Mogħdija tan-navigazzjoni

Aġġornat : 25/11/2016

Prattiki kummercjali inġusti

Meta tixtri prodotti u servizzi minn kullimkien fl-UE – minn sit web, ħanut lokali jew bejjiegħ barra pajjiżek – il-liġi tal-UE tipproteġik kontra prattiki kummerċjali inġusti.

Meta jippromwovu, ibigħu jew jissupplixxu l-prodotti, il-kumpaniji għandhom jagħtuk biżżejjed informazzjoni preċiża biex jippermettulek tiddeċiedi x'tixri b'mod infurmat. Sir af aktar dwar l- informazzjoni dwar il-kuntratt.

Jekk huma ma jipprovdukx b'din l-informazzjoni, l-azzjonijiet tagħhom jistgħu jitqiesu bħala inġusti. Għandek id- dritt li tfittex rimedju jekk tiġi ttrattat b'mod inġust.

Prattiki qarrieqa u aggressivi

Int protett kontra 2 kategoriji ewlenin ta' prattiki kummerċjali inġusti:

  • prattiki qarrieqa, jew minħabba azzjoni (meta tingħata informazzjoni falza) jew inkella minħabba ommissjoni (meta titħalla barra informazzjoni importanti)
  • prattiki aggressivi li għandhom l-għan li jintimidawk biex tixtri

Ċerti prattiki kummerċjali huma pprojbiti fi kwalunkwe ċirkostanza. Uħud mill-aktar komuni huma elenkati hawn taħt:

Reklamar li jservi ta' lixka

Il-bejjiegħa ma jistgħux jippromwovu prodotti/servizzi bi prezz ferm baxx meta ma għandhomx stokk biżżejjed disponibbli. Jeħtiġilhom li jgħidu lill-klijenti kemm oġġetti huma disponibbli għall-bejgħ u għalkemm żmien l-offerti jibqgħu validi.

Storja bħala eżempju

Alex ra riklam iħabbar promozzjoni speċjali għal titjiriet: "Ixxemmex f'Barċellona b'€1 biss!"

Iżda meta pprova jibbukkja t-titjira, il-biljett ta' €1 ma kienx għadu disponibbli. Hu ċempel lis-servizz tal-klijenti tal-kumpanija u qalulu li għadd limitat ħafna ta' postijiet kienu ġew offruti b'dak il-prezz baxx.

Huwa għamel ilment fiċ-ċentru nazzjonali tal-konsumaturi tiegħu. Dawn ikkonfermaw li l-linja tal-ajru kellha toffri għadd raġonevoli ta' postijiet bil-prezz reklamat, skont id-daqs tal-kampanja ta' pubbliċità u/jew (tal-anqas) turi l-għadd ta' postijiet disponibbli għall-prezz speċjali.

Għalkemm Alex ma setax jakkwista biljett bil-prezz reklamat, iċ-ċentru nazzjonali tal-konsumaturi ta parir lill-kumpanija biex tneħħi r-riklam, biex tevita li klijenti oħrajn jaqgħu fl-istess nassa.

Offerti "b'xejn" foloz

Il-bejjiegħa għandhom jagħtu l-prezzijiet veri tal-prodotti u s-servizzi tagħhom. Ma jistgħux ipinġu li servizz bi ħlas hu "b'xejn" jew joffrulek servizz addizzjonali "b'xejn" meta fil-fatt l-ispejjeż veri ta' servizzi "b'xejn" ta' din ix-xorta huma diġà inklużi fil-prezz regolari.

Storja bħala eżempju

Francesca ffirmat għal servizz tal-sms. Hi ndunat li kien hemm kaxxa fil-qiegħ tal-paġna tas-sit web li kienet tgħid "5 messaġġi b'xejn kuljum." Meta hi kklikkjat, ittieħdet f'paġna oħra li għal darb'oħra kienet tgħid "5 MESSAĠĠI B'XEJN KULJUM."

Segwiet l-istruzzjonijiet u ġiet mgħarrfa li kienet ġiet irreġistrata u li l-ħlas għas-servizz kien ta' EUR 3 fil-ġimgħa. Fil-fatt, fuq is-sit web, rat b'ittri żgħar li kien servizz bi ħlas.

