Mogħdija tan-navigazzjoni

Aġġornat : 23/06/2015

Mistoqsijiet frekwenti - Ammissjoni u dħul f'università

  • Nixtieq immur f'università f’pajjiż ieħor tal-UE. L-awtoritajiet jeħtiġuni nagħmel test tal-lingwa qabel. Jistgħu jagħmlu dan?

    IVA - l-awtoritajiet rilevanti jistgħu jeħtieġu li l-applikanti jagħmlu test tal-lingwa. Iżda dawn ir-regoli għandhom jiġu applikati b'mod proporzjonat, u għandu jkun possibbli li jsiru eċċezzjonijiet biex jitqiesu ċ-ċirkustanzi individwali, eż. jekk tkun diġà għixt jew ħdimt f'pajjiż li juża l-lingwa rilevanti.

  • Għandi lawrja universitarja min-Netherlands u nixtieq inkompli l-istudji tiegħi fi Spanja. Però, l-università Spanjola fejn nixtieq immur qed tirrifjuta li tirrikonoxxi l-kwalifika Olandiża li għandi bħala ekwivalenti għal dik Spanjola li s-soltu tkun meħtieġa għall-ammissjoni fil-kors li nixtieq nagħmel. Tistgħu tgħinuni?

    JISTA' JKUN- il-gvernijiet nazzjonali għandhom ir-responsabbiltà unika li jirrikonoxxu l-kwalifiki akkademiċi. Il-Kummissjoni Ewropea tista’ tieħu azzjoni biss jekk:

    • ċaħda ta' rikonoxximent ta' kwalifika tikkostitwixxi diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità
    • proċeduri li jkunu twal u għaljin iżżejjed jistgħu jiġu interpretati bħala restrizzjoni fuq il-libertà tal-movement tiegħek.

    Iċ-ċentru ENIC-NARIC (netwerk mal-Ewropa kollha għar-rikonoxximent tal-kwalifiki akkademiċi) fil-pajjiż ospitanti kapaċi jkun jista' jgħinek billi jikkuntattja il-kontroparti tiegħu f'pajjiżek.

  • Għadni kif lestet l-edukazzjoni sekondarja għolja tiegħi f’pajjiżi. Nista’ nibda l-università f’pajjiż ieħor tal-UE bla ebda esperjenza ta’ edukazzjoni (terzjarja) għolja f’pajjiżi?

    Bi prinċipju, tista' tmur f'università f’pajjiż ieħor tal-UE. Iżda żomm f’moħħok li kull pajjiż huwa liberu li jistipula l-livell ta’ edukazzjoni sekondarja li studenti futuri jeħtieġu għad-dħul fl-università. Dan se jiġi spjegat fin-nota ta’ informazzjoni ta’ qabel l-applikazzjoni li tingħata mill-università li qed tispera li tapplika għaliha.
  • X’dokumenti għandi bżonn biex nistudja f’pajjiż ieħor tal-UE?

    Dan jiddependi mill-pajjiż, l-università u l-kors innifsu. Bħala regola ġenerali, għandu jkollok:

    • l-oriġinali tal-kwalifiki akkademiċi kollha rilevanti tiegħek
    • CV (eż. is- CV tal-Europass, li jipprovdi mudell li jippermettilek tippreżenta l-isfond ta' edukazzjoni tiegħek b'mod li jinftiehem fl-Ewropa kollha).
  • Jien irreġistrat f’università Taljana. Nista’ nirreġistra wkoll f’università Ġermaniża waqt li jinżamm l-istatus tiegħi bħala student f’università Taljana?  Milli jidher, l-Italja ma tippermettilix li nkun irreġistrat f'żewġ universitajiet fl-istess ħin, anki jekk it-tieni waħda qegħda fl-UE. Il-Ġermanja tippermettieh dan?

    Dan mhuwiex kopert mir-regoli tal-UE. Huwa leġittimu li università teħtieġ li l-istudenti tagħha jattendu konferenzi u lezzjonijiet regolarment. Għalhekk jista' jkun il-każ li l-università tkun tal-opinjoni li l-istudenti ma jistgħux ikunu rreġistrati għal żewġ korsijiet eżiġenti bl-istess mod fl-istess ħin.

 

Għajnuna u pariri

Għajnuna u pariri

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

Ikseb parir dwar drittijietek fl-UE / Solvi l-problemi ma' awtorità pubblika