Regoli u rati tal-VAT: rati standard, speċjali u mnaqqsa

It-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT) hija taxxa fuq il-konsum li tiġi applikata għal kważi l-oġġetti u s-servizzi kollha li jinxtraw u li jinbiegħu għall-użu jew għall-konsum fl-UE.

L-UE għandha regoli standard tal-VAT, iżda dawn jistgħu jiġu applikati b'mod differenti f'kull pajjiż tal-UE. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, trid tħallas il-VAT fuq l-oġġetti u s-servizzi fl-istadji kollha tal-katina tal-provvista inkluż il-bejgħ lill-konsumatur finali. Din tapplika mill-bidu sat-tmiem tal-proċess ta’ produzzjoni, eż. il-bejgħ tal-komponenti, it-trasport, il-montatura, il-proviżjonament, l-imballaġġ, l-assigurazzjoni u t-trasport lill-konsumatur finali.

Meta tiġi imposta l-VAT?

Għal kumpanija bbażata fl-UE, il-VAT tiġi imposta fuq il-biċċa l-kbira tal-bejgħ u x-xiri ta’ oġġetti fl-UE. F’każijiet bħal dawn, il-VAT tiġi imposta u dovuta fil-pajjiż tal-UE fejn l-oġġetti jiġu kkunsmati mill-konsumatur finali. Bl-istess mod, il-VAT tiġi imposta fuq is-servizzi fil-mument li jitwettqu f’kull pajjiż tal-UE.

Il-VAT ma tiġix imposta fuq l-esportazzjonijiet ta’ oġġetti lejn pajjiżi barra l-UE. F’dawn il-każijiet, il-VAT tiġi imposta u hi dovuta fil-pajjiż tal-importazzjoni u ma jkollok bżonn tiddikjara ebda VAT bħala esportatur. Madankollu, meta tesporta l-oġġetti jkollok tipprovdi dokumentazzjoni bħala prova li l-oġġetti kienu trasportati barra mill-UE. Tali prova tista’ tiġi pprovduta billi tiġi ppreżentata kopja ta’ fattura, dokument tat-trasportazzjoni jew rekord doganali tal-importazzjoni lill-awtoritajiet tat-taxxa tiegħek.

Ikollok tipprovdi din il-prova biex tkun tista’ tnaqqas għal kollox kwalunkwe VAT riċevibbli li ħallast fi tranżazzjoni relatata preċedenti li wasslet għall-esportazzjoni. Dokumentazzjoni insuffiċjenti tista’ tfisser li ma jkollokx id-dritt għal rimborż tal-VAT meta tesporta l-oġġetti.

Regoli tal-VAT fil-livell nazzjonali

Ir-regoli tal-VAT jistgħu jiġu applikati b’mod differenti f’kull pajjiż tal-UE. Aqra aktar dwar ir-regoli fil-pajjiż fejn topera l-kumpanija tiegħek.

Ippreżenta denunzja tal-VAT online

Jekk in-negozju tiegħek huwa rreġistrat fl-UE, tista’ tippreżenta denunzja tal-VAT online (fil-biċċa l-kbira tar-reġjuni) f’dawn il-pajjiżi tal-UE:

Għalkemm il-VAT tiġi imposta fl-UE kollha, kull pajjiż membru huwa responsabbli għall-issettjar tar-rati tiegħu. Tista' tikkonsulta r-rati fit-tabella hawn taħt iżda biex tiżgura ruħek li għandek ir-rata korretta, hu rrakkomandat li int tiċċekkja l-aħħar rati mal-uffiċċju lokali tal-VAT tiegħek.

Ir-rati tal-VAT

Jeżistu diversi tipi ta’ rati tal-VAT li huma applikati fil-pajjiżi tal-UE. Ir-rata tiddependi fuq il-prodott jew is-servizz involut fit-tranżazzjoni. Hemm ukoll rati speċjali li ġew stabbiliti skont ir-rati tal-VAT implimentati fil-pajjiżi tal-UE qabel ma ssieħbu mal-UE.

Ir-rati tal-VAT applikati fil-pajjiżi tal-UE

Għalkemm il-VAT tiġi imposta fl-UE kollha, kull pajjiż tal-UE huwa responsabbli għall-issettjar tar-rati tiegħu. Tista’ tikkonsulta r-rati li japplikaw bħalissa fit-tabella ta’ hawn taħt. Għandek tiċċekkja l-aħħar rati mal-awtorità tal-VAT ta’ pajjiżek.

