tfal

Il-bejjiegħa ma jistgħux jgħidu lit-tfal tiegħek biex jistaqsuk ħalli tixtri l-prodotti tagħhom. Appelli diretti bħal "Mur ixtri l-ktieb issa" jew "Ġiegħel il-ġenituri jixtrulek din il-logħba" huma pprojbiti. Din il-projbizzjoni tapplika għall-midja kollha, inklużi t-televixin u – b'mod aktar importanti – l-internet.

Storja bħala eżempju

Cécile kienet sorpriża, meta bintha f'daqqa waħda bdiet tiffittaha biex tixtrilha ġabra ta' films bil-karattru tal-ktieb favorit tagħha.

Cécile fehmet għaliex meta rat ir-reklam għall-ħruġ tal-films li kien jgħid: "Il-ktieb favorit tiegħek issa ħareġ fuq vidjow - għid lil ommok tixtrihulek!"

Hi kkonsultat ma' awtorità tal-protezzjoni tal-konsumaturi, li kkonfermatilha li din kienet prattika inġusta u resqet ilment kontra l-kumpanija sabiex titwaqqaf il-kampanja.

Pretensjonijiet foloz dwar kuri

Kull meta prodott issirlu pubbliċità bħala terapewtiku – ifejjaq l-allerġiji, ma jħallix li jaqagħlek aktar xagħrek, jgħinek titlef il-piż, eċċ. – int għandek id-dritt li tkun taf jekk pretensjonijiet ta' din ix-xorta ġewx ikkonfermati b'mod xjentifiku. F'bosta każijiet, pretensjonijiet bħal dawn mhumiex appoġġati b'mod mediku u huma sempliċement tajbin iżżejjed biex ikunu veri.

Storja bħala eżempju

Mario rċieva ittra minn kumpanija f'pajjiż ieħor li kienet qed tgħid li l-prodott tagħhom kellu jgħinu biex jerġa' jitlagħlu xagħru lura fi tliet ġimgħat.

Mario ddeċieda li jordna l-prodott, billi l-ittra qalet li dan kien "ipprovat u ttestjat". Iżda fil-fatt il-prodott ma kienx ittestjat, u ma ħadimx. Mario kkuntattja l-awtorità nazzjonali tal-protezzjoni tal-konsumaturi u sar jaf li bosta klijenti żgwidati oħrajn kienu lmentaw ukoll. Tawh il-parir li jissieħeb fil-proċeduri legali kontra l-kumpanija li kienu diġà għaddejjin.

Pubbliċità moħbija fil-midja (pubbliċità b'forma ta' artiklu)

Għandek id-dritt li tiġi mgħarraf jekk artiklu f'gazzetta, fi programm televiżiv jew fuq ir-radju ġiex "sponsorjat" minn kumpanija bħala mod ta' pubbliċità għall-prodotti tagħha. Dan għandu jkun ċar permezz ta' stampi, kliem jew ħoss.

Storja bħala eżempju

Yann qara artiklu f'magażin tal-ivvjaġġar dwar l-ivvjaġġar bil-mixi fl-Irlanda.

Skont l-artiklu, ippubblikat bħala storja minn wieħed mill-qarrejja, ċerta marka ta' tagħmir użat matul il-vjaġġ tal-qarrej, kien issemma li kien b'mod partikulari ta' kwalità tajba.

Billi xtaq ikun mija fil-mija ċert, Yann iddeċieda li jerġa' jiċċekkja fuq forum onlajn. F'dak il-ħin biss Yann sar jaf li t-tagħmir tal-kumpanija ma kienx apprezzat minn ħafna ammiraturi tal-ivvjaġġar bil-mixi. Fil-fatt, bosta parteċipanti tal-forum kienu ingannati biex jixtruh, billi ma kinux jafu li l-artiklu kien fil-fatt sponsorjat mill-manifattur tat-tagħmir.

Meta Yann ikkuntattja organizzazzjoni tal-konsumaturi, sar jaf li, skont il-liġi tal-UE, il-magażin tal-ivvjaġġar kellu jagħmilha ċara li l-artiklu kien pubbliċità. Wara l-intervent ta' Yann, l-organizzazzjoni tal-konsumaturi kkuntattjat lill-pubblikatur tal-magażin li ppubblika kjarifika u skuża ruħu mal-qarrejja talli kien żgwidahom.

