Mogħdija tan-navigazzjoni

Mistoqsijiet Frekwenti - il-Familja


Koppji

  • Is-sentenza tad-divorzju tiegħi ngħatat l-Isvezja. Biex din tiġi rrikonoxxuta l-Polonja, irrid ngħaddi mill-qrati Pollakki?

    LE - Divorzju (jew separazzjoni jew annullament legali) mogħti fi kwalunkwe pajjiż tal-UE (f’dan il-każ l-Isvezja) jiġi rrikonoxxut awtomatikament fil-pajjiżi l-oħrajn (f’dan il-każ fil-Polonja), mingħajr ebda proċedura speċjali.

    Tista’, madanakollu, tara li d-dokumenti Pollakki tiegħek li jiċċertifikaw l-istat ċivili tiegħek jiġu aġġornati fuq il-bażi tas-sentenza Svediża malli din tkun finali (“finali” tfisser li ma jkunx għadu possibbli li wieħed jappella minnha)

  • Iżżewwiġt f'pajjiż tal-UE fejn m'iniex ċittadin. Hemm bżonn nirreġistra ż-żwieġ f'pajjiżi?

    LE - Tista' titlob biex iż-żwieġ ikun reġistrat f'pajjiżek, iżda dan mhux obbligatorju. Sakemm imxejt mal-liġijiet tal-pajjiż fejn iżżewwiġt, iż-żwieġ se jkun awtomatikament rikonoxxut fl-UE kollha - sakemm mhux żwieġ ta' koppja tal-istess sess. Dan it-tip ta' żwieġ bħalissa hu rikonoxxut biss f'6 pajjiżi tal-UE: Id-Danimarka, il-Belġju, il-Pajjiżi l-Baxxi, Il-Portugall , Spanja u l-Isvezja.

  • Jeżistu regoli li japplikaw fl-UE kollha u li jiddeterminaw liema liġi tgħodd għad-divorzju jew separazzjoni legali tagħna jekk xi ħadd minna jkun joqgħod f'pajjiż ieħor?

    LE - Mhux bilfors tkun il-liġi tal-pajjiż fejn tkun qiegħda l-qorti li tisma’ l-każ.

    Xi pajjiżi tal-UE qablu dwar regoli biex jiġi ddeterminat il-liġijiet ta’ liema pajjiż ikunu japplikaw. Dawn huma l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja u Spanja.

    Iżda jekk ikunu involuti pajjiżi oħrajn, jista’ jkun diffiċli ħafna biex wieħed ibassar liema liġijiet ikunu japplikaw. Minħabba l-inċertezza li din is-sitwazzjoni tista’ toħloq u minħabba d-differenzi kbar li spiss ikun hemm bejn il-liġijiet nazzjonali, l-aħjar tkellem avukat speċjalizzat dwar fejn għandek tagħmel it-talba.

  • Jien u l-għarus tiegħi noqogħdu s-Slovakkja u nixtiequ niżżewġu l-Italja waqt li nkunu hemmhekk għal btala. Għandna l-jedd awtomatiku li niżżewġu f’pajjiż ieħor tal-UE?

    LE - Huma l-awtoritajiet Taljani li jiddeċiedu jekk tistgħux tiżżewġu hemmhekk. Normalment iħallukom tagħmlu dan biss jekk ikollkom xi tip ta’ rabta mal-Italja - ngħidu aħna għall-inqas int jew hu tkunu toqogħdu hemm jew ikollkom ċittadinanza Taljana. Iżda jekk iħallukom, iż-żwieġ jiġi rrikonoxxut fl-UE kollha kemm hi.

    Ladarba tmorru lura s-Slovakkja, tkunu tridu taraw li d-dokumenti uffiċjali kollha li jagħtu prova tal-istat ċivili tagħkom jiġu aġġornati fuq il-bażi taċ-ċertifikat taż-żwieġ tagħkom miksub mill-Italja.

