Mogħdija tan-navigazzjoni

Aqsam fuq 
	Aqsam fuq Facebook
  
	Aqsam fuq Twiter
  
	Ixxerja fuq Google+
  
	Aqsam fuq linkedIn

Dawk li qed ifittxu x-xogħol

Aġġornat : 23/06/2014

living-abroad

Drittijiet ta' residenza għal dawk li qed ifittxu xogħol f'pajjiż barrani

Mort tgħix f'pajjiż barrani u qed tfittex l-ewwel xogħol mill-wasla tiegħek.

Bħala ċittadin tal-UE għandek id-dritt li tmur taħdem f'pajjiż ieħor tal-UE.

L-ewwel 6 xhur

Jekk tfittex xogħol f'pajjiż ieħor tal-UE għal inqas minn 6 xhur, ikollok bżonn karta tal-identità jew passaport validi.

Bħala persuna li qed tfittex xogħol, m'għandekx bżonn tirreġistra bħala resident għall-ewwel 6 xhur. Iżda xi pajjiżi tal-UE jirrikjedu li tirrapporta l-preżenza tiegħek mal-awtoritajiet rilevanti (normalment fil-muniċipju jew fl-istazzjoni tal-pulizija lokali) f'perjodu raġonevoli ta' żmien wara l-wasla tiegħek.

F'ħafna pajjiżi tal-UE, ikun jeħtieġlek iġġor fuqek dokument tal-identità (il-karta tal-identità nazzjonali jew il-passaport).

Tista' tkun immultat jew arrestat temporanjament jekk tħalli dawn id-dokumenti d-dar - iżda ma tistax titkeċċa minħabba f'hekk.

Iċċekkja jekk hemmx kwalunkwe obbligu li ġġorr fuqek ID  jew passaport il-ħin kollu fil-pajjiż ospitanti:

Jekk qed tirċievi l-benefiċċji tal-qgħad minn pajjiżek, trid tirreġistra mas-servizz tax-xogħol fil-pajjiż il-ġdid tiegħek. Int u familtek xorta tkunu koperti mis-sistema tas-sigurtà soċjali f'pajjiżkom - eż. għall-ispejjeż tal-kura tas-saħħa.

Anke jekk ma tirċevix il-benefiċċji tal-qgħad minn pajjiżek, jaf xorta tkun kopert mis-sistema tas-sigurtà soċjali tiegħu: iċċekkja mal-awtoritajiet lokali qabel ma titlaq. Għalkemm l-assigurazzjoni fuq is-saħħa ta' pajjiżek tkoprik waqt li tkun qed tgħix f'pajjiż barrani, il-proċeduri amministrattivi jistgħu jkunu aktar sempliċi jekk ikollok Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa (EHIC) valida.

Storja bħala eżempju

M'għandekx tintalab tirreġistra r-residenza tiegħek fl-ewwel 6 xhur meta tkun qed tfittex xogħol f'pajjiż barrani.

Marta hi Portugiża u marret tgħix Spanja erba' xhur ilu biex tipprova tfittex xogħol hemmhekk. Bħalissa, qed tgħix għand ħabiba tagħha. Il-pulizija Spanjola talbuha tirreġistra r-residenza fil-muniċipju, u biex tipprova li għandha biżżejjed mezzi biex issostni ruħha fi Spanja.

Fil-fatt, bħala persuna li qed tfittex xogħol, Marta hi intitolata toqgħod fi Spanja għal tal-anqas 6 xhur mingħajr il-bżonn li tirreġistra r-residenza tagħha hemmhekk. Trid tipprova biss li hi qed tfittex xogħol attivament. L-awtoritajiet Spanjoli ma jistgħux jitolbuha turi li tista' ssostni lilha nnifisha finanzjarjament.

Għadek qed tfittex xogħol wara li jgħaddu 6 xhur

Evalwazzjoni tad-dritt tiegħek li toqgħod hemm

Jekk ma sibtx xogħol matul l-ewwel 6 xhur, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jevalwaw id-dritt tiegħek li toqgħod hemm.

Għal dan, ikollhom bżonn evidenza li:

  • qed tfittex xogħol attivament u
  • għandek ċans tajjeb li ssib xogħol.

