Mogħdija tan-navigazzjoni

Aġġornat : 25/11/2016

Prezzijiet inġusti

Fl-UE kollha kemm hi, il-bejjiegħa jridu jindikaw il-prezzijiet tal-prodotti b'mod ċar biżżejjed biex tkun tista' faċilment tqabbilhom ma' dawk ta' prodotti simili u tagħmel għażliet informati – ikunu kif ikunu ppakkettati jew kemm ikunu qed jinbiegħu unitajiet flimkien.

Il-kumpaniji huma legalment obbligati li jkunu assolutament ċari dwar il-prezz li se jkollok tħallas meta jirreklamaw jew ibigħulek xi ħaġa.

Informazzjoni sħiħa tal-prezzijiet

Il-prezz ikkwotat f'offerta għandu jinkludi t-taxxi kollha u l-ispejjeż tal-konsenja. Jekk jista' jkun hemm spejjeż żejda li ma jistgħux jiġu kkalkolati minn qabel, għandek ukoll issir taf minn qabel.

Storja bħala eżempju

Steven, mill-Iskozja, sab xi titjiriet irħas ħafna biex imur Spanja fuq sit web ta' linja tal-ajru. Iżda wara li lesta l-ibbukkjar onlajn, il-prezz finali rdoppja – inklużi diversi ħlasijiet addizzjonali li ma kinux issemmew fi kwalunkwe stadju tal-proċess tal-ibbukkjar.

Steven ikkuntattja d-dipartiment tas-servizz tal-klijent fejn ġie infurmat li l-prezz tal-bidu kien sempliċement indikattiv. Madankollu, meta ċempel liċ-Ċentru Skoċċiż tal-konsumaturi dawn ikkonfermawlu li, għalkemm il-linji tal-ajru huma tabilħaqq intitolati għal ħlas żejjed għall-bagalji jew għall-ikel matul it-titjira, dawn għandhom jiġu indikati mill-bidu nett (flimkien ma' spejjeż addizzjonali oħra, taxxi, eċċ.). L-ispejjeż żejda li huma obbligatorji, bħal tariffi amministrattivi jew fuq il-ħlasijiet, għandhom dejjem jiġu inklużi fil-prezz inizjali.

Wara intervent miċ-ċentru tal-konsumatur, il-linja tal-ajru issa qed tindika l-prezzijiet supplimentari kollha b'mod ċar u mingħajr ambigwità fil-bidu ta' kull proċess tal-ibbukkjar.

Meta xi ħaġa hija rreklamata bħala "b'xejn", inti ma tistax tiġi obbligat tħallas aktar min-nefqa ta':

  • ir-risposta għar-riklam
  • il-ġbir tal-oġġett jew għall-konsenja

Paragun faċli – prezz għal kull unità

Għandek tkun tista' tqabbel il-prezzijiet bejn id-ditti u bejn id-daqs tal-pakketti – biex tara, pereżempju, kemm tiffranka meta tixtri pakkett kbir tal-familja taċ-ċereali minflok pakkett żgħir.

Għaldaqstant, il-prodotti kollha għandhom ikunu mmarkati mhux biss bil-prezz tal-bejgħ, iżda wkoll bil- prezz għal kull unità – pereżempju, il-prezz kull kilo jew kull litru. Din l-informazzjoni għandha tkun mingħajr ambigwità, tinqara b'mod ċar, u tingħaraf faċilment.

Din ir-regola tapplika wkoll għal reklami li jsemmu prezz tal-bejgħ.

Storja bħala eżempju

Nadine tgħix il-Belġju viċin il-fruntiera Ġermaniża u għandha tifla ta' 5 xhur. Biex tipprova tiffranka l-flus, bdiet tqabbel il-prezzijiet tal-ħrieqi fi ħwienet differenti fil-Belġju u n-naħa l-oħra tal-fruntiera fil-Ġermanja.

Sabet bejjiegħ Ġermaniż li joffri pakketti tal-istess ħrieqi għall-istess prezz li tħallas normalment fil-Belġju. Iżda meta ħarset b'aktar attenzjoni lejn il-prezz, irrealizzat li l-pakketti Ġermaniżi kien fihom 140 ħarqa, mentri dawk tal-Belġju kien fihom biss 90. Dan ifisser li mill-Belġju kienu ferm aktar għaljin. Mill-ewwel bdiet tixtri l-ħrieqi mill-ħanut Ġermaniż.

Ftakar li trid tiċċekkja l-prezz unitarju qabel tixtri.

Eċċezzjonijiet

Dawn li ġejjin huma eżempji ta' merkanzija li għalihom ir- regoli tal-prezzijiet unitarji jistgħu ma japplikawx – minħabba li l-indikazzjoni ta' prezz unitarju jista' joħloq konfużjoni, jew minħabba n-natura jew l-iskop partikolari tal-oġġetti:

  • prodotti mibjugħa minn magni tal-bejgħ
  • oġġetti mibjugħa bl-irkant
  • opri tal-arti u antikitajiet

Għal aktar informazzjoni, ara wkoll: Inforzar u applikazzjoni tad-direttiva dwar il-Prattiki Kummerċjali ŻlealiEnglish

Konsultazzjonijiet pubbliċi
    Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?
    Sib għajnuna u pariri