Finanzi u appoġġ
Aċċess għall-finanzi
Filwaqt li kumpaniji kbar ġeneralment jirrikorru għas-swieq finanzjarji biex jiġġeneraw l-investiment, in-negozji ż-żgħar ikollhom biss aċċess għall-finanzi permezz ta' sorsi limitati.
Self mill-bank
Qabel is-self, il-banek jagħmlu stima tar-riskji relattivi tan-negozji, jantiċipaw it-tkabbir tagħhom u l-abilità tagħhom li jħallsuhom lura. Il-banek ma jagħtux self meta dan ikun jinvolvi riskju potenzjalment għoli u profitt baxx, kif ikun ħafna drabi l-każ f'self żgħir.
Terza parti tista' tagħmilha iżjed faċli li jingħata self minn bank permezz ta' skema ta' garanzija, li tkun tkopri parti mir-riskju li jkun ħa l-bank.
Ishma
Kumpaniji żgħar li jippreżentaw riskju kbir wisq għall-banek u li ma jkunux kapaċi jassiguraw self jistgħu jtellgħu l-kapital billi jbiegħu l-ishma fin-negozju.
L-investituri jipprovdu kapital b'sogru lil negozji żgħar innovattivi b'potenzjal għal tkabbir kbir jekk jantiċipaw profitt sostanzjali mis-sehem tagħhom fil-kumpanija.
Kombinazzjonijiet ta' self/ishma
Imsejħa wkoll finanzi intermedji jew quasi-equity, kombinazzjonijiet ta' self u ishma huma spiss użati biex jiffinanzjaw it-tkabbir jew it-trasferiment tas-sjieda għal kumpaniji maturi, fejn ir-riskji għall-investituri huma faċli li jiġu valutati.
Hemm tliet partijiet involuti fit-trasferimenti tas-sjieda: l-investitur, li jipprovdi t-taħtlita ta' self u ishma; il-bejjiegħ, li ġeneralment jirċievi l-flus kontanti, u x-xerrej, li jirċievi perċentwal sinjifikanti tal-ishma tal-kumpaniji u livell aċċettabbli tad-djun tal-kumpanija.
Minkejja li l-kumplessità ta' dan it-tip ta' finanzjament ifisser li normalment ikun disponibbli biss għal transazzjonijiet 'il fuq minn €5 miljuni, finanzi intermedji iżjed ma jmur qed ikun involut fi transazzjonijiet iżgħar.
Sussidji
Sabiex il-kumpaniji jitħeġġu jiffokaw l-isforzi tagħhom fuq ċertu oqsma tal-attività tan-negozju, bħall-innovazzjoni u l-ambjent, il-gvernijiet tal-UE u nazzjonali joffru inċentivi fil-forma ta' sussidji, tipikament, attivitajiet ta' ko-finanzjament fil-proġetti.
Appoġġ għan-negozju
Negozji - b'mod speċjali dawk żgħar - jista' jkun li joqogħdu lura milli jesploraw id-diversi opportunitajiet fis-suq tal-UE minħabba ostakli bħal ostakli ta' lingwa, nuqqas ta' informazzjoni fis-suq, jew għarfien batut tar-rekwiżiti u l-proċeduri amministrattivi.
Servizzi ta' appoġġ fin-negozju mwaqqfa minn awtoritajiet pubbliċi jistgħu jgħinu billi jagħtu l-kumpaniji l-informazzjoni u l-assistenza personali li jeħtieġu biex ikollhom aċċess għas-suq tal-UE u biex jagħmlu l-aħjar użu mill-potenzjal tagħhom għat-tkabbir.
Imwassla minn persunal ta' esperjenza, is-servizzi tal-appoġġ joffru għajnuna lokalment - dan hu essenzjali biex jiġu mifhuma l-bżonnijiet speċifiċi tal-kumpanija.
Minbarra assistenza personalu, l-awtoritajiet jikkonsultaw in-negozji dwar il-bżonnijiet tagħhom u jipprovdiehom b'għodod komprensivi għall-informazzjoni.





