Mogħdija tan-navigazzjoni

Aġġornat : 02/09/2016

shopping

Garanziji u ritorni

Skont ir-regoli tal-UE, in-negozjant irid isewwi, jibdel, inaqqas il-prezz jew jagħtik rimborż jekk l-oġġetti li tkun xtrajt jirriżultaw bil-ħsara jew ma jidhrux jew ma jaħdmux kif ikunu ġew irriklamati.

Jekk tkun xtrajt oġġett jew servizz onlajn jew barra minn ħanut (bit-telefown, bil-posta, mingħand bejjiegħ bieb bieb), xorta għandek id-dritt li tikkanċella jew tirritorna l-ordni fi żmien 14-il ġurnata, għal kwalunkwe raġuni u mingħajr ġustifikazzjoni.

Sib il-kundizzjonijiet speċifiċi biex iddaħħal fis-seħħ il-garanziji legali u tirtira minn xiri.

Garanziji legali għal oġġetti bil-ħsara

Garanzija ta' sentejn mingħajr ħlas (garanzija legali)

Skont ir-regoli tal-UE, int għandek dejjem id-dritt għal tal-inqas sentejn garanzija legali mingħajr ħlas.

Din it-tip ta' garanzija ta' sentejn hija dritt minimu tiegħek. Ir-regoli nazzjonali f'pajjiżek jistgħu jagħtuk protezzjoni speċjali: madankollu, kwalunkwe devjazzjoni mir-regoli tal-UE għandha dejjem tkun fl-aħjar interess tal-konsumatur.

Jekk xi oġġetti li xtrajt fl-UE jirriżultaw bil-ħsara jew ma jidhrux jew ma jaħdmux kif irreklamati, il-bejjiegħ ikollu jsewwihomjew jibdilhom bla ħlas, jew inaqqaslek fil-prezz jew jagħtik rimborż sħiħ.

B'mod ġenerali, se tkun tista' titlob għal rimborż sħiħ jew parzjali biss meta ma jkunx possibbli jew konvenjenti biex jissewwew jew jinbidlu l-oġġetti.

Jista' jkun li ma tkunx intitolat għall-flus lura jekk il-problema tkun żgħira, bħal xi girfa fuq il-kaxxa ta' CD.

Kif l-oġġetti tiegħek jistgħu jissewwew, jinbidlu jew tingħata rimborż għalihom

  • Il-perjodu ta' sentejn garanzija jibda malli tirċievi l-oġġetti tiegħek.
  • F'xi pajjiżi tal-UE, għandek tinforma lill-bejjiegħ dwar il-ħsara fi żmien xahrejn minn meta tiskopriha, inkella tista' titlef id-dritt tiegħek għall-garanzija legali.
  • Fi żmien sitt xhur minn meta tirċievi l-oġġetti, jeħtieġlek biss li turi lill-bejjiegħ li l-oġġetti huma difettużi jew mhux kif kienu reklamati.
  • Iżda, wara sitt xhur f'bosta pajjiżi tal-UE trid ukoll tagħti prova li d-difett kien diġà jeżisti meta rċevejt l-oġġett, pereżempju, billi turi li d-difett hu minħabba l-kwalità ħażina tal-materjali użati.

In- negozjant hu dejjem marbut li jipprovdi soluzzjoni; f'xi pajjiżi tal-UE għandek ukoll id-dritt li titlob rimedju mill-produttur.

Iċ- Ċentru Ewropew tal-Konsumatur English f'pajjiżek jista' jgħinek jekk għandek problema bl-oġġetti li xtrajt f'pajjiż ieħor tal-UE.

Storja bħala eżempju: in-nuqqas ta' konformità tal-oġġetti mhux dejjem tkun tidher mill-ewwel

Mirek ordna laptop li kien jidher qed jaħdem tajjeb. Iżda, wara aktar minn sena li xtrah, skopra li kien fih inqas memorja minn kemm suppost.

