Mogħdija tan-navigazzjoni

Aġġornat : 13/09/2016

living-abroad

Persuni li qed ifittxu xogħol - drittijiet ta' residenza

Bħala ċittadin tal-UE għandek id-dritt li tmur taħdem f' pajjiż ieħor tal-UE.

Jekk kont qed taħdem f' pajjiż ieħor tal-UE u tlift xogħlok, jew jekk taħdem għal rasek u x-xogħol naqaslek, taħt ċerti kundizzjonijiet tista' żżomm id-dritt tiegħek li tgħix hemmhekk.

Mort tgħix f'pajjiż ieħor u qed tfittex impjieg

Bħala ċittadin tal-UE għandek id-dritt li tmur tfittex ix-xogħol f' pajjiż ieħor tal-UE.

L-ewwel 6 xhur

Żomm il-karta tal-identità nazzjonali (ID) jew il-passaport tiegħek dejjem fuqek

Jekk qed tfittex xogħol f' pajjiż ieħor tal-UE għal perjodu inqas minn 6 xhur, ikollok bżonn karta tal-identità nazzjonali jew passaport validi.

F'ħafna pajjiżi tal-UE, ikun jeħtieġlek iżżomm fuqek il-karta tal-identità jew il-passaport f'kull ħin.

F'dawn il-pajjiżi, tista' tingħatha ċitazzjoni jew tiġi detenut temporanjament jekk tħalli d-dokumenti ta' identifikazzjoni tiegħek id-dar - iżda ma jistgħux iġegħluk tmur lura f'pajjiżek għal din ir-raġuni biss.

Iċċekkja jekk għandekx bżonn iġġorr il-karta tal-identità jew il-passaport il-ħin kollu fil-pajjiż li qed jospitak:

Irrapporta l-preżenza tiegħek

Bħala persuna li qed tfittex xogħol, m'għandekx bżonn tirreġistra bħala resident għall-ewwel 6 xhur.

Iżda xi pajjiżi jeħtiġulek tirrapporta l-preżenza tiegħek għand l-awtoritajiet relevanti fi żmien raġjonevoli wara li tasal: ta' spiss l-uffiċċju muniċipali jew l-għassa tal-pulizija lokali.

Skopri aktar dwar kif għandek tirrapporta l-preżenza tiegħek .

Irreġistra mas-servizzi tal-impjieg

Jekk qed tirċievi l-benefiċċji tal-qgħad minn pajjiżek, trid tirreġistra mas- servizz tal-impjieg fil-pajjiż il-ġdid tiegħek. Int u familtek xorta tkunu koperti mis-sistema tas-sigurtà soċjali f'pajjiżkom - eż. għall-ispejjeż tal-kura tas-saħħa.

Anke jekk ma tirċevix benefiċċji tal-qgħad minn pajjiżek, jaf xorta tkun kopert mis-sistema tas-sigurtà soċjali tiegħu: ikkuntattja l-awtoritajiet ta' pajjiżek

Sakemm l-assigurazzjoni tas-saħħa ta' pajjiżek tkoprik waqt li qed tgħix f'pajjiż ieħor, il-proċeduri amministrattivi jistgħu jkunu aktar sempliċi jekk ikollok Karta tal-Assikurazzjoni tas-Saħħa tal-Unjoni Ewropea (EHIC) valida.

Storja bħala eżempju

Marta hi Portugiża u marret tgħix Spanja erba' xhur ilu biex tipprova tfittex xogħol hemmhekk. Bħalissa qed tgħix għand ħabiba tagħha. Il-pulizija Spanjola talbuha tirreġistra r-residenza fil-muniċipju, u biex tipprova li għandha biżżejjed mezzi biex issostni ruħha fi Spanja.

Bħala persuna li qed tfittex xogħol, Marta hi intitolata toqgħod fi Spanja għal tal-anqas 6 xhur mingħajr il-bżonn li tirreġistra r-residenza tagħha hemmhekk. Trid tipprova biss li hi qed tfittex xogħol attivament. L-awtoritajiet Spanjoli ma jistgħux jitolbuha turi li tista' ssostni lilha nnifisha finanzjarjament.

