Mogħdija tan-navigazzjoni

Aġġornat : 25/11/2016

Kontijiet bankarji fl-UE

Dritt għal kont bankarju

Forsi tixtieq tiftaħ jew teħtieġ tiftaħ kont bankarju f'pajjiżek jew f' pajjiż ieħor tal-UE.

Jekk int legalment resident f'pajjiż tal-UE int intitolat li tiftaħ "kont ta' pagament bażiku". Il-banek ma jistgħux jirrifjutaw l-applikazzjoni tiegħek għal kont ta' pagament bażiku sempliċement għax int ma tgħixx fil-pajjiż li fih hu stabbilit il-bank.

Id-dritt ma japplikax għal tipi oħrajn ta' kont bankarju, bħall-kontijiet tas-savings.

Meta tista' tkun rifjutat kont ta' pagament bażiku mill-banek

Tista' tkun rifjutat kont jekk int ma tikkonformax mar-regoli tal-UE dwar il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu .

F'xi pajjiżi tal-UE, tista' tkun rifjutat kont bankarju bażiku jekk int diġà għandek kont simili ma' bank ieħor fl-istess pajjiż.

Jekk qed tapplika għal kont ta' pagament bażiku barra l-pajjiż li tgħix fih, il-banek f'xi pajjiżi tal-UE jistgħu wkoll jitolbuk tipprova l-interess ġenwin tiegħek għala tixtieq tagħmel dan – pereżempju jekk tgħix f'pajjiż iżda taħdem f'ieħor.

Karatteristiċi ta' kont bażiku

"Kont ta' pagament bażiku" hu kont li jkopri t-transazzjonijiet standard li int tuża fil-ħajja ta' kuljum bħal:

  • depożiti
  • ġbid ta' flus
  • tirċievi u twettaq pagamenti (pereżempju debiti diretti jew xiri bil-kards)

Jeħtieġlu wkoll jinkludi kard ta' pagament li tista' tuża biex tiġbed flus kontanti u tagħmel ix-xiri - kemm onlajn kif ukoll fil-ħwienet.

Fejn disponibbli, il-bank jeħtieġlu jinkludi l-aċċess għall-ibbankjar onlajn bil-kont tiegħek. Madankollu, huma mhux dejjem għandhom jinkludu faċilità ta' overdraft jew ta' kreditu.

F'xi pajjiżi tal-UE, il-bank tiegħek għad jista' jitolbok tariffa annwali għal dan il-kont ta' pagament bażiku. Din it-tariffa għandha tkun raġonevoli.

Storja bħala eżempju

Ma għandekx bżonn tgħix f'pajjiż tal-UE biex ikollok kont hemm

Sándor qabad jaħdem għal kumpanija bbażata fis-Slovenja filwaqt li kompla jgħix fl-Ungerija. Il-kumpanija talbitu jiftaħ kont bankarju fis-Slovenja biex ipoġġi s-salarju tiegħu fih.

Hu sab bank Sloven ħdejn l-impjieg tiegħu u talab biex jinfetaħlu kont bankarju bażiku. Il-bank ħallih jiftaħ kont minkejja li ma kienx qed jgħix fis-Slovenja.

Il-banek ma jistgħux sempliċement jirrifjutawlek kont bażiku għax int ma tgħixx fil-pajjiż.

Meta taqleb kontijiet bankarji

Tista' taqleb il-kont bankarju tiegħek għal kont bankarju ieħor fl-istess pajjiż tal-UE. Il-bank il-ġdid tiegħek jeħtieġlu jgħinek b'dan.

Jekk tixtieq taqleb għal kont ġdid fl-istess pajjiż, għid lill-bank il-ġdid tiegħek li tixtieq taqleb u tittrasferixxi l-pagamenti rikorrenti tiegħek għall-kont il-ġdid.

Imbagħad il-bank il-ġdid jiżgura li l-bank il-qadim tiegħek jittrasferixxi d-dejta u jikkanċella kwalunkwe standing order. Il-bank il-ġdid għandu wkoll:

  • jinforma lill-partijiet terzi – bħal min iħaddmek, il-provvedituri tas-sigurtà soċjali u l-provvedituri tal-utilitajiet – li int qed tibdel il-kont tiegħek
  • jistabbilixxi l-istanding orders il-ġodda tiegħek
  • jaċċetta debiti diretti rilevanti fil-kont il-ġdid

Għandu mnejn tintalab tariffa jekk tiddeċiedi li tagħlaq il-kont il-qadim tiegħek.

Jekk int ikollok tħallas spejjeż waqt il-proċedura tal-qlib għax il-bank jimmissja limitu ta' żmien (biex tikkanċella pagament pereżempju) jew jagħmel xi żball, huma għandhom jirrimburżaw dawn l-ispejjeż. Jekk għandek kwalunkwe diffikultà, tista' tieħu l-kwistjoni quddiem l- iskema tas-soluzzjoni għat-tilwim barra l-qorti.

Storja bħala eżempju

Il-qlib ta' kontijiet bankarji mhux dejjem jimxi ħarir

Meta Suzanne ġarret minn Toulouse għal Pariġi, iddeċidiet li tmexxi l-kont bankarju tagħha għall-bank lokali tagħha f'Pariġi. Hi talbet lill-bank il-ġdid tagħha f'Pariġi biex jittrasferixxi l-pagamenti kollha tagħha għall-kont il-ġdid u biex jagħlaq il-kont il-qadim tagħha f'Toulouse.

Il-bank f'Pariġi qal lill-bank f'Toulouse biex jikkanċella l-istanding orders kollha tagħha u biex jagħlaq il-kont ta' Suzanne. Imbagħad huma stabbilixxaw standing orders mill-kont il-ġdid tagħha. Madankollu, huma nsew javżaw lill-provveditur tas-servizz tal-mowbajl tagħha, u Suzanne ġiet immultata meta l-istanding order għall-kuntratt tal-mowbajl tagħha ma saritx fil-ħin.

Suzanne lmentat mal-bank f'Pariġi. Huma qablu li jirrimburżawlha l-ispiża tal-multa u li jikkoreġu l-pagament tal-istanding order għall-kuntratt tal-mowbajl.

Konsultazzjonijiet pubbliċi
    Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?
    Sib għajnuna u pariri