Għalkemm din il-problema ma kinitx ovvja immedjatament, u l-laptop kien jaħdem, xorta waħda ma kienx jikkonforma ma' dak li ġie rreklamat jew li kien hemm qbil dwaru meta xtrah. Għalhekk Mirek seta' jikseb rimborż parzjali mill-ħanut.

Garanziji addizzjonali (garanzija kummerċjali)

Il-ħwienet jew il-produtturi ħafna drabi joffrulek garanzija kummerċjali addizzjonali , jew billi jinkluduha fil-prezz tal-prodott jew għal prezz addizzjonali.

Din tista' tagħtik protezzjoni aħjar iżda qatt ma tista' tieħu l-post jew tnaqqas il-minimu ta' sentejn garanzija legali, li dejjem se jkollok taħt ir-regoli tal-UE.

Bl-istess mod, jekk ħanut ibigħlek prodott ġdid irħas għax "bla garanzija", dan ifisser biss li m'għandekx protezzjoni addizzjonali. Xorta għandek id-dritt għal sentejn garanzija legali bla ħlas biex tfittex rimedju jekk il-prodott jinzerta difettuż jew mhux kif irreklamat.

Storja bħala eżempju: il-garanzija legali ta' sentejn ma tistax titqassar minn garanzija kummerċjali

Carla xtrat magna tat-tnixxif tax-xagħar b'garanzija tal-bejjiegħ ta' sitt xhur.

Meta kellha l-ħsara wara tmin xhur, ħaditha lura l-ħanut. Tal-ħanut qalilha li l-garanzija tagħha kienet skadiet, u li ma kinitx eleġibbli għal flusha lura.

Carla korrettament qalet li kellha sentejn garanzija bla ħlas skont il-liġi tal-protezzjoni tal-konsumatur tal-UE, u li l-garanzija ta' sitt xhur tal-bejjiegħ sempliċiment tatha servizzi addizzjonali.

Oġġetti użati

Oġġetti użati li tixtri mingħand negozjant huma wkoll koperti mill-garanzija minima ta' sentejn. Madankollu, l-oġġetti mixtrija mingħand individwi privati jew waqt irkanti pubbliċi mhumiex koperti.

F'xi pajjiżi tal-UE, ix-xerrej u l-bejjiegħ jistgħu jiftiehmu dwar perjodu ta' garanzija ta' inqas minn sentejn, iżda mhux inqas minn sena. Dan għandu jintqal b'mod ċar meta jsir ix-xiri.

 

Għal informazzjoni aktar dettaljata dwar drittijietek skont il-liġi nazzjonali, iċċekkja r-regoli speċifiċi dwar il-garanziji legali u l-garanziji kummerċjali għall-pajjiż fejn wettaqt ix-xiri:

Agħżel il-pajjiż

Agħżel il-pajjiż

Drittijiet komuni fil-pajjiżi tal-UE


* Informazzjoni li għadha ma ġietx ipprovduta mill-awtoritajiet nazzjonali

Ikkanċella u rritorna l-ordni tiegħek

14-il ġurnata biex tikkanċella jew tirritorna l-oġġetti mixtrija minn barra l-ħanut (onlajn, bit-telefown jew bil-posta)

Fl-UE, għandek id-dritt tirritorna oġġetti mixtrija b'dan il-mod fi żmien 14-il ġurnata u tingħata rimborż sħiħ. Tista' tagħmel dan għal kwalunkwe raġuni – anke jekk sempliċiment ikun reġa' bdielek.

Il-perjodu ta' "cooling off" ta' 14-il ġurnata ma japplikax, fost oħrajn, għal:

