Mogħdija tan-navigazzjoni

Servizzi

Aġġornat 05/2011

Il-libertà ta' stabbiliment u l-libertà li jingħataw servizzi huma żewġ prinċipji importanti ħafna tal-UE li jirregolaw is-suq uniku għas-servizzi. Dawn il-prinċipji jintitolaw lill-intraprendituri tal-UE jistabbilixxu negozju f'kull pajjiż tal-UE jew li jipprovdu servizzi temporanji bejn il-fruntieri, lill-pajjiżi oħra tal-UE, mingħajr ma jistabbilixxu lilhom infushom fihom - pereżempju billi jaqsmu l-fruntieri, permezz tal-internet eċċ.

Direttiva tas-Servizzi

Billi n-negozji għadhom qed jiffaċċjaw  ċerti proċeduri amministrattivi kumplessi u twal meta jipprovaw ħalli jingħatalhom aċċess jew iwasslu servizzi f'pajjiżi oħra tal-UE, l-UE adottat liġi, id-Direttiva tas-Servizzi, biex jinħoloq qafas aktar ċar u sempliċi għan-negozji. Id-Direttiva kellha tiġi implimentata b'mod sħiħ mill-pajjiżi kollha tal-UE sa tmiem l-2009.

Fid-Direttiva, l-UE introduċiet sett ta' regoli biex tissimplifika l-istabbiliment ta' attività ta' servizz kif ukoll il-forniment ta' servizzi transkonfinali. Id-Direttiva tas-Servizzi ssaħħaħ ukoll id-drittijiet ta' min jirċievi s-servizz.

Stabbiliment ta' negozju

Kull pajjiż tal-UE kellu jissimplifika l-proċeduri u l-formalitajiet tiegħu relatati mal-attivitajiet ta' servizzi. Huma kellhom jistabbilixxu punti ta' kuntatt wieħed, portali ta' gvern-e li permezz tagħhom in-negozji jkunu jistgħu jakkwistaw l-informazzjoni rilevanti kollha u jlestu l-proċeduri amministrattivi onlajn.

Il-pajjiżi tal-UE kienu obbligati wkoll biex jabolixxu skemi ta' awtorizzazzjoni li mhumiex meħtieġa jew sproporzjonati, biex ineħħu rekwiżiti diskriminatorji bbażati fuq ċittadinanza jew residenza kif ukoll biex jeliminaw rekwiżiti restrittivi b'mod partikolari, bħall-provi tal-ħtiġiet ekonomiċi (fejn in-negozji jkunu meħtieġa jwettqu studji dwar is-suq biex juru lill-awtoritajiet li teżisti domanda għas-servizzi tagħhom).

Għoti ta' servizzi transkonfinali

Id-Direttiva tas-Servizzi tistabbilixxi l-prinċipju tal-forniment ħieles ta' servizzi: il-pajjiżi tal-UE ma jistgħux jimponu rekwiżiti nazzjonali diskriminatorji, li mhumiex meħtieġa jew sproporzjonati fuq il-fornituri barranin tas-servizz, pereżempju biex jiksbu awtorizzazzjoni jew biex jistabbilixxu ċertu tip ta' infrastruttura.

Ċerti rekwiżiti jistgħu jiġu imposti biss f'ċirkostanzi limitati ħafna jekk dawn ikunu meħtieġa għal wieħed mir-raġunijiet li ġejjin: il-politika pubblika, is-sigurtà pubblika, il-protezzjoni tas-saħħa pubblika jew il-protezzjoni tal-ambjent. Barra minn hekk, jeżistu ċerti derogi ġenerali għall-klawżola tal-forniment ħieles ta' servizzi, inkluż l-impjegar ta' ħaddiema barra l-pajjiż u l-għarfien ta' kwalifiki professjonali.

Għal dawk ir-rekwiżiti amministrattivi li għadhom jistgħu jiġu imposti, l-intrapriżi se jkunu jistgħu jiksbu l-informazzjoni rilevanti u jissodisfaw il-formalitajiet meħtieġa permezz ta' punti ta' kuntatt wieħed.

Drittijiet ta' min jirċievi s-servizz

Id-Direttiva tas-Servizzi ssaħħaħ ukoll id-drittijiet ta' min jirċievi s-servizz: il-konsumaturi u n-negozji għandhom ikunu jistgħu jużaw is-servizzi tal-fornituri bbażati f'pajjiżi oħra tal-UE mingħajr ma jkollhom bżonn awtorizzazzjoni minn qabel jew li jiffaċċjaw rekwiżiti diskriminatorji bbażati fuq iċ-ċittadinanza jew il-post tar-residenza ta' min jirċievi s-servizz.

