Mogħdija tan-navigazzjoni

Studenti

Aġġornat : 12/2011

Drittijiet, kondizzjonijiet u formalitajiet

Meta tgħix sa 3 xhur barra pajjiżek

Bħala ċittadin tal-UE, għandek id-dritt li tistudja f'pajjiż ieħor tal-UE. Jekk tgħix hemm għal anqas minn 3 xhur, kull ma teħtieġ hi karta tal-identità jew passaport.

F'ħafna pajjiżi tal-UE, ikun jeħtieġlek iġġor il-ħin kollu fuqek il-karta tal-identità nazzjonali jew il-passaport. 

F'dawn il-pajjiżi, tista' tkun immultat jew arrestat temporanjament jekk tħalli dawn id-dokumenti tal-identità tiegħek id-dar - iżda ma tistax titkeċċa minħabba f'hekk.

Irrapporta l-preżenza tiegħek

Ċerti pajjiżi tal-UE jitolbu minnek li tirrapporta l-preżenza tiegħek fi żmien raġonevoli wara li tasal u jistgħu jimponu penali, bħal multa, jekk ma tagħmilx dan.

Qabel ma tmur f'pajjiż ieħor, jekk jogħġbok iċċekkja kemm għandek żmien biex tagħmel dan u x'inhuma l-kundizzjonijiet rilevanti biex tirrapporta l-preżenza tiegħek hemm mal-awtoritajiet nazzjonali.

Kull ma teħtieġ hi l-karta tal-identità jew il-passaport. Ma jeħtiġlek tagħmel ebda ħlas.

Jekk qed toqgħod f'lukanda, normalment ikun biżżejjed li timla formola għal tal-apposta - il-lukanda tieħu ħsieb tal-kumplament.

F'ċerti pajjiżi tal-UE, meta tonqsos li tirrapporta l-preżenza tiegħek tista' teħel multa, iżda ma tistax titkeċċa minħabba f'hekk.

Trattament ugwali

Meta tkun hemm, għandek tkun ittrattat daqs ċittadin tal-pajjiż, speċjalment f'dak li jirrigwarda l-aċċess għall-impjieg, paga, benefiċċji li jagħmluha faċli li tingħata x-xogħol, reġistrazzjoni fl-iskejjel eċċ.

Anke jekk tkun hemm bħala turist, ma għandekx, pereżempju, tħallas aktar flus biex tagħmel żjara f'mużewijiet jew meta tixtri biljetti tat-trasport, eċċ.

Eċċezzjoni: Xi pajjiżi tal-UE jistgħu jiddeċiedu li ma jagħtux la lilek u l-anqas lil familtek għajnuna finanzjarja matul l-ewwel 3 xhur li tkun f'dak il-pajjiż jew għoti ta' flus ta' manteniment għall-istudji qabel ma tikkwalifika għal residenza permanenti.

Tkeċċija

Il-pajjiż il-ġdid tiegħek jista', f'każijiet eċċezzjonali, jiddeċiedi li jkeċċik għal raġunijiet ta' politika pubblika, ta' sigurtà pubblika jew ta' saħħa pubblika - iżda dan jista' jsir biss jekk ikun ippruvat li int ta' theddida serja.

Id-deċiżjoni ta' tkeċċija għanda tingħatalek bil-miktub. Din għandha tiddikjara r-raġunijiet kollha u tispeċifika kif int tista' tappella u kemm għandek żmien biex tagħmel dan.

Meta tgħix barra pajjiżek għal aktar minn 3 xhur

Għandek dritt tgħix f'kull pajjiż tal-UE għat-tul ta' żmien kollu li jieħdu l-istudji tiegħek jekk:

  • int reġistrat fi stabbiliment approvat ta' edukazzjoni
  • għandek dħul ta' flus suffiċjenti   (minn kull sors) biex tgħix mingħajr ma jkun jeħtieġlek għajnuna finanzjarja
  • għandek fih polza ta' assigurazzjoni fuq is-saħħa komprensiva.

L-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħux jitolbu li d-dħul ta' flusek ikun aktar mil-livell li jikkwalifikak għal għajnuna finanzjajra bażika.

Titlef id-dritt tiegħek li toqgħod fil-pajjiż jekk tispiċċa l-istudji tiegħek u ma jkollox prova li qed taħdem jew li għad għandek mezzi suffiċjenti biex tfendi għal rasek.