Skemi piramida

Dawn huma skemi ta' promozzjoni li int tħallas biex tissieħeb fihom biex bi bdil tingħata l-opportunità li tirċievi kumpens. Dan il-kumpens, madankollu, jiġi primarjament billi ddaħħal persuni ġodda fl-iskema. Il-bejgħ jew il-konsum attwali tal-prodotti għandu rwol żgħir. F'ċertu punt, l-iskemi piramida jikkrollaw, u dawk li jidħlu l-aħħar fihom jitilfu l-investiment tagħhom.

Storja bħala eżempju

Oana kienet offruta impjieg f'netwerk ta' kummerċjalizzazzjoni biex tbigħ prodotti kosmetiċi. Qalulha li kellha tagħmel ħafna flus fil-ħin liberu tagħha u mill-kumdità ta' darha.

Kien hemm 2 rekwiżiti: li għal darba bil-quddiem tħallas miżata għad-dħul u li ddaħħal 5 iħbieb fin-netwerk. Aktar ma hi kienet tintroduċi ħbieb fin-netwerk, aktar kellha taqla' flus. Ħbiebha kellhom ukoll jaqalgħu flus aktar jekk jintroduċu 5 iħbieb oħrajn.

Oana ma indunatx li d-dħul ta' flus ewlieni tagħha kellu jkun aktar mir-reklutaġġ ta' persuni fin-netwerk milli mill-bejgħ tal-prodotti kosmetiċi.

Jekk issib ruħek f'sitwazzjoni ta' din ix-xorta, għandek tikkuntattja organizzazzjoni tal-konsumaturi li tinformak dwar il-miżuri ta' kumpens li jeżistu f'pajjiżek.

Offerti foloz ta' premjijiet, rigali

Il-bejjiegħa ma jistgħux jagħmlu pubbliċità ta' premijiet jew rigali "b'xejn", u mbagħad jeħtiġulek tħallas għalihom biex tkun tista' takkwistahom. Jekk tirċievi ittra jew email li tgħidlek: Awguri, irbaħt premju!, oqgħod attent billi din tista' tkun ukoll prattika inġusta.

Storja bħala eżempju

Evelina rċeviet ittra minn kumpanija li awguratilha talli kienet rebħet aktar minn €100 fi premjijiet. Qalulha biex iċċempel biex tingħata l-premjijiet fi żmien ġimgħa qabel ma tiskadi l-offerta.

Iżda meta hi ċemplet in-numru tal-ittra, qalulha li l-offerta fil-fatt ma kinitx ħlief pubbliċità. Minflok ma rċeviet premjijiet, tawha l-parir biex tixtri tagħmir tad-dar, biex imbagħad tiddaħħal f'lotterija.

Evelina kienet diżappuntata u ddeċidiet li tivverifika jekk il-kumpanija setgħetx tagħmel dan. Hi kkuntattjat l-organizzazzjoni nazzjonali tal-konsumaturi u saret taf li prattiki ta' din ix-xorta ma setgħux isiru. L-organizzazzjoni tal-konsumaturi kkuntattjat il-kumpanija, li finalment waqqfet din il-prattika.

Vantaġġi "speċjali" foloz

Il-bejjiegħa ma jistgħux jgħidu li qed jagħtuk drittijiet speċjali, meta fil-fatt int diġà qed tgawdi dawk id-drittijiet skont il-liġi.

Storja bħala eżempju

Konstantinos minnTessaloniki ddeċieda li jixtri kompjuter mill-internet.

Hu għażel ħanut mill-internet li kien qed jippromwovi offerta speċjali li kienet tagħti lix-xerrejja garanzija ta' sentejn li tkopri t-tiswijiet jew il-bdil jekk il-prodott jirriżulta li kellu difett jew mhux kif kien reklamat.

Konstantinos kien ipperswadut li din kienet offerta speċjali, iżda garanzija ta' sentejn hi obbligu impost fuq kull bejjiegħ bil-liġi.

Fil-fatt bosta bejjiegħa jew manifatturi joffru l-garanziji kummerċjali tagħhom, li jwiegħdu li jsewwu prodott, p.e. għal sena, tliet jew ħames snin. Dawn jistgħu jkunu bla ħlas jew għal xiri mhux ta' bilfors. Madankollu, dawn il-garanziji kummerċjali addizzjonali qatt ma jieħdu post il-garanzija ta' sentejn, li int għandek awtomatikament mingħand il-bejjiegħ bħala dritt legali tiegħek.

Konstantinos kiteb lin-negozjant, li aċċetta li f'dan il-każ kien hemm żball u qabel li jagħti lill-kunsumatur sena addizzjonali bħala garanzija kummerċjali.

