L-organizzazzjoni tal-kura medika ppjanata f'pajjiż ieħor

F’ċerti każijiet, għandek id-dritt li torganizza trattament mediku, bħal konsultazzjoni ma’ speċjalista, għal kirurġija jew trattament għal kundizzjoni speċifika, f’pajjiż ieħor tal-UE u tiġi rimborżat mill-istituzzjoni tal-assigurazzjoni tas-saħħa tiegħek.

Jeżistu żewġ modi kif tippjana t-trattament mediku f’pajjiż tal-UE ieħor:

Opzjoni 1 - b’formola S2

B’formola S2, l-istituzzjoni tal-assigurazzjoni tas-saħħa tiegħek tkopri l-ispejjeż tat-trattament f’pajjiż ieħor tal-UE direttament.
Jekk tagħżel din l-opzjoni, ikollok biss aċċess għall-kura tas-saħħa pubblika, u se jkollok bżonn dejjem tapplika għand l-istituzzjoni tal-assigurazzjoni tas-saħħa nazzjonali tiegħek għal awtorizzazzjoni minn qabel (il-formola S2) biex issiefer għat-trattament. L-assiguratur tas-saħħa tiegħek huwa obbligat jagħti awtorizzazzjoni minn qabel jekk it-trattament li qed tapplika għalih huwa inkluż fil-kopertura tal-assigurazzjoni tas-saħħa tiegħek, iżda ma jistax jiġi pprovdut lilek f’pajjiżek f’limitu ta’ żmien, li huwa medikament ġustifikabbli. 

Jekk ksibt formola S2, l-ispejjeż tat-trattament se jiġu koperti skont ir-regoli tal-pajjiż fejn tkun trattat. Dawn imbagħad jiġu ttrattati mill-istituzzjonijiet rilevanti f’pajjiżek u fil-pajjiż ta’ trattament. Fil-prinċipju, ma jkollokx tħallas għall-kura. 

Twissija

Jekk persuni li huma assigurati fil-pajjiż fejn tiġi kkurat ikollhom iħallsu għal dak it-trattament speċifiku, ikollok ukoll tħallas u wara tiġi rimborżat skont il-kundizzjonijiet u r-rati ta’ rimborż f’dak il-pajjiż.

Opzjoni 2 - titlob rimborż wara t-trattament

Tista’ wkoll tħallas għall-kura medika ppjanata tiegħek innifsek u tkun tista’ tikseb parti mill-ispejjeż jew l-ispejjeż kollha tiegħek ladarba tasal lura f’pajjiżek. Din is-sistema tapplika kemm għall-fornituri tal-kura tas-saħħa pubbliċi kif ukoll għal dawk privati f’pajjiż ieħor tal-UE.


Se tiġi rimborżat skont ir-rati ta’ rimborż applikati għall-istess trattament fil-pajjiż fejn int assigurat. Jekk int assigurat f’pajjiż li m’għandux skema ta’ rimborż, mela l-korp nazzjonali tal-assigurazzjoni tas-saħħa tiegħek se jirrimborżak skont tariffa bbażata fuq l-ispiża ta’ dak it-trattament lis-sistema tas-saħħa nazzjonali.

Twissija

Skont it-tip ta’ trattament li teħtieġ u r-regoli f’pajjiżek, jista’ jkollok bżonn ukoll awtorizzazzjoni minn qabel mill-assiguratur tas-saħħa tiegħek. Madankollu, il-formola għall-awtorizzazzjoni minn qabel taħt din l-opzjoni hija stabbilita fuq livell nazzjonali. Hija meħtieġa awtorizzazzjoni minn qabel minn ħafna pajjiżi tal-UE għal kura li tinvolvi soġġorn ta’ lejl fi sptar jew tagħmir mediku għali. Ma tista’ tkun meħtieġa l-ebda awtorizzazzjoni minn qabel għal, eż. konsultazzjoni medika.

Staqsi lill-assiguratur tas-saħħa tiegħek jew lill-Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali tiegħek jekk għandekx bżonn awtorizzazzjoni minn qabel. Tista’ ssib ukoll links għal listi ta’ trattamenti soġġetti għal awtorizzazzjoni minn qabel f’pajjiżek hawnhekk. L-applikazzjoni tiegħek trid tingħata inkella jkollok tistenna wisq għat-trattament f’pajjiżek. Meta tikkunsidra l-applikazzjoni tiegħek, l-entità tal-assigurazzjoni tas-saħħa tiegħek għandha wkoll l-obbligu li tivvaluta jekk huwiex possibbli li toħroġlek formola S2.