Għadek qed tfittex xogħol wara li jgħaddu 6 xhur

Evalwazzjoni tad-dritt tiegħek li toqgħod hemm

Jekk ma sibtx xogħol matul l-ewwel 6 xhur, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jevalwaw id-dritt tiegħek li toqgħod hemm.

Għal dan, ikollhom bżonn evidenza li:

  • qed tfittex xogħol attivament u
  • għandek ċans tajjeb li ssib xogħol.

Dejjem żomm kopji tal-applikazzjonijiet li tibgħat, it-tweġibiet mill-impjegaturi potenzjali, l-istediniet għall-intervisti, eċċ.

Ma għandekx għalfejn tirreġistra mas-servizzi tal-impjieg fil-pajjiż il-ġdid tiegħek jekk qed tirċievi l-benefiċċji tal-qgħad minn pajjiżek. Iżda jekk tirreġistra, għandu jgħinek turi li qed tfittex xogħol attivament.

Talba biex titlaq, deportazzjoni

Il-pajjiż li qed jospitak jista' wkoll jitolbok titlaq jekk ma tistax tipprova li għandek ċans realistiku li ssib xogħol hemmhekk.

F'każijiet eċċezzjonali, il-pajjiż li qed jospitak jista' jiddeportak għal raġunijiet ta' politika pubblika jew ta' sigurtà pubblika, jekk jirnexxilu juri li int ta' theddida serja.

Id-deċiżjoni ta' deportazzjoni jew it-talba biex titlaq għandha tingħatalek bil-miktub. Għandha tiddikjara r-raġunijiet kollha għad-deportazzjoni u tispeċifika kif tista' tappella u sa meta.

Trattament ugwali

Bħala persuna li qed tfittex xogħol, int intitolat li tiġi trattat bl-istess mod bħaċ-ċittadini tal-pajjiż li qed jospitak fir-rigward ta':

  • aċċess għax-xogħol
  • appoġġ mis-servizzi tal-impjieg biex issib xogħol

Jista' jkun li l-pajjiż li qed jospitak jistenna sakemm inti tistabbilixxi rabta ġenwina mas-suq tax-xogħol lokali qabel ma jagħtik xi tip ta' appoġġ finanzjarju biex jgħinek issib xogħol - bħal self b'interess baxx għall-persuni bla xogħol biex isegwu taħriġ. Li tkun fil-pajjiż u tkun qed tfittex xogħol għal perjodu raġonevoli ta' żmien jista' jitqies bħala rabta ġenwina.

Madankollu, matul iż-żjara tiegħek bħala persuna li qed tfittex xogħol, m'għandekx id-dritt għal benefiċċji soċjali mhux kontributorji.

 

Tlift xogħli f'pajjiż barrani u nixtieq nibqa' hemmhekk

Jekk kont qed taħdem f' pajjiż ieħor tal-UE u tlift xogħlok, jew jekk taħdem għal rasek u x-xogħol naqaslek, taħt ċerti kundizzjonijiet tista' żżomm id-dritt tiegħek li tgħix hemmhekk.

Kemm tista' ddum jiddependi minn kemm tkun ilek taħdem fil-pajjiż il-ġdid tiegħek u mit-tip ta' kuntratt li kellek qabel tlift xogħlok.

Jekk għal żmien temporanju ma tistax taħdem minħabba mard jew aċċident, tista' toqgħod hemm sakemm dik il-kundizzjoni ma tħallikx taħdem.

Jekk ħdimt għal inqas minn sena

Jekk kellek kuntratt permanenti jew kuntratt b'terminu fiss għal inqas minn sena u tlift xogħlok qabel it-tmiem tal-perjodu ta' sena, għandek dritt tibqa' fil-pajjiż li qed jospitak għal tal-anqas 6 xhur oħra, sakemm tkun qed tfittex xogħol.

Il-perjodu ta' 6 xhur jibda mill-mument li jispiċċa l-kuntratt.

Ikollok tirreġistra mas-servizz pubbliku tal-impjieg bħala persuna mingħajr xogħol b'mod involontarju u li qed tfttex xogħol.