Lista ta’ rati tal-VAT applikati fil-pajjiżi membri tal-UE (aġġornat l-aħħar fit-23 ta' Marzu 2022)
Stat Membru Kodiċi tal-pajjiż Rata standard Rata mnaqqsa Rata mnaqqsa ħafna Parking rate (jew rata intermedjarja)
L-Awstrija AT 20 10 / 13 - 13
Il-Belġju BE 21 6 / 12 - 12
Il-Bulgarija BG 20 9 - -
Ċipru CY 19 5 / 9 - -
Iċ-Ċekja CZ 21 10 / 15 - -
Il-Ġermanja DE 19 7 - -
Id-Danimarka DK 25 - - -
L-Estonja EE 20 9 - -
Il-Greċja EL 24 6 / 13 - -
Spanja ES 21 10 4 -
Il-Finlandja FI 24 10 / 14 - -
Franza FR 20 5.5 / 10 2.1 -
Il-Kroazja HR 25 5 / 13 - -
L-Ungerija HU 27 5 / 18 - -
L-Irlanda IE 23 9 / 13.5 4.8 13.5
L-Italja IT 22 5 / 10 4 -
Il-Litwanja LT 21 5 / 9 - -
Il-Lussemburgu LU 17 8 3 14
Il-Latvja LV 21 12 / 5 - -
Malta MT 18 5 / 7 - -
In-Netherlands NL 21 9 - -
Il-Polonja PL 23 5 / 8 - -
Il-Portugall PT 23 6 / 13 - 13
Ir-Rumanija RO 19 5 / 9 - -
L-Iżvezja SE 25 6 / 12 - -
Is-Slovenja SI 22 5 / 9.5 - -
Is-Slovakkja SK 20 10 - -

Rata standard

Kull pajjiż tal-UE għandu rata standard li tapplika għall-provvista tal-biċċa l-kbira tal-oġġetti u s-servizzi. Din ma tistax tkun anqas minn 15%.

Rata mnaqqsa

Rata mnaqqsa waħda jew tnejn tista’ tiġi applikata għall-provvista ta’ oġġetti u servizzi (abbażi tal-lista fl-Anness III tad-Direttiva dwar il-VAT), iżda - fil-biċċa l-kbira tal-każijiet - mhux għal servizzi pprovduti b’mod elettroniku. Ir-rati mnaqqsa msemmija hawn ma jistgħux ikunu anqas minn 5%.

Rati speċjali

Xi pajjiżi tal-UE jistgħu japplikaw rati speċjali tal-VAT fuq ċerti provvisti. Dawn ir-rati speċjali japplikaw għall-pajjiżi tal-UE li kienu qed japplikawhom fl-1 ta’ Jannar 1991.

Oriġinarjament kienu maħsuba biex ikunu arranġamenti tranżitorji għal bidla bla xkiel għar-regoli tal-VAT tal-UE meta s-Suq Uniku daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1993, u kienu maħsuba biex jitneħħew gradwalment.

Hemm 3 tipi ta’ rati speċjali:

  • Rati mnaqqsa ħafna
  • Rati żero
  • Parking rates (jew rati intermedjarji)

Rati mnaqqsa ħafna

Ir-rati mnaqqsa ħafna ta’ anqas minn 5% huma applikati għall-bejgħ ta’ lista limitata ta’ oġġetti u servizzi f’ċerti pajjiżi tal-UE.

Rati żero

Ir-rati żero huma applikati għal ċertu bejgħ minn xi pajjiżi tal-UE. Meta tiġi applikata rata żero l-konsumatur ma jkollu jħallas ebda VAT, iżda xorta għandek id-dritt għal tnaqqis tal-VAT li ħallast fuq xiri relatat direttament mal-bejgħ.

Parking rates (jew rati intermedjarji)

Il-parking rates huma applikati minn xi pajjiżi tal-UE għal ċerti provvisti ta’ oġġetti u servizzi li mhumiex inklużi fl-Anness III tad-Direttiva tal-VAT. Dawk il-pajjiżi tħallew ikomplu japplikaw rati mnaqqsa tal-VAT fuq dawk il-provvisti, minflok ir-rata standard, bil-kundizzjoni li dawk ir-rati mnaqqsa ma jkunux anqas minn 12%.

Ara wkoll

Għal intrapriżi u intraprendituri
Għal konsumaturi u impjegati

Leġiżlazzjoni tal-UE

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

Għandek xi mistoqsijiet dwar kif topera negozju transfruntier, pereżempju l-esportazzjoni jew l-espansjoni lejn pajjiż ieħor tal-UE? Jekk hu l-każ, Enterprise Europe Network jista’ jagħtik pariri b’xejn.

Tista’ tuża wkoll l-faċilità għas-sejbien tas-servizzi tal-assistenza biex issib l-għajnuna t-tajba għalik.

L-aħħar verifika: 07/07/2022
Ikkondividi din il-paġna