Jeħtieġlek toqgħod attent ħafna għal offerti ta' din ix-xorta u tiċċekkja bir-reqqa l-kundizzjonijiet.

Manipulazzjoni tat-tfal

Il-bejjiegħa ma jistgħux jgħidu lit-tfal tiegħek biex jistaqsuk ħalli tixtri l-prodotti tagħhom. Appelli diretti bħal "Mur ixtri l-ktieb issa" jew "Ġiegħel il-ġenituri jixtrulek din il-logħba" huma pprojbiti. Din il-projbizzjoni tapplika għall-midja kollha, inklużi t-televixin u – b'mod aktar importanti – l-internet.

Storja bħala eżempju

Cécile kienet sorpriża, meta bintha f'daqqa waħda bdiet titlobha biex tixtrilha ġabra ta' DVDs bil-karattru tal-ktieb favorit tagħha.

Cécile fehmet għax meta rat ir-reklam tal-ġabra tad-DVD semgħet, "Il-ktieb favorit tiegħek issa ħareġ fuq DVD — għid lil ommok tixtrihulek."

Hi kkonsultat ma' awtorità tal-protezzjoni tal-konsumaturi. Dawn ikkonfermawlha li din kienet prattika inġusta u resqet ilment kontra l-kumpanija sabiex twaqqaf il-kampanja.

Pretensjonijiet foloz dwar kuri

Kull meta prodott issirlu pubbliċità bħala terapewtiku – ifejjaq l-allerġiji, ma jħallix li jaqagħlek aktar xagħrek, jgħinek titlef il-piż, eċċ. – int għandek id-dritt li tkun taf jekk pretensjonijiet ta' din ix-xorta ġewx ikkonfermati b'mod xjentifiku. F'bosta każijiet, pretensjonijiet bħal dawn mhumiex appoġġati b'mod mediku u huma sempliċement tajbin iżżejjed biex ikunu veri.

Storja bħala eżempju

Mario rċieva ittra minn kumpanija f'pajjiż ieħor li kienet qed tgħid li l-prodott tagħhom kellu jgħinu biex jerġa' jitlagħlu xagħru fi 3 ġimgħat.

Mario ddeċieda li jordna l-prodott, għax l-ittra kienet tgħid li dan kien "ipprovat u ttestjat". Madankollu, il-prodott ma kienx ittestjat, u ma ħadimx.

Mario kkuntattja l-awtorità nazzjonali tal-protezzjoni tal-konsumaturi u sar jaf li bosta klijenti żgwidati oħrajn kienu lmentaw ukoll. Tawh il-parir li jissieħeb fil-proċeduri legali kontra l-kumpanija li kienu diġà għaddejjin.

Pubbliċità moħbija fil-midja (pubbliċità b'forma ta' artiklu)

Għandek id-dritt li tiġi mgħarraf jekk artiklu f'gazzetta, fi programm televiżiv jew fuq ir-radju ġiex "sponsorjat" minn kumpanija bħala mod ta' pubbliċità għall-prodotti tagħha. Dan għandu jkun ċar permezz ta' stampi, kliem jew ħoss.

Storja bħala eżempju

Yann qara artiklu f'magażin tal-ivvjaġġar dwar treking fl-Irlanda. L-artiklu, ippubblikat bħala storja minn wieħed mill-qarrejja, semma' li ċerta marka ta' tagħmir użat matul il-vjaġġ kienet partikularment tajba.

Yann iddeċieda li jerġa' jiċċekkja fuq forum onlajn u sar jaf li t-tagħmir tal-marka kummerċjali ma kienx meqjus bħala kwalità tajba ħafna. Bosta parteċipanti ta' forums saħqu li kienu ingannati biex jixtruh, billi ma kinux jafu li l-artiklu kien sponsorjat mill-manifattur tat-tagħmir (magħruf bħala "advertorial").