Storja bħala eżempju

Sabrina hi Ġermaniża li marret il-Greċja biex taħdem f'lukanda żgħira. Kellha kuntratt ta' 9 xhur iżda l-impjegatur tagħha ddeċieda li jwaqqaf il-kuntratt tagħha wara l-ewwel 4 xhur. Wara li rreġistrat bħala persuna mingħajr xogħol b'mod involontarju mas-servizzi tax-xogħol Griegi, setgħet toqgħod hemm għal 6 xhur oħra waqt li bdiet tfittex xogħol ġdid.

Jekk ħdimt għal aktar minn sena

Jekk titlef xogħlok wara li tkun ħdimt għal aktar minn sena fil-pajjiż li qed jospitak, għandek dritt tibqa' tgħix hemmhekk, sakemm tirreġistra bħala persuna li qed tfittex xogħol u tkompli tissodisfa l-kundizzjonijiet biex titqies bħala persuna li qed tfittex xogħol.

Biex iżżomm id-dritt li tgħix fil-pajjiż li qed jospitak meta titlef xogħlok jew m'intix professjonalment attiv (jekk taħdem għal rasek), għandek tirreġistra bħala persuna li qed tfittex xogħol mas-servizz tax-xogħol fil-pajjiż li qed jospitak.

Tista' toqgħod hemm sakemm int irreġistrat bħala persuna li qed tfittex xogħol mas-servizz pubbliku tax-xogħol u tkompli tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa biex titqies bħala persuna li qed tfittex xogħol.

Jekk tattendi taħriġ vokazzjonali

Jekk int tispiċċa persuna mingħajr xogħol b'mod involontarju u tibda taħriġ vokazzjonali, għandek id-dritt li toqgħod fil-pajjiż il-ġdid tiegħek tul iż-żmien kollu tat-taħriġ tiegħek.

Jekk int spiċċajt persuna mingħajr xogħol b'mod volontarju, għandek id-dritt li toqgħod fil-pajjiż li qed jospitak tul iż-żmien kollu tat-taħriġ tiegħek, imma biss jekk it-taħriġ ikun relatat max-xogħol li kellek.

Jekk ma jkunx relatat, tista' toqgħod fil-pajjiż il-ġdid tiegħek taħt l-istess kundizzjonijiet bħall-istudenti.

Ara d-drittijiet u l-kundizzjonijiet għall-istudenti.

Biex iżżomm id-dritt tiegħek li tibqa' fil-pajjiż il-ġdid tiegħek għat-tul ta' żmien kollu tat-taħriġ vokazzjonali tiegħek, trid tirreġistra mal-awtoritajiet tal-pajjiż li qed jospitak bħala persuna li qed tfittex xogħol. Dan japplika wkoll jekk int persuna mingħajr xogħol b'mod involontarju.

Trattament ugwali

Matul iż-żmien li għandek il-permess toqgħod fil-pajjiż li jospitak wara li titlef xogħlok, għandek tkompli tgawdi mill-istess drittijiet bħaċ-ċittadini ta' dak il-pajjiż: benefiċċji soċjali, aċċess għax-xogħol, benefiċċji biex jiġi faċilitat l-aċċess għax-xogħol, eċċ.

Deportazzjoni

F'każijiet eċċezzjonali, il-pajjiż li qed jospitak jista' jiddeportak għal raġunijiet ta' politika pubblika jew ta' sigurtà pubblika - iżda biss jekk ikun jista' juri li int ta' theddida serja.

Id-deċiżjoni ta' deportazzjoni għandha tingħatalek bil-miktub. Għandha tiddikjara r-raġunijiet kollha għad-deportazzjoni u tispeċifika kif tista' tappella u sa meta.

Konsultazzjonijiet pubbliċi
Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?
Sib għajnuna u pariri

F'dan il-każ, it-28 stat membru tal-UE + l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja

Retour au texte en cours.

F'dan il-każ, it-28 stat membru tal-UE + l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja

Retour au texte en cours.

F'dan il-każ, it-28 stat membru tal-UE + l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja

Retour au texte en cours.

F'dan il-każ, it-28 stat membru tal-UE + l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja

Retour au texte en cours.

F'dan il-każ, it-28 stat membru tal-UE + l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja

Retour au texte en cours.