Dejjem żomm kopji tal-applikazzjonijiet li tibgħat, it-tweġibiet mill-impjegaturi potenzjali, l-istediniet għall-intervisti, eċċ.

M'intix rikjest tirreġistra mas-servizzi tax-xogħol fil-pajjiż il-ġdid tiegħek (sakemm m'intix qed tesporta l-benefiċċji għall-qgħad minn pajjiek) iżda jekk tagħmel dan, jgħinek turi li qed tfittex xogħol attivament.

Talba biex titlaq / Tkeċċija

F'każijiet eċċezzjonali, il-pajjiż il-ġdid tiegħek jista' jiddeċiedi li jkeċċik għal raġunijiet ta' politika jew ta' sigurtà pubblika, jekk ikun ippruvat li int ta' theddida serja ħafna.

Id-deċiżjonijiet ta' tkeċċija għandhom jingħataw bil-miktub. Għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet u jispeċifikaw kif tista' tappella u kemm għandek żmien biex tagħmel dan.

Trattament ugwali

Bħala persuna li qed tfittex xogħol, int intitolat li tiġi trattat bl-istess mod bħaċ-ċittadini tal-pajjiż il-ġdid tiegħek fir-rigward ta':

  • aċċess għax-xogħol
  • appoġġ mis-servizzi tax-xogħol biex jgħinuk issib xogħol

Jista' jkun li l-pajjiż il-ġdid tiegħek jistenna sakemm inti tistabbilixxi rabta ġenwina mas-suq tax-xogħol lokali qabel ma jagħtik xi tip ta' appoġġ finanzjarju biex jgħinek issib xogħol — bħal self b'interess baxx għall-persuni bla xogħol biex isegwu taħriġ. Li tkun fil-pajjiż u tkun qed tfittex xogħol għal perjodu raġonevoli ta' żmien jista' jitqies bħala rabta ġenwina.

Madankollu, matul iż-żjara tiegħek bħala persuna li qed tfittex xogħol, m'għandekx id-dritt għal benefiċċji soċjali mhux kontributorji.

Tlift xogħli f'pajjiż barrani u nixtieq nibqa' hemmhekk.

Jekk kont qed taħdem f'pajjiż ieħor tal-UE u tlift xogħlok jew ix-xogħol naqaslek (jekk taħdem għal rasek), taħt ċerti kundizzjonijiet tista' żżomm id-dritt tiegħek li tgħix hemmhekk.

Kemm tista' ddum jiddependi minn kemm tkun ilek taħdem fil-pajjiż il-ġdid tiegħek u mit-tip ta' kuntratt li kellek qabel tlift xogħlok.

Jekk għal żmien temporanju ma tistax taħdem minħabba mard jew aċċident, tista' toqgħod hemm kemm trid sakemm tkun f'dik is-sitwazzjoni.

Jekk ħdimt inqas minn sena

Jekk kellek kuntratt permanenti jew kuntratt b'terminu fiss għal inqas minn sena u tlift xogħlok qabel it-tmiem tal-perjodu ta' sena, għandek id-dritt li tgħix hemm għal tal-anqas 6 xhur oħra, sakemm tkun qed tfittex xogħol. Il-perjodu ta' 6 xhur jibda mill-mument li jispiċċa l-kuntratt.

Għandek tirreġistra mas-servizzi tax-xogħol bħala persuna mingħajr xogħol b'mod involontarju u tfttex xogħol.

Storja bħala eżempju

Li titlef xogħlok fil-pajjiż il-ġdid tiegħek mhix raġuni biex titlaq

Sabrina hi Ġermaniża li marret il-Greċja biex taħdem f'lukanda żgħira. Kellha kuntratt ta' 9 xhur iżda l-impjegatur tagħha ddeċieda li jwaqqaf il-kuntratt tagħha wara l-ewwel 4 xhur. Wara li rreġistrat bħala persuna mingħajr xogħol b'mod involontarju mas-servizzi tax-xogħol Griegi, setgħet toqgħod hemm għal 6 xhur oħra waqt li bdiet tfittex xogħol ġdid.