L-awtoritajiet nazzjonali huma meħtieġa jipprovdu informazzjoni u għajnuna ġenerali dwar id-drittijiet tal-konsumaturi u biex jirranġaw il-proċeduri.

 Is-servizzi koperti mid-Direttiva

Id-Direttiva tas-Servizzi tapplika, fost oħrajn, għal dawn is-servizzi:

  • il-biċċa l-kbira tal-professjonijiet regolati (eż, konsulenti legali u fiskali, periti, inġiniera, kontabilisti, servejers);
  • is-servizzi tal-kostruzzjoni;
  • il-ħaddiema tas-snajja';
  • is-servizzi relatati man-negozju (pereżempju, żamma ta' uffiċċju, konsulenza dwar il-ġestjoni, l-organizzazzjoni ta' avvenimenti, irkupru ta' dejn, servizzi ta' pubbliċità u ingaġġ)
  • il-kummerċ distributtiv, inkluż il-bejgħ ta' oġġetti u servizzi bl-imnut u bl-ingrossa;
  • is-servizzi fil-qasam tat-turiżmu (pereżempju, servizzi tal-aġenziji tal-ivvjaġġar);
  • is-servizzi ta' divertiment (pereżempju, servizzi pprovduti minn ċentri sportivi u minn parks ta' divertiment);
  • is-servizzi fil-qasam tal-installazzjoni u l-manutenzjoni ta' tagħmir;
  • is-servizzi ta' informazzjoni (pereżempju websajts, attivitajiet ta' aġenzija tal-aħbarijiet, pubblikazzjoni, attivitajiet ta' programmar bil-kompjuter);
  • is-servizzi ta' akkomodazzjoni u ikel (pereżempju, lukandi, restoranti, servizzi ta' kejtering);
  • is-servizzi fil-qasam tat-taħriġ u l-edukazzjoni;
  • kera, inkluż kiri ta' karozzi u servizzi ta' kiri;
  • is-servizzi marbuta ma' xiri u bejgħ ta' proprjetà;
  • is-servizzi ta' ċertifikazzjoni u ttestjar;
  • is-servizzi ta' għajnuna fid-dar (pereżempju, servizzi ta' tindif, nannies privati jew servizzi ta' ġardiniera).

Id-Direttiva tas-Servizzi ma tapplikax għal dawn is-servizzi:

  • attivitajiet regolati b'mod komprensiv mill-UE: servizzi finanzjarji, komunikazzjonijiet elettroniċi, servizzi tat-trasport;
  • servizzi tal-kura tas-saħħa, aġenziji għal xogħol temporanju, servizzi ta' sigurtà privata, servizzi awdjoviżivi, attivitajiet ta' logħob tal-azzard, ċerti servizzi soċjali, nutara u prokuraturi legali (maħtura b'att uffiċjali mill-gvern).

Fi kwalunkwe eventwalità, ir-regoli u r-regolamenti nazzjonali li jikkonċernaw dawn is-servizzi esklużi jridu jkunu konformi ma' regoli oħra tal-liġi tal-UE, partikolarment mal-libertà ta' stabbiliment u mal-forniment ħieles ta' servizzi, kif iggarantit fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE.

Ara wkoll il-leġiżlazzjoni fuq dan is-suġġett fi:

Għad għandek bżonn l-għajnuna?

Għad għandek bżonn l-għajnuna?

Aktar għajnuna

 SOLVIT   jgħin lin-negozji jsolvu l-problemi li jqumu meta l-awtoritajiet nazzjonali japplikaw b'mod ħażin ir-regoli tas-suq tal-UE.

Enterprise Europe Network jipprovdi informazzjoni u pariri lin-negozji dwar il-moviment ħieles tas-servizzi.

Il-websajt tad-Direttiva tas-Servizzi jipprovdi informazzjoni u parir relatat mas-servizzi fis-suq intern.

Jekk tixtieq tistabbilixxi negozju jew toffri servizzi temporanji f'pajjiżi differenti fiż-żona tal-UE/ŻEE (is-27 stat membru tal-UE, flimkien mal-Islanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja), żur it-taqsima 'Punti ta' Kuntatt Waħdieni (PKW)' - Membri tan-Netwerk EUGO - li jgħinuk timla’ l-proċeduri amministrattivi meħtieġa onlajn! Ikseb  it-tagħrif li teħtieġ u ssottometti onlajn l-applikazzjonijiet tiegħek lill-awtoritajiet responsabbli. M’għandekx għalfejn tħabbel rasek li trid toqgħod tikkuntattja bosta awtoritajiet differenti waħda waħda - il-PKW se jagħmel dan għalik!