Għodod tas-servizz

Selettur tal-lingwa

Il-bandiera tal-UE

Mogħdija tan-navigazzjoni

Menu

Aġġornat : 26/07/2017

Spejjeż u rimborżi: trattament mediku ppjanat f'pajjiż barrani

Jeżistu żewġ modi kif tkopri l-ispejjeż tat-trattament mediku ppjanat f' pajjiż tal-UE ieħor:

1. L-assiguratur tas-saħħa tiegħek jista' jkopri l-ispejjeż kollha direttament:

  • Din is-sistema tapplika għall- provvedituri tal-kura tas-saħħa pubblika - hi ma tkoprix it-trattament privat.
  • Għandek tistaqsi lill-assiguratur tiegħek għal awtorizzazzjoni bil-quddiem qabel ma tivvjaġġa għal trattament. Jekk tingħatalek, imbagħad tiġi pprovdut bil-formola ta' awtorizzazzjoni adegwata (imsejħa l- formola S2)
  • L-ispiża tat-trattament mediku tiegħek se tkun koperta mill-assiguratur tas-saħħa tiegħek skont ir-rati tar-rimborż fil-pajjiż li fih tiġi trattat.
  • Normalment ir-rimborż jiġi rranġat direttament bejn l-istituzzjonijiet involuti biex ma jkollokx tħallas għat-trattament.

Jekk qed tkun ittrattat f'pajjiż fejn il-pazjenti normalment iħallsu għal trattament u li wara jiġu rimborżati mill-assiguratur tas-saħħa tagħhom, għandu mnejn ikollok tħallas bil-quddiem parti mill-ispejjeż. Imbagħad tista' tistaqsi għal rimborż mill-awtorità rilevanti fil-pajjiż li fih qed tiġi trattat. Huma se jirrimborżawk direttament bl-istess rata bħal persuni assigurati f'dak il-pajjiż.

Tista' tagħżel ukoll li titlob lill-assiguratur tiegħek sabiex jirrimborżak meta tmur lura f'pajjiżek. Jekk ir-rata tar-rimborż għat-trattament li rċevejt barra minn pajjiżek tkun ogħla fil-pajjiż fejn int assigurat, tkun intitolat għal rimborż supplimentari mill-assiguratur tas-saħħa tiegħek biex tagħmel tajjeb għad-differenza.

2. Tista' tħallas għat-trattament int stess u titlob rimborż wara:

  • Din l-opzjoni tkopri l-provvedituri kollha, kemm pubbliċi u privati.
  • Se tkun rimborżat sa l-ammont li jiswa t-trattament speċifiku f'pajjiżek, iżda biss jekk intitolat għal dak it-trattament f'pajjiżek.

Għandu mnejn xorta waħda jkollok tapplika għal awtorizzazzjoni minn qabel għal trattament fi sptar jew għal trattament speċjalizzat u għali ħafna - iċċekkja mal- Punt ta' Kuntatt Nazzjonali tiegħek.

Rimborż mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel mhux aċċettabbli fl-Iżvizzera.

Storja bħala eżempju 1

Mhux dejjem teħtieġ awtorità minn qabel, iżda aħjar li tkun għandek

H ugo jixtieq trattament għal katarretti (li hu kopert mill-assigurazzjoni tas-saħħa tiegħu) fil-Ġermanja. Madankollu, it-trattament jiswa aktar il-Ġermanja milli f'pajjiżu. Hugo jrid li jiġu koperti l-ispejjeż kollha, għalhekk għandu japplika għal awtorizzazzjoni minn qabel mill-asiguratur tas-saħħa tiegħu. Jekk jikseb l-awtorizzazzjoni, jista' jmur f'pajjiż barrani u jingħata t-trattament, u l-ispiża sħiħa għandha tiġi rimborżata direttament bejn l-istituzzjonijiet involuti.

Yvonne tixtieq tirċievi l-istess trattament tal-katarretti, għal darb'oħra l-Ġermanja, u għal darb'oħra dan hu normalment kopert mill-assiguratur tas-saħħa tagħha. Tixtieq tikseb it-trattament kemm jista' jkun malajr possibbli. Yvonne iċċekkjat mal-Punt ta' Kuntatt Nazzjonali f'pajjiżha biex tara jekk xorta tridx tapplika għal awtorizzazzjoni minn qabel u sabet li ma kienx hemm bżonn. Għalhekk marret barra minn pajjiżha u kisbet it-trattament. Yvonne tħallas għat-trattament tagħha u titlob lura xi rimborż mill-assiguratur tas-saħħa tagħha meta tmur lura f'pajjiżha. Billi ma kisbitx awtorizzazzjoni minn qabel u t-trattament sewa ftit aktar fil-Ġermanja, Yvonne jkollha tħallas parti mill-ispejjeż hi stess. Mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel, l-assiguratur tas-saħħa tagħha jirrimborża biss sar-rata stabbilita f'pajjiżha.

Storja bħala eżempju 2

Għandu mnejn ikollok tħallas xi spejjeż bil-quddiem, anki b'awtorizzazzjoni minn qabel

Agata tixtieq tagħmel l-intervent kirurġiku kumpless tagħha fil-Finlandja fi sptar li jagħmel parti mis-sistema tas-saħħa pubblika. Minħabba li l-operazzjoni hi suġġett għal awtorizzazzjoni minn qabel kemm għal ħlas dirett kif ukoll permezz tar-rimborż wara, trid tapplika għal awtorizzazzjoni minn qabel u, jekk awtorizzata, tikseb l-ispiża koperta direttament.

Bernard għandu bżonn l-istess operazzjoni, ukoll fil-Finlandja, iżda fi sptar privat. F'dan il-każ xorta jrid japplika għal awtorizzazzjoni minn qabel, iżda l-opzjoni ta' pagament dirett ma tapplikax. Jekk jikseb awtorizzazzjoni minn qabel, Bernard ikollu jħallas l-ispiża tal-operazzjoni u mbagħad jitlob ir-rimborż. Hu għandu jirċievi r-rimborż sal-livel applikat f'pajjiżu għall-istess tip ta' operazzjoni.

Tagħżel x'tagħżel, l- assiguratur tas-saħħa tiegħek ma jistax jirrifjuta t-talba tiegħek għal awtorizzazzjoni minn qabel jekk:

  • it-trattament speċifiku li teħtieġ ma jkunx disponibbli f'pajjiżek, iżda hu kopert mill-assigurazzjoni tas-saħħa statutarja tiegħek, u
  • tista' tikseb it-trattament li teħtieġ mingħajr dewmien żejjed f'pajjiżek, meta jitqies l-istat kurrenti ta' saħħtek u l-kors tal-marda tiegħek

Tista' ssib aktar dwar l-ispejjeż u r-rimborżi rilevanti direttament mill-provveditur tal-kura tas-saħħa tiegħek jew mill- Punt ta' Kuntatt Nazzjonali fil-pajjiż tal-UE fejn trid li tiġi trattat.

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?
Sib għajnuna u pariri