Mogħdija tan-navigazzjoni
Aġġornat : 3/2013
Jekk qed tippjana li tmur tistudja f'pajjiż ieħor tal-UE, jeħtieġ li jkollok dħul ta' flus suffiċjenti biex tgħix hemm mingħajr ma tkun teħtieġ għajnuna finanzjarja. Id-dħul ta' flus jista' jiġi minn diversi sorsi, pereżempju mingħand il-ġenituri, il-mara, jew, naturalment, mix-xogħol.
Bħala ċittadin tal-UE, int se jkollok l-istess dritt għax-xogħol waqt li tkun qed tistudja bħaċ-ċittadini ta' dak il-pajjiż. Ikun jeħtieġlek permess tax-xogħol, anki biex taħdem full-time.
Eċċezzjoni! Iċ-ċittadini Bulgari u Rumeni għadhom jiffaċċjaw restrizzjonijiet temporanji fuq ix-xogħol fl-UE.
Aktar dwar restrizzjonijiet temporanji.
Diversi pajjiżi jħalluk taħdem għadd bla limitu ta' sigħat fil-ġimgħa. Oħrajn japplikaw limiti għal kull term, jew għal kull sena.
Aktar informazzjoni dwar ix-xogħol f'pajjiż ieħor tal-UE.
Jekk tgħix f'pajjiż ieħor tal-UE għal aktar minn 6 xhur fis-sena (183 ġurnata) int titqies bħala resident taxxabbli fih. Konsegwentement, jekk taħdem waqt li tkun qed tistudja, se jkollok tħallas it-taxxi u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali fuq id-dħul tal-flus li taqla' fil-pajjiż fejn qed tistudja.
Il-pajjiż fejn tistudja jista' wkoll jintaxxa d-dħul ta' flus li jinqalgħu f'pajjiż differenti, pereżempju minn kwalunkwe impjieg għas-sajf li tista' tingħata fil-pajjiż ta' oriġini. Jista' jkollok tirrapporta dħul ta' flus ta' din ix-xorta u, f'ċerti każijiet, tħallas it-taxxa fuqhom fil-pajjiż fejn tkun qed tistudja.
Kun af li bosta – iżda mhux ilkoll – mill-pajjiżi tal-UE għandhom ftehimiet biex tiġi evitata t-taxxa doppja. Dawn il-ftehimiet jistgħu f'ċerti każijiet jiddeterminaw liema pajjiż ikun jeħtieġlek tħallas it-taxxa.
Aktar informazzjoni dwar it-taxxi.
Joost hu student Olandiż li mar ir-Renju Unit biex jistudja. Hu jaħdem part-time f'restorant b'kuntratt skont il-liġi Ingliża. Is-sid tiegħu jaqtagħlu t-taxxi u s-sigurtà soċjali miċ-ċekkijiet ta' kull xahar tal-paga u jħallaslu l-kontribuzzjonijiet lill-awtoritajiet tar-Renju Unit.
Matul il-vaganzi tas-sajf, Joost jaħdem full-time fil-belt fejn twieled fil-Pajjiżi l-Baxxi. Hemmhekk sidu jħallaslu l-kontribuzzjonijiet lill-awtoritajiet tat-taxxa Olandiżi. Joost, li hu resident fir-Renju Unit għall-finijiet tat-taxxa, jista' jew jitlob rimborż mill-awtoritajiet Olandiżi u mbagħad iħallas it-taxxi fuq id-dħul ta' flus applikabbli fir-Renju Unit, jew inkella jiddikjara d-dħul ta' flus li qala' fil-Pajjiżi l-Baxxi u t-taxxi li diġà ħallas hemm biex minflok jingħata skont mill-awtoritajiet tar-Renju Unit.
Ma sibtx dak li kont qed tfittex? Għandek problema xi ssolvi?