Mogħdija tan-navigazzjoni

Aġġornat : 06/10/2014

living-abroad

Reġistrazzjoni ta' qrabatek li mhumiex mill-UE f’pajjiż ieħor tal-UE

Waqt l-ewwel 3 xhur fil-pajjiż li qed jospitak, qrabatek li mhumiex mill-UE ma jistgħux jiġu obbligati japplikaw għal karta ta' residenza li tikkonferma d-dritt tagħhom li jgħixu hemm - għalkemm f'ċerti pajjiżi għandhom mnejn ikunu meħtieġa jirrapportaw il-preżenza tagħhom malli jaslu.

Wara 3 xhur fil-pajjiż li jospitak, qrabatek li mhumiex mill-UE jridu jirreġistraw ir-residenza tagħhom mal-awtoritajiet relevanti (normalment fl-uffiċċju muniċipali jew l-għassa tal-pulizija lokali). 

Biex jiksbu karta ta' residenza, ikun jeħtiġilhom:

  • passaport validu
  • iċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni tiegħek bħala ċittadin tal-UE jew kwalunkwe prova oħra ta' residenza tiegħek fil-pajjiż
  • Evidenza ta' kif tiġu minn xulxin (pereżempju ċertifikat taż-żwieġ jew tat-twelid)
  • għal uliedek (jew in-neputijiet), il-prova li huma taħt il-21 sena jew li jiddependu fuqek
  • għal ġenituri tiegħek (jew in-nanniet), il-prova li jiddependu fuqek
  • għal membri oħra tal-familja, prova li huma jiddependu fuqek jew li hemm raġunijiet serji ta' saħħa li jeħtiġulek li tieħu ħsiebhom b'mod personali
  • għal koppji mhux miżżewġa, prova tar-relazzjoni fit-tul

Ma għandu għalfejn jintalab ebda dokument ieħor.

L-awtoritajiet għandhom jiddeċiedu għandhomx joħorġu jew le d-dokument ta' residenza fi żmien 6 xhur. Jekk dawn ma jagħmlux dan tista' ċċempel lis-servizzi ta' għajnuna tagħna. Fi kwalunkwe każ, qrabatek li mhumiex mill-UE ma jistgħux jitkeċċew jekk tiskadilhom il-visa waqt li l-applikazzjoni tagħhom tkun qed tiġi pproċessata.

Jekk l-applikazzjoni tagħhom tiġi miċħuda, l-awtoritajiet iridu jagħtuhom deċiżjoni bil-miktub, fejn jiddikjaraw ir-raġuni għad-deċiżjoni u l-implikazzjonijiet, u jispeċifikaw kif qrabatek jew il-partner tiegħek jistgħu jappellaw u sa meta.

Jekk l-applikazzjoni tiġi aċċettata, il-karta ta' residenza normalment tinħareġ b'xejn. Jekk jeħlu xi flus, dawn ma jistgħux ikunu aktar minn dawk mitluba miċ-ċittadini għal dokumenti simili, bħalma huma karti tal-identità.

Fuq id-dokument għandu jkun iddikjarat b'mod ċar li dan hu dokument ta' residenza ta' membru tal-familja ta' ċittadin mill-UE.

Id-dokument ta' residenza għandu jkun validu għal 5 snin (jew għat-tul ippjanant li biħsiebhom joqogħdu, jekk iqsar). Kwalunkwe tibdil fl-indirizz għandu mnejn irid jiġi rrappurtat lill-awtoritajiet.

Sib fejn u kif tirreġistra l-membri tal-familja tiegħek li mhux ġejjin mill-UE fil-pajjiż ospitanti tiegħek:

Agħżel il-pajjiż

Agħżel il-pajjiż

Drittijiet komuni fil-pajjiżi tal-UE


* Informazzjoni li għadha ma ġietx ipprovduta mill-awtoritajiet nazzjonali

F'ħafna pajjiżi, qrabatek ikun jeħtiġilhom jġorru fuqhom id-dokument ta' residenza u l-passaport tagħhom il-ħin kollu.  Jekk iħalluhom id-dar, jistgħu jingħataw multa jew jinżammu temporanjament arrestati iżda ma jistgħux jitkeċċew minħabba f'hekk biss.

Ara wkoll kif tirreġistra qrabatek mill-UE.

Għajnuna u pariri

Għajnuna u pariri

Ma sibtx dak li kont qed tfittex? Għandek problema xi ssolvi?