Użu falz ta' offerti limitati

Meta l-bejjiegħa jgħidulek li offerta partikulari se tkun disponibbli biss għal żmien tassew limitat, huma għandu mnejn ikunu qed jagħmlulek pressjoni biex tixtri qabel ma jkollok żmien biżżejjed biex tagħmel għażla informata. Mhux ġust li jingħad li offerta hi limitata għal ċertu żmien meta fil-fatt dan ma jkunx il-każ.

Storja bħala eżempju

Simon mill-Belġju xtaq jixtri rota. Hu sab offerta promozzjonali speċjali valida għal 24 siegħa biss f'ħanut tal-internet ta' bejjiegħ fl-Olanda.

Ir-rota ma kinitx eżattament dik li kien qed ifittex, iżda ma kellux il-ħin joqgħod iqabbel, billi l-offerta kienet valida biss għal ħin tassew qasir ta' din ix-xorta. Hu malajr iddeċieda biex jixtri r-rota sabiex jieħu vantaġġ tal-iskont ta' 50%.

Skanta meta bbrawżja l-ħanut tal-internet kemm ġimgħa kif ukoll ġimagħtejn wara, u ra eżattament l-istess offerta promozzjonali.

Simon induna li dik kienet offerta falza biex tingannah ħalli jixtri r-rota. Hu lmenta darbtejn mal-bejjiegħ dwar din il-prattika iżda ma nagħta ebda tweġiba.

Imbagħad hu mar fiċ-ċentru Ewropew għall-konsumaturi fil-Belġju li trasferixxa l-każ lill-kollegi tiegħu fl-Olanda. Ftit tal-ħin wara ċ-ċentru Olandiż għarraf lil Simon li bis-saħħa tal-azzjoni tagħhom il-bejjiegħ kien ikkoreġa l-websajt kif suppost.

Offerti persistenti mhux mixtiqin

Skont il-liġi tal-UE, il-kumpaniji ma jistgħux jagħmlulek offerti persistenti u mhux mixtiqin bit-telefown, il-faks, l-email jew bi kwalunkwe midja oħra adatta għall-bejgħ mill-bogħod.

Storja bħala eżempju

Margus mar f'ħanut tal-għamara tal-kċejjen u abbona f'newsletter dwar promozzjonijiet ġodda.

Imbagħad beda jirċievi reklami minn magażinijiet dwar it-tisjir, ix-xogħol tal-ġnien, l-ipparaxutjar, ix-xogħol tad-dar... Għalkemm hu ma kien qatt talab li jitpoġġa fuq lista ta' indirizzi, kultant kien jirċievi kważi 10 emails f'ġurnata waħda! It-talbiet ta' Margus biex jitneħħa mil-lista ta' indirizzi kienu injorati.

Ħabiba tat parir lil Margus biex jikkuntattja ċ-ċentru nazzjonali tal-konsumaturi, billi dawn kienu għenuha ssolvi problema simili fil-passat. Wara l-azzjoni taċ-ċentru, il-kumpanija neħħiet lil Margus mil-lista tagħha.

Protezzjoni ta' konsumaturi vulnerabbli

Il-bejjiegħa ma jistgħux jużaw prattiki li jisfruttaw konsumaturi vulnerabbli, bħat-tfal u l-persuni li jbatu minn mard jew vizzji. Pereżempju, mhux legali li ssir pressjoni fuq it-tfal biex jixtru prodott jew li jintużaw tattiki li jagħtuhom "is-setgħa li jiffittaw" biex jakkwistawhom billi jipperswadu l-ġenituri tagħhom biex jixtruhulhom.

Tista' tiltaqa' ma' prattiki li mhumiex fuq il-lista ta' prattiki suspettużi jew li ma jaqgħux taħt il-kriterji ta' hawn fuq, iżda li int tqis inġusti. Ikkonsulta l-assoċjazzjoni nazzjonali tal-konsumaturi jew in-netwerk taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturiбългарски (bg)czech (cs)dansk (da)Deutsch (de)eesti (et)ελληνικά (el)English (en)español (es)Français (fr)Gaeilge (ga)italiano (it)latviešu (lv)lietuvių (lt)magyar (hu)Nederlands (nl)polski (pl)português (pt)română (ro)slovenčina (sk)slovenščina (sl)suomi (fi)svenska (sv) biex tingħata parir.

Għajnuna u pariri

Għajnuna u pariri

Ma sibtx dak li kont qed tfittex? Għandek problema xi ssolvi?

Footnote

F'dan il-każ, 27 stat membru tal-UE + l-Islanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja

Retour au texte en cours.