Reġistrazzjoni

Matul l-ewwel 3 xhur li tkun toqgħod fil-pajjiż il-ġdid tiegħek, ma tistax tintalab biex tirreġistra (ħalli takkwista dokument li jikkonferma d-dritt tiegħek ta' residenza) iżda tista' tagħmel dan jekk tixtieq.

Wara 3 xhur fil-pajjiż ġdid tiegħek, jista' jkun jeħtieġlek tirreġistra mal-awtorità rilevanti (ta' spiss l-uffiċċju muniċipali jew l-għassa tal-pulizija).

Biex takkwista ċertifikat ta' reġistrazzjoni, jeħtieġlek:

  • karta tal-identità jew passaport validu
  • prova ta' reġistrazzjoni fi stabbiliment approvat ta' edukazzjoni  
  • prova ta' assigurazzjoni komprensiva fuq is-saħħa
  • dikjarazzjoni li għandek risorsi suffiċjenti biex tfendi għal rasek (il-mezzi jistgħu jiġu mill-ġenituri tiegħek, martek/żewġek, eċċ.).

M'hemmx bżonn tipprovdi kwalunkwe dokument ieħor.

Meta tirreġistra, għandek tingħata ċertifikat ta' reġistrazzjoni. Dan iċ-ċertifikat jikkonferma d-dritt tiegħek li tgħix fil-pajjiż ġdid tiegħek; hu juri ismek u l-indirizz tiegħek u d-data tar-reġistrazzjoni.

Iċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni għandu jinħarġilhom immedjatament u ma jsirx ħlas għalih akar milli jħallsu ċ-ċittadini tal-pajjiż għal karti tal-identità.

Dan għandu jkun validu b'mod indefinittiv (ma għandux jiġġedded), għalkemm jista' jkun jeħtieġlek tirrapporta kull bdil fl-indirizz lill-awtoritajiet lokali.

Jekk ikollok tirreġistra, tista' tingħata multa talli ma tkunx għamilt dan iżda tista' tkompli tgħix fil-pajjiż u ma tistax titkeċċa minħabba f'hekk.

F'ħafna pajjiżi, se jkollok bżonn iġġorr fuqek iċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni u l-karta tal-identità tiegħek jew il-passaport il-ħin kollu. Jekk tħallihom id-dar, tista' tingħata multa iżda ma tistax titkeċċa minħabba f'hekk.

Storja bħala eżempju

Kun żgur li l-indirizz il-ġdid tiegħek jinsab imniżżel fiċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni tiegħek

Gabor hu student Ungeriż li rreġistra ma' università Finlandiża għal sena fil-programm ta' skambju ta' Erasmus. Iċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni li ngħata mill-awtoritajiet Finlandiżi meta wasal ma kienx fih l-indirizz tiegħu. Minħabba f'hekk ma setax jiftaħ kont tal-bank, billi l-indirizz Finlandiż tiegħu ma kienx tniżżel fil-karta tal-identità (Ungeriża) tiegħu.

Wara li informa lilu nnifsu, Gabor kien kapaċi jipperswadi lill-awtoritajiet li dawn għandhom, mingħajr dewmien, joħorġulu ċertifikat li juri l-indirizz temporanju tiegħu fil-Finlandja.

Jekk tiltaqa' ma problemi biex tingħata ċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni tiegħek, tista' ċċempel lis-servizzi ta' għajnuna tagħna.

Trattament ugwali

Meta tkun hemm, għandek tkun ittrattat daqs ċittadin tal-pajjiż, speċjalment f'dak li jirrigwarda l-aċċess għall-impjieg, paga, benefiċċji li jagħmluha faċli li tingħata x-xogħol, reġistrazzjoni fl-iskejjel eċċ.

Eċċezzjoni: Xi pajjiżi tal-UE jistgħu jiddeċiedu li ma jagħtux lill-istudenti għoti ta' flus bħala manteniment għall-istudji qabel ma huma jikkwalifikaw għal residenza permanenti.

Talba biex titlaq / tkeċċija

Tista' tgħix fil-pajjiż l-ieħor tal-UE sakemm tkompli tissodisfa l-kundizzjonijiet għal residenza. Jekk ma tagħmilx dan aktar, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jeħtiġulek titlaq.

