Meta tippjana kura medika f'pajjiż ieħor tal-UE, għandek tkun konxju li r-rimborż u l-proċeduri huma differenti skont jekk intix biħsiebek tirċievi l-kura fi sptar jew le:
Kura fi sptar: jeħtieġ tistaqsi lill-assiguratur tas-saħħa tiegħek għal awtorizzazzjoni minn qabel qabel ma tmur tirċievi kura fi sptar barra minn Malta. Jekk ma tagħmilx dan, l-assiguratur tiegħek jista' jirrifjuta li jirrimborżak.
Kura mhux fi sptar: għalkemm dejjem nagħtuk il-parir li l-ewwel tiddiskuti l-kura medika ppjanata barra minn Malta mal-assiguratur tas-saħħa tiegħek, meta tinsab f'pajjiż ieħor tal-UE tista' tirċievi kwalunkwe kura mhux fi sptar li int intitolata għaliha f'pajjiżek mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel. Ikollok tħallas l-ispejjeż inti istess, u mbagħad tagħmel talba għar-rimborż meta tasal lura f'pajjiżek, bl-istess termini pprovduti mis-sistema tal-kura tas-saħħa ta' pajjiżek. Jekk titlob u tingħata awtorizzazzjoni minn qabel, tkun kopert bi kwalunkwe rata li hi ogħla: dik tal-pajjiż fejn int assigurat, jew dik tal-pajjiż fejn tirċievi l-kura.
Staqsi lill-assiguratur tas-saħħa tiegħek għal awtorizzazzjoni minn qabel qabel ma tmur barra minn Malta għal kura ppjanata fi sptar.
L-assiguratur tas-saħħa tiegħek ma jistax jirrifjuta t-talba tiegħek għal awtorizzazzjoni minn qabel jekk il-kura speċifika li teħtieġ mhijiex disponibbli f'pajjiżek, iżda hi koperta mill-assiguratur tas-saħħa pubblika tiegħek, jew jekk ma tistax tirċieivi l-kura li teħtieġ bla dewmien żejjed f'pajjiżek, fid-dawl taċ-ċirkostanzi mediċi tal-każ tiegħek (bħal, ngħidu aħna, il-livell tal-uġigħ, jew l-inkapaċità li taħdem).
Ir-rimborż ta' kura fi sptar
Ladarba tiġi awtorizzat li tikseb kura fi sptar f'pajjiż ieħor tal-UE, għandek tiġi kkurat bl-istess termini - u bl-istess spejjeż - bħal persuna assigurata f'dak il-pajjiż:
fil-pajjiżi fejn il-kura tas-saħħa hija bla ħlas, għandek tirċievi kura bla ħlas.
f'pajjiżi fejn il-pazjent iħallas għall-kura u mbagħad jiġi rimborżat mill-assiguratur tas-saħħa tiegħu, ikollok tħallas l-ispejjeż. Għandek titlob ir-rimborż mill-awtoritajiet fil-pajjiż fejn tiġi kkurat, u tiġi rimborżat bl-istess rati bħar-residenti lokali (l-awtoritajiet tal-assigurazzjoni tas-saħħa fil-pajjiż fejn tiġi kkurat jikkuntattjaw lill-kontrapartijiet tagħhom f'pajjiżek biex jitolbu r-rimborż - biex l-assiguratur tas-saħħa tiegħek iħallas il-kura tiegħek, iżda m'għandekx tinkwieta fuq dan).
Jekk ir-rata tar-rimborż għall-kura li tirċievi barra minn Malta hi ogħla fil-pajjiż fejn int assigurat, int intotolat, fuq talba, għal rimborż addizzjonali mill-assiguratur tas-saħħa tiegħek biex tkopri d-differenza.
Ir-rimborż ta' kura mhux fi sptar
Għal kura tas-saħħa mhux fi sptar li ksibt mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel, tiġi rimborżat bir-rata applikata fil-pajjiż fejn int assigurat.
Storja bħala eżempju
Kris, li tgħix fil-pajjiż tal-UE A u li hi assigurata hemmhekk, marret fil-pajjiż tal-UE B għal kura ta' snienha. Organizzat il-kura u ż-żjara tagħha fil-pajjiż B ftit ġimgħat minn qabel. Ladarba waslet lura f'pajjiżha, issottomettiet il-kontijiet tad-dentist lill-assiguratur tas-saħħa tagħha, li rrifjuta li jirrimborżaha.
Jekk il-kura tas-snien ippjanata mhijiex kura fi sptar u nkisbet mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel, Kris għandha tiġi rimborżata bir-rata applikata fil-pajjiż A, bit-termini applikati hemmhekk.
Jekk il-kura tas-snien ippjanata ma kinitx kura fi sptar u nkisbet b'awtorizzazzjoni minn qabel, Kris għandha tiġi rimborżata jew fil-pajjiż A jew fil-pajjiż B, bir-rati li huma l-iktar vantaġġjużi għaliha, u għall-ispejjeż li ħallset.
Jekk Kris irċeviet kura fi sptar ippjanata, kellha titlob l-assiguratur tagħha għal awtorizzazzjoni minn qabel qabel telqet biex tiġi rimborżata. Kienet tkun tista' tiġi rimborżata bir-rati li huma l-iktar vantaġġjużi għaliha (jew fil-pajjiż A jew fil-pajjiż B), tal-ispejjeż kollha li nefqet. Peress li ma staqsietx għal awtorizzazzjoni minn qabel, m'hemm l-ebda garanzija li t-talba tagħha se tiġi aċċettata.