Prodotti tal-assigurazzjoni

Il-kumpaniji tal-assigurazzjoni jistgħu jbigħu l-prodotti tagħhom kullimkien fl-UE – jew billi jistabbilixxu ruħhom f'pajjiżi oħrajn, jew billi jipprovdu s-servizzi tagħhom direttament bejn il-fruntieri, pereżempju permezz tas-sti web tagħhom, jew permezz ta' intermedjarji.

Għaldaqstant tista' tqabbel il-prezzijiet fis-suq Ewropew għall-aħjar offerti fuq prodotti tal-assigurazzjoni (pereżempju, assigurazzjoni tal-ħajja, assigurazzjoni tad-dar, u assigurazzjoni tal-karozza).

Twissija

Dan jikkonċerna biss l-assigurazzjoni u fondi tal-pensjoni tax-xogħol privati mhux is-sigurtà soċjali u d-drittjiet tal-pensjoni statutorja li huma marbuta mal-karriera tiegħek.

Il-prodotti tal-assigurazzjoni jistgħu jinbiegħu jew minn kumpaniji tal-assigurazzjoni direttament (spiss permezz ta' siti web), permezz ta' intermedjarji tal-assigurazzjoni (sensara, aġenti) jew minn negozji bħal-linji tal-ajru, l-aġenziji tal-ivvjaġġar, l-ottiċi jew il-bejjiegħa ta' tagħmir elettroniku. Il-bejjiegħa ta' prodotti tal-assigurazzjoni jridu jagħtuk ċertu informazzjoni essenjali dwarhom infushom u dwar il-prodott tal-assigurazzjoni qabel ma tiffirma kuntratt.

Informazzjoni importanti biex tkun tista' tifhem x'qed tixtri

Qabel ma tiffirma prodott tal-assigurazzjoni, għandek tirċievi dokument ta' informazzjoni standardizzat, magħruf bħala d-"Dokument ta' Informazzjoni dwar il-Prodotti tal-Assigurazzjoni". Dan id-dokument jgħinek tifhem x'qed tixtri u jippermettilek tqabbel l-offerti għal prodotti simili ta' assigurazzjoni minn assiguraturi oħrajn.

Twissija

Dawn ir-regoli ma japplikawx għal prodotti ta' assigurazzjoni tal-ħajja.

Id-dokument li tirċievi għandu jkun qasir (mhux aktar minn żewġ faċċati ta' karta A4), miktub b'mod ċar u jispjega dan li ġej:

  • l-isem tal-prodott tal-assigurazzjoni u l-kumpanija tal-assigurazzjoni li tipprovdih
  • it-tip ta' assigurazzjoni
  • x'qed jiġi assigurat
  • x'mhuwiex assigurat
  • kwalunkwe restrizzjoni f'termini ta' kopertura
  • l-obbligi tiegħek
  • meta u kif trid tħallas
  • meta tibda u tispiċċa l-kopertura
  • kif tista' tikkanċella l-kuntratt

Qabel ma tiffirma kuntratt il-persuna jew il-kumpanija li qed tbigħlek il-prodott tal-assigurazzjoni għandha tgħidlek ukoll jekk hix qed taġixxi bħala aġent jew sensar u dwar ir-rabtiet tagħha mal-kumpanija tal-assigurazzjoni li tipprovdi l-prodott. Pereżempju, trid tgħidlek jekk tirċevix kummissjoni mill-kumpanija tal-assigurazzjoni biex tbigħlek il-prodotti tagħha.

Ix-xiri ta' oġġetti jew servizzi flimkien ma' prodott tal-assigurazzjoni

Meta tiġi offrut prodott tal-assigurazzjoni mhux tal-ħajja flimkien ma' prodott jew servizz ieħor – bħal assigurazzjoni tal-karozza mal-karozza l-ġdida tiegħek, jew assigurazzjoni għal dannu aċċidentali mal-laptop il-ġdid tieħek – inti dejjem għandek id-dritt li tixtri l-prodott jew is-servizz mingħajr il-polza tal-assigurazzjoni.

Storja bħala eżempju

Inti ma tistax tkun obbligat li tagħmel assigurazzjoni man-negozjant fejn tagħmel l-akkwist tiegħek

Carole, minn Franza, inkisrilha n-nuċċali, għalhekk marret tixtri nuċċali ġdid mingħand l-ottiku lokali tagħha. Wara li għażlet in-nuċċali l-ġdid tagħha, l-ottiku ssuġġerielha tixtri kopertura ta' dannu aċċidentali f'każ li jerġa' jinkisrilha. Huwa spjega li l-kopertura tkopri l-ispejjeż u taha fuljett bl-informazzjoni, biex tkun tista' taħsibha d-dar sakemm tistenna li jlestilha n-nuċċali.

Id-dar, Carole ċċekkjat poloz tal-assigurazzjoni simili ma' kumpaniji oħrajn online u sabet waħda li toffri l-istess kopertura bi prezz irħas. Meta ġimgħa wara marret tiġbor in-nuċċali l-ġdid tagħha, hija għażlet li ma tiħux il-polza tal-assigurazzjoni offruta mill-ottiku. Minflok hija ffirmat għall-polza li kienet sabet online bi prezz irħas.

Leġiżlazzjoni tal-UE

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

L-aħħar verifika: 11/02/2022
Ikkondividi din il-paġna