  • Jien u żewġi żżewwiġna r-Repubblika Ċeka u l-aħħar li għexna flimkien kien il-Ġermanja. Żewġi, li hu ta’ nazzjonalità Britannika, issa mar lura r-Renju Unit, iżda jien għadni l-Ġermanja. Nista’ nagħmel talba għad-divorzju fir-Repubblika Ċeka?

    LE - Tista’ tagħmel talba għad-divorzju fir-Repubblika Ċeka biss jekk terġa’ tmur toqgħod hemm għall mill-inqas sitt xhur (jekk inti Ċeka) jew sena (jekk m’intix). Dment li tibqa’ l-Ġermanja, tista’ tagħmel talba għad-divorzju hemmhekk, bħala l-pajjiż fejn l-aħħar li għextu flimkien.

  • Nixtieq immur ngħix f'pajjiż ieħor tal-UE ma' sieħbi. Jien ċittadin tal-UE iżda hu mhuwiex. Il-prova li ilna ngħixu flimkien għal żmien twil tagħti d-dritt għad-dħul awtomatiku lill-sieħbi?

    LE - Ladarba tkun tajt prova li tkun f’relazzjoni fit-tul, kull pajjiż tal-UE huwa obbligat li "jiffaċilta d-dħul" tas-sieħeb tiegħek.

    Madanakollu, fil-liġijiet nazzjonali ħafna drabi mhux speċifikat xi trid tagħmel eżatt biex tagħti prova ta’ dan, u għalhekk is-sieħeb tiegħek xorta waħda jista' ma jitħalliex jidħol u ma jingħatax id-dritt li joqgħod fil-pajjiż.

  • Nixtieq immur ngħix f'pajjiż ieħor tal-UE mal-imsieħeb irreġistrat tiegħi. Il-pajjiżi kollha tal-UE għandhom jirrikonoxxu din is-sħubija?

    LE -Il-pajjiżi li fil-liġi tagħhom stess m'għandhomx is-sħubija rreġistrata (jew tipi oħrajn ta' sħubija ekwivalenti għaż-żwieġ jew paragunabbli miegħu) mhux bilfors jirrikonoxxu sħubiji rreġistrati barra mit-territorju tagħhom.

    Madankollu, il-pajjiż fejn tmur irid jirrikonoxxi s-sħubija rreġistrata tiegħek bħala prova ta' relazzjoni għal żmien twil. Dan almenu jiffaċilita d-dħul u r-residenza tas-sieħeb/sieħba, pereżempju jekk ikun/tkun ġie(t) miegħek minħabba li tkun iċċaqlaqt għal raġunijiet ta’ xogħol.

  • Ħadt il-manteniment - issa nixtieq inkun naf kif id-deċiżjoni se tkun infurzata jekk l-ex sieħeb tiegħi jirrifjuta li jħallas. Hemm xi regoli tal-UE li japplikaw?

    LE - Dan huwa irregolat totalment mil-liġijiet nazzjonali, li huma differenti skont il-pajjiż.

    F'xi pajjiżi, il-ħlasijiet tal-manteniment huma assigurati permezz ta' ordni ta' sekwestru fuq il-paga tal-ex konjugu tiegħek, li għandha titħallas minn min iħaddmu jew minn bank.

    Jekk dan ma jirnexxix, il-flus jistgħu jinġabru mill-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali.

    F'xi pajjiżi tal-UE, hemm fondi pubbliċi disponibbli jekk l-ex tiegħek ikun falla.

Tfal

  • Dik li kienet marti ddivorzjatni xi snin ilu l-Lussemburgu. Il-qorti tatha l-kustodja ta’ wliedna; iżda mhix qed tirrispetta d-dritt tiegħi li nżurhom. Jien noqgħod Franza – nista’ nressaq il-każ quddiem qorti Franċiża?