Jekk ħdimt aktar minn sena

Jekk titlef xogħlok wara aktar minn sena taħdem fil-pajjiż il-ġdid tiegħek, għandek id-dritt li tibqa' tgħix hemmhekk, sakemm tirreġistra bħala persuna li qed tfittex xogħol u tkompli tissodisfa l-kundizzjonijiet biex titqies bħala persuna li qed tfittex xogħol.

Biex iżżomm id-dritt li tgħix fil-pajjiż li qed jospitak meta titlef xogħlok jew m'intix professjonalment attiv (jekk taħdem għal rasek), għandek tirreġistra mal-uffiċċju tax-xogħol bħala persuna li qed tfittex xogħol fil-pajjiż il-ġdid tiegħek.

Tista' toqgħod hemm sakemm int irreġistrat bħala persuna li qed tfittex xogħol mas-servizz tax-xogħol u tkompli tissodisfa l-kundizzjonijiet biex titqies bħala persuna li qed tfittex xogħol.

Jekk tagħmel taħriġ vokazzjonali

Jekk int persuna mingħajr xogħol b'mod involontarju u tibda taħriġ vokazzjonali, għandek id-dritt li toqgħod fil-pajjiż il-ġdid tiegħek tul iż-żmien kollu tat-taħriġ tiegħek.

Jekk int persuna mingħajr xogħol b'mod involontarju, għandek id-dritt li toqgħod fil-pajjiż il-ġdid tiegħek tul iż-żmien kollu tat-taħriġ tiegħek, sakemm dak it-taħriġ ikun relatat max-xogħol preċedenti tiegħek.

Jekk ma jkunx relatat, tista' toqgħod fil-pajjiż il-ġdid tiegħek taħt l-istess kundizzjonijiet bħall-istudenti.

Ara d-drittijiet u l-kundizzjonijiet għall-istudenti.

Biex iżżomm id-dritt tiegħek li tibqa' fil-pajjiż il-ġdid tiegħek għat-tul ta' żmien kollu tat-taħriġ vokazzjonali tiegħek, l-ewwel għandek tirreġistra mal-uffiċċju tax-xogħol fil-pajjiż il-ġdid tiegħek. Dan japplika wkoll jekk int persuna mingħajr xogħol b'mod involontarju.

Trattament ugwali

Matul iż-żmien li int permess toqgħod fil-pajjiż li jospitak wara li ħdimt hemmhekk imbagħad sirt persuna mingħajr xogħol b'mod involontarju (ara fuq), għandek tkompli tgawdi mill-istess drittijiet bħaċ-ċittadini ta' dak il-pajjiż (benefiċċji soċjali, aċċess għax-xogħol, benefiċċji biex jiġi faċilitat l-aċċess għax-xogħol, eċċ.)

Talba biex titlaq / Tkeċċija

Il-pajjiż ta' residenza l-ġdid tiegħek jista', f'każijiet eċċezzjonali, jiddeċiedi li jkeċċik għal raġunijiet ta' politika pubblika, ta' sigurtà pubblika jew ta' saħħa pubblika - iżda dan jista' jsir biss jekk ikun ippruvat li int ta' theddida serja.

Tista' wkoll tintalab titlaq jekk ma tistax tipprova li għandek ċans realistiku li ssib xogħol hemmhekk.

Id-deċiżjonijiet ta' tkeċċija jew it-talbiet biex tħalli l-pajjiż għandhom jingħataw bil-miktub. Għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet u jispeċifikaw kif tista' tappella u kemm għandek żmien biex tagħmel dan.

Għad għandek bżonn l-għajnuna?

Għad għandek bżonn l-għajnuna?

Ma sibtx dak li kont qed tfittex? Għandek problema xi ssolvi?

Ikseb parir dwar drittijietek fl-UE

Solvi l-problemi ma' awtorità pubblika

Footnote

F'dan il-każ it-28 stat membru tal-UE + l-Islanda, in-Norveġja u l-Liechtenstein

Retour au texte en cours.

F'dan il-każ it-28 stat membru tal-UE + l-Islanda, in-Norveġja u l-Liechtenstein

Retour au texte en cours.

F'dan il-każ it-28 stat membru tal-UE + l-Islanda, in-Norveġja u l-Liechtenstein

Retour au texte en cours.