Mogħdija tan-navigazzjoni

Akkwist pubbliku

Aġġornat 03/2012

L-akkwist pubbliku hu proċess li bih l-awtoritajiet pubbliċi - inklużi l-livelli kollha ta’ gvern u aġenziji pubbliċi - jixtru oġġetti u servizzi jew jikkummissjonaw ix-xogħol. Dawn il-kuntratti jiffurmaw sehem sinifikanti mis-suq tal-UE, billi jammontaw għal madwar 16% tal-prodott gross domestiku (PGD) tagħha.

L-akkwist pubbliku fl-UE

Kumpaniji bbażati f’wieħed mill-pajjiżi tal-UE jistgħu b’mod liberu jitfgħu l-offerti tagħhom għall-kuntratti ta’ awtoritrajiet pubbliċi f’pajjiżi oħra tal-UE. L-awtoritajiet fl-UE jużaw proċeduri armonizzati u trasparenti għall-għażla tal-kuntratturi. L-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa jippromwovi wkoll miżuri li jagħmluha eħfef għal negozji iżgħar biex ikunu jistgħu jitfgħu l-offerti tagħhom għal kuntratti pubbliċi bl-istess mod bħal kompetituri ikbar minnhom.

Qed attwalment tkun ippreparata reviżjoni tad-Direttivi tal-Akkwist Pubbliku tal-UE.  Il-proposta tal-Kummissijoni hi skedata għall-aħħar tal-2011.

Offerti onlajn

L-UE qed tippromwovi t-tfigħ ta’ offerti onlajn bħala mezz biex tagħmel il-ħajja għan-negozji aktar faċli u biex tiffrankalhom il-ħin u r-riżorsi.

Wara li ġie vvalutat il-progress li sar bl-adozzjoni tal-akkwist elettroniku, il-Kummissjoni kkonsultat dwar kif twessa' l-użu tal-akkwist elettroniku fl-Ewropa. Kummenti u suġġerimenti kienu mistiedna biex jikkontribwixxu għal politika ambizzjuża iżda realistika tal-Akkwist elettroniku tal-UE.

e-CERTIS hi sistema ta' informazzjoni bla ħlas onlajn għal kumpaniji u l-awtoritajiet kontraenti li tgħin biex ikunu identifikati ċ-ċertifikati u l-attestazzjonijiet differenti frekwentement mitlubin fil-proċeduri ta' akkwist.

Limiti minimi

Il-kuntratti pubbliċi li jkunu ogħla minn ċertu valur huma regolati minn żewġ direttivi Ewropej:

  •  waħda tittratta l-kuntratti għal xogħol, fornimenti u servizzi pubbliċi ;
  •  l-oħra tittratta l-proċeduri ta' akkwist ta' entitajiet li joperaw fis-servizzi tal-ilma , l-enerġija, it-trasport u l-posta.

Id-direttivi jkopru l-kuntratti ogħla minn ċerti limiti minimi:

  • kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi li jkunu aktar minn €5,000,000;
  • kuntratti għal fornimenti u servizzi pubbliċi li jkunu jiswew aktar minn €130,000 fil-każ tal-awtoritajiet tal-gvern ċentrali, €200,000 għall-entitajiet ċentrali sekondarji jew €400,000 għall-entitajiet li joperaw fis-servizzi tal-ilma, l-enerġija, l-industriji tat-trasport u tal-posta.

Fl-interess tat-trasparenza, is-sejħiet kollha għall-offerti li jkunu ogħla mil-limiti rilevanti jridu jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE u jkunu aċċessibbli bla ħlas permezz tal-paġna web  Tender Electronic Daily (TED).

Rimedji

Il-liġi Ewropea tiggarantixxi li l-kumpaniji jkollhom livelli ndaqs ta’ rimedju legali kontra dawk l-awtoritajiet li jagħtu kuntratti li ma jkunux konformi mar-regoli.

Regoli speċjali

Hemm regoli speċjali li jirregolaw il-kuntratti f’ċerti oqsma.

  • Il-kuntratti għad-difiża   għadhom koperti l-aktar bil-liġijiet nazzjonali. L-UE għandha l-għan li toħloq suq tal-UE għad-difiża waqt li tippreżerva l-interessi tas-sigurtà nazzjonali;
  •  Dwar il-kuntratti għal servizzi ta’ interess ġenerali   (pereżempju l-enerġija, it-telekomunikazzjonijiet, it-trasport, ir-radju u t-televiżjoni, is-servizzi postali, l-iskejjel, is-saħħa u s-servizzi soċjali), l-UE stabbilixxiet regoli komuni biex ittejjeb il-kompetittività filwaqt li tirrispetta d-diversità tas-sistemi nazzjonali.

Sħubijiet bejn il-pubbliku u l-privat

Is-sħubijiet bejn il-pubbliku u l-privat hu metodu li qed isir dejjem aktar popolari għall-ġestjoni, il-bini jew ir-rinnovazzjoni ta’ infrastrutturi jew biex ikun fornut servizz. Dawn joperaw f’diversi setturi - it-trasport, is-saħħa pubblika, l-edukazzjoni, is-sigurtà nazzjonali, il-ġestjoni tal-iskart u d-distribuzzjoni tal-ilma u l-enerġija. L-UE għandha l-għan li tiżgura kompetizzjoni effettiva għas-sħubijiet bejn il-pubbliku u l-privat u tiċċara kif ir-regoli tal-UE għandhom ikunu applikati għall-għażla tal-imsieħba privati.

Akkwist pubbliku ekoloġiku

Billi jqisu fatturi ambjentali fl-għoti ta’ kuntratti, l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jħeġġu l-involviment tan-negozji biex jiżviluppaw prodotti, servizzi u teknoloġiji ekoloġiċi.

Regoli internazzjonali

L-UE taderixxi mal-ftehim tal-Organizzazzjoni tal-Kummerċ Dinji (WTO) dwar il-kompetizzjoni internazzjonali ġusta għall-kuntratti pubbliċi. Dan il-ftehim, magħruf bħala  l-Ftehim dwar l-Akkwist tal-Gvern (GPA), għandu fih 39 membru li jinkludu 27 pajjiż tal-UE. Il-ftehim jipprojbixxi d-diskriminazzjoni fl-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u jistabbilixxi regoli proċedurali.

Riżorsi

Il-portal SIMAP iforni informazzjoni dwar it-tfigħ ta’ offerti għall-kuntratti pubbliċi tal-UE kif ukoll aċċess b’xejn għal Tenders Electronic Daily (TED), li tagħti dettalji dwar il-kuntratti kollha Ewropej ta’ valur għoli li jkunu ġew ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE. L-SIMAP joffri wkoll aċċess għall-bażijiet tad-dejta nazzjonali tal-akkwist pubbliku.

Il-Kummissjoni Ewropea tipprovdi wkoll kuntratti pubbliċi skont l-attivitajiet tagħha.

Ara wkoll il-leġiżlazzjoni fuq dan is-suġġett fi:

Għad għandek bżonn l-għajnuna?

Għad għandek bżonn l-għajnuna?

Aktar għajnuna

Enterprise Europe Network iwassal informazzjoni u pariri lin-negozji dwar kif issir ir-riċerka.