    LE - L-unika qorti li tista’ tittratta ma’ materji li għandhom x’jaqsmu mad-divorzju/mas-separazzjoni legali tagħkom, inklużi r-responsabbiltà tal-ġenituri u d-drittijiet legali tal-ġenitur li jżur lil uliedu, hija l-ewwel qorti fejn tkun tressqet it-talba għad-divorzju.

    Jiġifieri trid tieħu l-każ tiegħek quddiem dik il-qorti fil-Lussemburgu, sakemm ma tkunx tista’ tagħti prova li t-tfal ikollhom rabta partikulari ma’ Franza.

  • Jien Belġjan. Misseri li hu Lussemburgiż, għadu kif mar lura l-Lussemburgu. Nista' nitlob biex deċiżjoni tal-qorti Belġjana dwar ir-responsabbiltà tal-ġenitur (jiġifieri għall-ħlas tal-manteniment) tkun rikonoxxuta u infurzata fil-Lussemburgu?

    IVA - Kull parti interessata tista' titlob biex sentenza dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri mogħtija f'pajjiż tkun rikonoxxuta u infurzata f'pajjiż ieħor tal-UE.

  • Jien u dak li kien żewġi naqsmu l-kustodja ta’ wliedna. Waslitli offerta biex immur naħdem f'pajjiż ieħor tal-UE: neħtieġ il-kunsens tal-missier biex nieħu lit-tfal miegħi?

    IVA - Għax jekk tieħu lit-tfal miegħek jista’ jkun diffiċli għalih biex jieħu ħsiebhom skont kif jitlob l-arranġament dwar il-kustodja. Fil-fatt, legalment dan jista' saħansitra jitqies bħala każ ta’ ħtif tat-tfal.

    Kien ikollok bżonn il-kunsens tiegħu anki kieku kellek il-kustodja sħiħa, jekk xejn biex tirrispetta d-drittijiet legali tiegħu li jżur lil uliedu.

    Madanakollu, triq oħra tista’ tkun li tapplika għal tibdil fl-arranġamenti dwar il-kustodja jew dwar id-drittijiet legali tal-ġenitur li jżur lil uliedu. Il-qorti tista’ tippermetti li jsir tibdil jekk tirraġuna li dan ikun għall-aħjar ġid tat-tfal.

  • L-ex raġel tiegħi ħa lit-tifel f'pajjiż ieħor u beda proċediment legali hemm biex jipprova jirbaħ il-kustodja. Jekk dik il-qorti tiddeċiedi li t-tifel tiegħi m'għandux jintbagħat lura għandi, nista' nappella d-deċiżjoni?

    IVA - Iżda għandek biss 3 xhur biex tappella minn dik is-sentenza. Wara, il-każ jingħalaq.

  • Ninsab fil-proċess biex nadotta tifel minn pajjiż ieħor tal-UE. It-tifel jikseb iċ-ċittadinanza ta' pajjiżi awtomatikament ladarba jkun lest il-proċess ta' adozzjoni?

    LE - Il-liġi nazzjonali tvarja skont il-każ: xi pajjiżi jagħtu ċ-ċittadinanza awtomatika lit-tfal barranin meta jkunu adottati, oħrajn le. Iċċekkja mal-awtoritajiet nazzjonali tiegħek dwar xi proċedura għandek issegwi.

  • Nista' nitlob il-benefiċċji tal-maternità jekk ġejt nistudja fir-Renju Unit 6 xhur ilu?

    LE - fir-Renju Unit, dawk biss li jaħdmu jew li huma impjegati għal rashom huma intitolati għall-ħlas mill-Istat tal-maternità jew għall-benefiċċji tal-maternità.

  • Nista' nittrasferixxi każ ta' responsabbiltà tal-ġenituri għal qorti f'pajjiż ieħor tal-UE?

    IVA - F'każijiet eċċezzjonali, jekk it-tifel għandu konnessjoni partikolari ma' dan il-pajjiż u jekk it-trasferiment ikun għall-aħjar interess tat-tifel.

Għad għandek bżonn l-għajnuna?