             F'każijiet eċċezzjonali, il-pajjiż il-ġdid tiegħek jista' jiddeċiedi li jkeċċik għal raġunijiet ta' politika jew ta' sigurtà pubblika, jekk ikun ippruvat li int ta' theddida serja ħafna.

Id-deċiżjoni ta' tkeċċija jew it-talba biex tħalli l-pajjiż għanda tingħatalek bil-miktub. Din għandha tiddikjara r-raġunijiet kollha u tispeċifika kif int tista' tappella u kemm għandek żmien biex tagħmel dan.

Residenza permanenti

Jekk tkun għext kif titlob il-liġi f'pajjiż ieħor tal-UE għal 5 snin kontinwi - bħala student - int awtomatikament takkwista fih id-dritt ta' residenza permanenti. Dan ifisser li tista' ddum tgħix fil-pajjiż kemm trid.

Il-kontinwità ta' residenza tiegħek mhix affettwata minn:

  • assenzi temporanji (ta' anqas minn 6 xhur fis-sena)
  • assenzi itwal għal servizz militari obbligatorju
  • assenza waħda ta' 12-il xahar konsekuttiv, għal raġunijiet importanti bħal tqala jew twellid ta' tarbija, mard serju, xogħol, taħriġ vokazzjonali jew ibgħit fuq xogħol f'pajjiż ieħor.

Tista' titlef id-dritt tiegħek għal residenza permanenti jekk tgħix barra l-pajjiż għal aktar minn sentejn konsekuttivi .

Dokument ta' resisdenza permanenti

Dan hu differenti miċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni li hu obbligatorju f'xi pajjiżi. Id-dokument ta' residenza permanenti mhux obbligatorju. Hu jikkonferma d-dritt tiegħek li tgħix fil-pajjiż fejn attwalment tkun qed tgħix b'mod permanenti, mingħajr kundizzjonijiet oħra.

Dan ifisser li l-awtoritajiet ma jkunx jeħtiġilhom aktar li tipprova li għandek impjieg, mezzi suffiċjenti, assigurazzjoni fuq il-ħajja, u l-bqija. Id-dokument ta' residenza permanenti jista' jkun utli meta tiġi bżonn l-awtoritajiet jew għal formalitajiet amministrattivi.

Jekk titlob lill-awtoritajiet għal dokument ta' residenza permanenti, dawn għandhom joħorġuhulek malajr kemm jista' jkun u  ma għandekx tħallas aktar milli jħallsu ċ-ċittadin tal-pajjiż għal karti tal-identità. Jekk ma jagħmlux dan, tista' ċċemplel lis-servizzi ta' għajnuna tagħna.

Id-dokument għandu jkun validu b'mod indefinit u ma għandux għalfejn jerġa' jiġġedded.

Biex takkwista wieħed, trid tagħti prova li ilek tgħix fil-pajjiż għal 5 snin - pereżempju ċertifikat ta' reġistrazzjoni validu li jkun inħariġlek meta wasalt

Trattament ugwali

Meta tkun qed tgħix bħala residenti permanenti, int għandek tgawdi mill-istess drittijiet, benefiċċji u vantaġġi bħaċ-ċittadini tal-pajjiż, bl-istess kundizzjonijiet.

Tkeċċija

F'każijiet eċċezzjonali, il-pajjiż fejn tkun qed tgħix jista' jiddeċiedi li jkeċċik għal raġunijiet ta' politika jew ta' sigurtà pubblika, jekk ikun ippruvat li int ta' theddida serja ħafna.

Id-deċiżjoni ta' tkeċċija għanda tingħatalek bil-miktub. Din għandha tiddikjara r-raġunijiet kollha u tispeċifika kif int tista' tappella u kemm għandek żmien biex tagħmel dan.

Għad għandek bżonn l-għajnuna?

Footnote

jew ċittadin tal-Islanda, il-Liechtenstein jew in-Norveġja

Retour au texte en cours.

F'dan il-każ, is-27 stat membru tal-UE + l-Islanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja

Retour au texte en cours.

F'dan il-każ, is-27 stat membru tal-UE + l-Islanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja

Retour au texte en cours.