Meta Yann ikkuntattja organizzazzjoni tal-konsumaturi, sar jaf li, skont il-liġi tal-UE, il-magażin tal-ivvjaġġar kellu jagħmilha ċara li l-artiklu kien riklam. L-organizzazzjoni tal-konsumaturi kkuntattjat lill-pubblikatur tal-magażin li ppubblika kjarifika u skuża ruħu mal-qarrejja talli kien żgwidahom.

Skemi piramida

Dawn huma skemi ta' promozzjoni li int tħallas biex tissieħeb fihom biex bi bdil tingħata l-opportunità li tirċievi kumpens. Dan il-kumpens, madankollu, jiġi primarjament billi ddaħħal persuni ġodda fl-iskema. Il-bejgħ jew il-konsum attwali tal-prodotti għandu rwol żgħir. F'ċertu punt, l-iskemi piramida jikkrollaw, u dawk li jidħlu l-aħħar fihom jitilfu l-investiment tagħhom.

Storja bħala eżempju

Oana kienet offruta impjieg f'netwerk ta' kummerċjalizzazzjoni biex tbigħ prodotti kosmetiċi. Qalulha li kellha tagħmel ħafna flus fil-ħin liberu tagħha mill-kumdità ta' darha.

Intalbet tħallas miżata ta' darba u ddaħħal 5 iħbieb fin-netwerk. Aktar ma hi kienet tintroduċi ħbieb fin-netwerk, aktar kellha taqla' flus. Ħbiebha kellhom ukoll jaqalgħu flus aktar jekk jintroduċu 5 iħbieb oħrajn.

Oana ma ndunatx li d-dħul ta' flus ewlieni tagħha kellu jkun aktar mir-reklutaġġ ta' persuni fin-netwerk milli mill-bejgħ tal-prodotti kosmetiċi.

Jekk issib ruħek f'sitwazzjoni ta' din ix-xorta, għandek tikkuntattja organizzazzjoni tal-konsumaturi li tinformak dwar il-miżuri ta' kumpens li tista' tuża f'pajjiżek.

Offerti foloz ta' premjijiet, rigali

Il-kummerċjanti ma jistgħux jagħmlu pubbliċità ta' premijiet jew rigali "b'xejn", u mbagħad jeħtiġulek tħallas għalihom biex tkun tista' takkwistahom. Jekk tirċievi ittra jew email li tgħidlek: Awguri, irbaħt premju!, oqgħod attent billi din tista' tkun ukoll prattika inġusta.

Storja bħala eżempju

Evelina rċeviet ittra minn kumpanija li awguratilha talli kienet rebħet premju ta' EUR 100. Qalulha biex iċċempel biex tingħata l-premju fi żmien ġimgħa.

Meta ċemplet in-numru tal-ittra, qalulha li l-offerta fil-fatt ma kinitx ħlief riklam. Minflok ma rċeviet premju, ġiet rikjesta tixtri tagħmir tad-dar, biex imbagħad tiddaħħal f'lotterija.

Evelina kienet diżappuntata u ddeċidiet li tivverifika jekk il-kumpanija setgħetx tagħmel dan. Hi kkuntattjat l-organizzazzjoni nazzjonali tal-konsumaturi u saret taf li prattiki ta' din ix-xorta huma pprojbiti. L-organizzazzjoni tal-konsumaturi kkuntattjat il-kumpanija, li finalment waqqfet din il-prattika.

Vantaġġi "speċjali" foloz

Il-bejjiegħa ma jistgħux jgħidu li qed jagħtuk drittijiet speċjali, meta fil-fatt int diġà qed tgawdi dawk id-drittijiet skont il-liġi.

Storja bħala eżempju

Konstantinos minnTessaloniki ddeċieda li jixtri kompjuter mill-internet.

Hu għażel ħanut onlajn li kien qed jippromwovi offerta speċjali li tagħti lix-xerrejja garanzija ta' sentejn li tkopri t-tiswijiet jew il-bdil jekk il-prodott jirriżulta li kellu difett jew mhux kif kien reklamat.

Konstantinos kien ipperswadut li din kienet offerta speċjali, iżda l-garanzija ta' sentejn hi obbligu impost fuq kull bejjiegħ bil-liġi.