  • biljetti tal-ajru u tal-ferrovija, kif ukoll biljetti tal-kunċerti, prenotazzjonijiet ta' akkomodazzjoni, riżervazzjonijiet ta' kiri tal-karozzi u servizzi ta' forniment tal-ikel għal dati speċifiċi
  • oġġetti u xorb li jitwasslulek b'kunsinna regolari – pereżempju kunsinna mingħand tal-ħalib.
  • oġġetti magħmulin apposta jew personalizzati b'mod ċar – bħal libsa magħmula minn ħajjat
  • trasportaturi tad-dejta ssiġillati, bħal DVDs, li tkun neħħejtilhom is-siġill meta tkun irċevejthom
  • kontenut diġitali onlajn, jekk tkun bdejt tiddawnlowdjah jew tistrimjah
  • oġġetti li tkun xtrajt mingħand individwu privat u mhux mingħand kumpanija
  • kuntratti ta' tiswijiet u manutenzjoni urġenti – jekk iċċempel lil plamer biex isewwilek xawer li qed jillikja, ma tistax tikkanċella x-xogħol jekk tkun qbilt fuq il-prezz tas-servizz.

Storja bħala eżempju: ma jistax jerġa' jibdielek għal xi tipi ta' xiri

Jane xtrat biljett minn fuq l-internet għal kunċert tal-U2 fl-Irlanda. L-għada skopriet li se tkun imsiefra fid-data tal-kunċert u ppruvat tikkanċella l-biljett. Madankollu, il-bejjiegħ irrifjuta li jikkanċella l-ordni u jagħtiha flusha lura.

Kif tikkanċella xiri

Il-perjodu ta' "cooling off" jiskadi 14-il ġurnata wara l-ġurnata li fiha tirċievi l-affarijiet. Jekk dan il-perjodu jiskadi b'ġurnata li ma tkunx tax-xogħol, id-data ta' għeluq tiġi estiża sal-ġurnata tax-xogħol li jkun imiss.

Trid tinforma lin-negozjant b'mod ċar bid-deċiżjoni tiegħek li tikkanċella x-xiri. Mhux biżżejjed li tibgħat l-oġġetti lura biss. In-negozjant irid jipprovdilek formola mudell tal-irtirar , li tista' tuża biex tinfurmah(a) bid-deċiżjoni tiegħek iżda m'hemmx għalfejn tużaha.

Trid tibgħat l-oġġetti mhux użati lura fi żmien 14-il ġurnata minn meta tkun infurmajt lin-negozjant.

Tista' tikkombina flimkien l-obbligu li tinforma lin-negozjant u li tibgħat l-oġġetti lura, pereżempju, billi żżid dikjarazzjoni bil-miktub mal-oġġetti li tkun qed tibgħat lura bil-posta, jew billi tibgħat faks jew email.

In-negozjant irid jagħtik rimborż fi żmien 14-il ġurnata minn meta jirċievi l-kanċellazzjoni tiegħek, iżda jista' jdum iktar biex jibgħatlek ir-rimborż jekk ma jkunx irċieva l-oġġetti jew evidenza li int tkun bgħatthom.

Dan ir-rimborż għandu jinkludi wkoll il-flus li nfaqt għall-posta meta ordnajt l-oġġett. Madankollu, in-negozjant jista' jiċċarġjak spejjeż addizzjonali tal-kunsinna jekk tkun speċifikament tlabt għal kunsinna (express) mhux standard.

In-negozjant għandu jinfurmak li trid tħallas l-ispejjeż biex tirritorna l-oġġetti. Jekk ma jagħmilx dan, hu jkollu jħallas l-ispejjeż. Ma trid tħallas ebda tariffa li ma tkunx ġejt infurmat dwarha.

Għal oġġetti kbar (bħal tagħmir tad-dar kbir) in-negozjant irid jagħtik tal-inqas stima tal-ispiża biex tirritornahom.

L-oġġetti kbar li tkun xtrajt mingħand bejjiegħ bieb bieb u li jkunu twasslulek immedjatament, madankollu, dejjem iridu jinġabru min-negozjant bi spejjeż tiegħu.

Konsultazzjonijiet pubbliċi
Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?
Sib għajnuna u pariri

Sib għajnuna u pariri

Sib għajnuna u pariri miċ-ċentru Ewropew tal-konsumatur f'pajjiżek English

F'dan il-każ, it-28 stat membru tal-UE + l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja

Retour au texte en cours.

F'dan il-każ, it-28 stat membru tal-UE + l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja

Retour au texte en cours.