Twaqqif ta' Kumpanija Ewropea (SE)

Jekk għandek negozju u tixtieq tespandi lejn pajjiż Ewropew ieħor, tista' tikkunsidra li twaqqaf kumpanija Ewropea. Il-kumpanija Ewropea – magħrufa wkoll bħala SE (Societas Europea bil-Latin) – hija tip ta' kumpanija pubblika b'responsabbiltà limitata li tippermettilek tmexxi n-negozju tiegħek f'pajjiżi Ewropej differenti b'sett uniku ta' regoli.

Hemm diversi vantaġġi jekk twaqqaf Kumpanija Ewropea:

  • Metodu eħfef biex tmexxi negozju f'aktar minn pajjiż tal-UE wieħed: tista' tirriorganizza l-attivitajiet tiegħek taħt marka kummerċjali unika Ewropea u tmexxi n-negozju tiegħek mingħajr ma twaqqaf network ta' sussidjarji.
  • Mobilità akbar fis-suq uniku. Pereżempju, tista' tittrasferixxi l-uffiċċju reġistrat tiegħek lejn pajjiż ieħor tal-UE mingħajr ma jkollok ixxolji l-kumpanija.
  • Stabbiliment ta' sistema qafas għall-involviment tal-persunal impjegat f'aktar minn pajjiż wieħed fit-tmexxija tan-negozju tiegħek.
  • Jekk inti sid ta' Kumpanija Ewropea, tista' toħloq sussidjarja waħda jew aktar li jkunu wkoll Kumpaniji Ewropej.

Rekwiżiti għat-twaqqif ta' Kumpanija Ewropea

Biex tistabbilixxi Kumpanija Ewropea trid tissodisfa r-rekwiżiti kollha elenkati hawn taħt:

  1. L- uffiċċju reġistrat u l- uffiċċju prinċipali tiegħek iridu jkunu fl-istess pajjiż tal-UE.
  2. Irid ikollok preżenza f'pajjiżi oħra tal-UE (sussidjarji jew fergħat), jew il-kumpaniji kollha involuti jridu jkunu rregolati mil-liġijiet ta' mill-inqas żewġ pajjiżi differenti tal-UE.
  3. Irid ikollok minimu ta' kapital sottoskritt ta' EUR 120 000
  4. Int u r-rappreżentanti tal-impjegati tal-kumpanija tiegħek tkunu ħadtu deċiżjoni dwar il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fil-korpi tal-kumpanija, u dwar kif l-impjegati se jiġu kkonsultati u infurmati.

Twissija

Ir-rekwiżiti jistgħu jvarjaw minn pajjiż għal ieħor. Xi pajjiżi jista' jkollhom rekwiżiti kapitali ogħla, filwaqt li oħrajn jistgħu jirrikjedu li l-uffiċċju prinċipali u l-uffiċċju reġistrat ikunu fl-istess indirizz. Iċċekkja jekk pajjiżek għandux rekwiżiti addizzjonali.

Kif twaqqaf Kumpanija Ewropea

Hemm erba' modi kif twaqqaf Kumpanija Ewropea, skont is-sitwazzjoni tiegħek:

Kif Min Rekwiżiti
Merger (biex tifforma Kumpanija Ewropea) Kumpaniji pubbliċi b'responsabbiltà limitata Tal-anqas 2 kumpaniji minn pajjiżi differenti tal-UE
Twaqqif ta' kumpanija azzjonarja Ewropea Kumpaniji pubbliċi jew privati b'responsabbiltà limitata Tal-anqas 2 kumpaniji minn pajjiżi differenti tal-UE

jew

il-kumpaniji parteċipanti jkollhom sussidjarja jew fergħa f'pajjiż ieħor tal-UE għal tal-inqas sentejn
Twaqqif ta' sussidjarja Ewropea Kumpaniji, ditti jew korpi ġuridiċi oħrajn

Tal-anqas 2 entitajiet minn pajjiżi differenti tal-UE

jew

l-entitajiet parteċipanti jkollhom sussidjarja jew fergħa f'pajjiż ieħor tal-UE għal tal-anqas sentejn

Konverżjoni Kumpanija pubblika b'responsabbiltà limitata Kumpanija li kellha sussidjarja f'pajjiż ieħor tal-UE għal tal-anqas sentejn

Twissija

Se jeħtieġlek tipprovdi dokumenti differenti, skont il-mod kif se twaqqaf Kumpanija Ewropea (ara t-tabella t'hawn fuq). Tista' tiċċekkja dwar x'teħtieġ mal-awtorità nazzjonali tiegħek.