L-Opzjoni 1 b’formola S2 normalment tkun aktar ta’ benefiċċju għalik fejn il-persuni li huma assigurati fil-pajjiż fejn tiġi kkurat m’għandhomx għalfejn iħallsu għall-istess trattament jew fejn ir-regoli tar-rimborż ta’ pajjiżek huma aktar favorevoli mir-regoli fil-pajjiż fejn tingħata l-kura. Fil-każ tal-aħħar, tkun intitolat għal żieda mill-assiguratur tas-saħħa tiegħek. Madankollu, l-Opzjoni 2 biss hija possibbli, jekk teħtieġ kura tas-saħħa privata.

Aqra aktar dwar spejjeż u rimborżi għat-trattament mediku ppjanat tiegħek.

Storja bħala eżempju

Iċċekkja mal-Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali u mal-assiguratur tas-saħħa tiegħek qabel ma torganizza t-trattament tiegħek

Aurélie tgħix fi Franza. Jeħtiġilha intervent kirurġiku u sabet klinika speċjalizzata fil-Lussemburgu, fejn jgħixu l-ġenituri tagħha. Hi sabet speċjalist xieraq fi sptar pubbliku ħdejn id-dar tal-ġenituri tagħha, iżda mhix ċerta kif se taqbad torganizza t-trattament tagħha hemmhekk.

Aurélie ddeċidiet li ċċempel lill-Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali fi Franza u lill-istituzzjoni lokali tal-assigurazzjoni tas-saħħa tagħha. Tawha l-informazzjoni kollha li kellha bżonn biex tapplika għal awtorizzazzjoni minn qabel u Aurélie mliet il-formola meħtieġa. Jekk tirċievi l-awtorizzazzjoni, tkun tista’ tirranġa direttament it-trattament tagħha fl-isptar fil-Lussemburgu.

Kif torganizza t-trattament tiegħek barra minn pajjiżek, jekk m'għandekx bżonn awtorizzazzjoni minn qabel mill-assiguratur tas-saħħa tiegħek

1. Iċċekkja l-kopertura tas-saħħa tiegħek

  • iċċekkja jekk it-trattament hux fost il-benefiċċji li int intitolat għalihom f’pajjiżek
  • iċċekkja liema dokumenti jeħtieġ l-assiguratur tas-saħħa tiegħek għar-rimborż
  • iċċekkja jekk l-assiguratur tas-saħħa tiegħek jeħtieġx jikkonforma ma’ kwalunkwe kundizzjoni speċjali għar-rimborż tal-ispejjeż tat-trattament li għandek bżonn
  • iċċekkja r-rata ta’ rimborż għat-trattament li għandek bżonn

2. Sib post fejn tingħata t-trattament

Se jkun jeħtieġlek issib provveditur tal-kura tas-saħħa (sptar, stabbiliment mediku, eċċ) li joffri t-trattament li teħtieġ f’pajjiż tal-UE ieħor. Biex tagħmel dan, tista’:

  • tistaqsi lill-Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali tiegħek f’pajjiżek jew fil-pajjiż li fih qed tikkunsidra t-trattament
  • issib provveditur int stess direttament

Kun af li s-sistemi tal-kura tas-saħħa f’pajjiżi tal-UE oħrajn jistgħu ma jiffunzjonawx bl-istess mod bħall-kura tas-saħħa f’pajjiżek. Barra minn hekk, meta taċċessa kura tas-saħħa ppjanata mingħajr formola S2 f’pajjiż ieħor tal-UE, tista’ tiġi ttrattat bħala pazjent privat u tintalab tħallas prezzijiet privati filwaqt li r-rimborż tiegħek dejjem se jkun fil-livell tal-prezzijiet pubbliċi f’pajjiżek stess. Għalhekk ikollok tkopri kwalunkwe differenza fl-ispiża inti stess.

Mistoqsijiet frekwenti

Leġiżlazzjoni tal-UE

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

L-aħħar verifika: 16/11/2022
Ikkondividi din il-paġna