Bosta bejjiegħa jew manifatturi joffru l-garanziji kummerċjali tagħhom, li jwiegħdu li jsewwu prodott, p.e. għal sena, tliet jew ħames snin. Dawn jistgħu jkunu bla ħlas jew għal xiri mhux ta' bilfors. Madankollu, dawn il-garanziji kummerċjali addizzjonali qatt ma jieħdu post il-garanzija ta' sentejn, li int għandek awtomatikament mingħand il-bejjiegħ bħala dritt legali tiegħek.

Konstantinos kiteb lin-negozjant, li aċċetta li kien hemm żball u qabel li jagħtih sena addizzjonali bħala garanzija kummerċjali.

Użu falz ta' offerti limitati

Meta l-bejjiegħa jgħidulek li offerta partikulari se tkun disponibbli biss għal żmien tassew limitat, huma għandhom mnejn ikunu qed jagħmlulek pressjoni biex tixtri qabel ma jkollok żmien biżżejjed biex tagħmel għażla informata. Mhux ġust li jingħad li offerta hi limitata għal ċertu żmien meta fil-fatt dan ma jkunx il-każ.

Storja bħala eżempju

Simon mill-Belġju xtaq jixtri rota. Huwa sab offerta speċjali valida għal 24 siegħa biss f'ħanut Netherlandiż onlajn.

Ir-rota ma kinitx eżattament dik li kien qed ifittex, iżda ma kellux il-ħin joqgħod iqabbel, billi l-offerta kienet valida biss għal ħin tassew qasir ta' din ix-xorta. Hu malajr iddeċieda biex jixtri r-rota biex jieħu vantaġġ mi-roħs ta' 50%.

Skanta meta daħal fil-ħanut tal-internet ġimgħa wara, u ra eżattament l-istess offerta. Simon induna li dik kienet offerta falza biex tingannah ħalli jixtri r-rota. Huwa lmenta mal-kummerċjant iżda ma ħax tweġiba.

Imbagħad hu mar fiċ-Ċentru Ewropew għall-Konsumaturi fil-Belġju li trasferixxew il-każ lill-kollegi tagħhom fin-Netherlands. Ftit tal-ħin wara ċ-ċentru Netherlandiż qal lil Simon li bis-saħħa tal-azzjoni tagħhom il-kummerċjant kien ikkoreġa s-sit web.

Offerti persistenti mhux mixtiqin

Skont il-liġi tal-UE, il-kumpaniji ma jistgħux jagħmlulek offerti persistenti u mhux mixtiqin bit-telefown, il-faks, l-email jew bi kwalunkwe midja oħra adatta għall-bejgħ mill-bogħod.

Storja bħala eżempju

Margus mar f'ħanut tal-għamara tal-kċejjen u abbona f'newsletter dwar offerti ġodda.

Imbagħad beda jirċievi reklami minn magażinijiet dwar it-tisjir, ix-xogħol tal-ġnien, l-ipparaxutjar, ix-xogħol tad-dar... Għalkemm hu ma kien qatt talab li jitpoġġa fuq lista ta' indirizzi, kultant kien jirċievi saħansitra 10 emails f'ġurnata! It-talbiet ta' Margus biex jitneħħa mil-lista ta' indirizzi kienu injorati.

Ħabiba tat parir lil Margus biex jikkuntattja ċ-ċentru nazzjonali tal-konsumaturi, billi dawn kienu għenuha ssolvi problema simili fil-passat. Wara l-azzjoni taċ-ċentru, il-kumpanija fl-aħħar neħħiet lil Margus mil-lista tagħha.

Tista' tiltaqa' ma' prattiki li ma jaqgħux taħt il-kriterji ta' hawn fuq, iżda li int tqis inġusti. Ikkonsulta l-assoċjazzjoni nazzjonali tal-konsumaturiEnglish jew in-netwerk taċ-Ċentri Ewropej tal-KonsumaturiEnglish biex tingħata parir.

Għal aktar tagħrif, ara wkoll: Infurzar u applikazzjoni tad-direttiva dwar il-Prattiċi Kummerċjali ŻlealiEnglish

Leġiżlazzjoni tal-UE
Konsultazzjonijiet pubbliċi
    Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?
    Sib għajnuna u pariri