L-awtorità nazzjonali għandha tinforma lill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjoni Uffiċjali li int tlabt għal reġistrazzjoni fi żmien xahar minn meta tippubblika d-dokumenti rikjesti. Huma jridu jikkomunikaw:

  • L-isem tal-Kumpanija Ewropea tiegħek
  • In-numru, id-data u l-post tar-reġistrazzjoni tagħha
  • Id-data, il-post u t-titlu tal-pubblikazzjoni fejn ġiet ippubblikata l-informazzjoni dwar il-Kumpanija Ewropea tiegħek f'pajjiżek
  • L-uffiċċju reġistrat tal-Kumpanija Ewropea tiegħek
  • Is-settur ta' attività tagħha

Id-dettalji tiegħek se jiġu ppubblikati f' ll-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Twissija

Meta tkun irreġistrajt il-Kumpanija Ewropea tiegħek, tinsiex iżżid l-abbrevjazzjoni SE qabel jew wara isem il-kumpanija tiegħek.

Trasferiment tal-uffiċċju reġistrat lejn pajjiż tal-UE ieħor

Tista' tittrasferixxi l-uffiċċju reġistrat tal-Kumpanija Ewropea tiegħek lejn pajjiż ieħor tal-UE - mingħajr ma titterminaha - sakemm il-kumpanija tiegħek ma tkunx għaddejja minn proċedimenti ġudizzjarji bħal stralċ, likwidazzjoni jew insolvenza. Trid tagħti avviż pubbliku ta' xahrejn dwar l-intenzjoni tiegħek li tittrasferixxi u l-azzjonisti tiegħek iridu japprovaw id-deċiżjoni ta' trasferiment. Qabel ma jagħtu l-approvazzjoni tagħhom, l-awtoritajiet rilevanti jridu jkunu sodisfatti li twettqu l-formalitajiet kollha, inkluż il-protezzjoni tal-interessi tal-kredituri u tad-detenturi ta' drittijiet oħrajn.

Twissija

F'xi pajjiżi tal-UE, l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti jistgħu jopponu t-trasferiment matul il-perjodu ta' avviż ta' xahrejn għal raġunijiet ta' interess pubbliku. Dawn il-pajjiżi jinkludu l-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, id-Danimarka, Franza, il-Greċja, il-Latvja, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, Spanja, l-Iżvezja.

Regoli tal-kontabilità

Jeħtieġ li ssegwi r-regoli tal-kontabilità għall-kumpaniji pubbliċi b'responsabbiltà limitata fil-pajjiż tal-UE fejn hi rreġistrata l-kumpanija tiegħek.

Jekk il-Kumpanija Ewropea tiegħek hi:

  • istituzzjoni ta' kreditu jew finanzjarja
  • impriża tal-assigurazzjoni

jeħtieġlek issegwi r-regoli nazzjonali għal dawk it-tipi ta' kumpaniji.

Stralċ, likwidazzjoni, insolvenza u twaqqif ta' pagamenti

Fir-rigward tal-istralċ, il-likwidazzjoni, l-insolvenza u t-twaqqif ta' pagamenti, il-Kumpanija Ewropea tiegħek trid issegwi r-regoli tal-pajjiż Ewropew fejn hi rreġistrata l-kumpanija tiegħek.

Regoli għall-Kumpaniji Ewropej f'kull pajjiż

B'mod ġenerali, fil-pajjiżi kollha tal-UE japplikaw l-istess regoli tal-UE dwar il-Kumpaniji Ewropej. Madankollu, jista' jkun hemm regoli differenti għal xi aspetti skont il-pajjiż fejn hi stabbilita l-Kumpanija Ewropea tiegħek. Pereżempju, dawn ir-regoli jistgħu jaffettwaw liema awtoritajiet trid tikkuntattja jew liema arranġamenti se jkollok issegwi dwar il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema.

Mistoqsijiet frekwenti

Mistoqsijiet frekwenti - Twaqqif ta' Kumpanija Ewropea (SE)

Ara wkoll

Leġiżlazzjoni tal-UE

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

Punti ta' kuntatt uniku

Informazzjoni nazzjonali biex tespandi n-negozju tiegħek f’pajjiż ieħor tal-UE.

Għandek xi mistoqsijiet dwar kif topera negozju transfruntier, pereżempju l-esportazzjoni jew l-espansjoni lejn pajjiż ieħor tal-UE? Jekk hu l-każ, Enterprise Europe Network jista’ jagħtik pariri b’xejn.

Tista’ tuża wkoll l-faċilità għas-sejbien tas-servizzi tal-assistenza biex issib l-għajnuna t-tajba għalik.

L-aħħar verifika: 26/01/2024
Ikkondividi din il-paġna