Mogħdija tan-navigazzjoni

Trasferiment ta' negozju

Aġġornat 07/2011

Id-deċiżjoni li wieħed jieqaf min-negozju ma tfissirx bilfors it-tmiem ta' attività tan-negozju. It-trasferiment tas-sjieda ta' kumpanija żżommi intatti s-suċċessi tagħha fir-rigward ta' preżenza fis-suq, ħiliet u ħidmiet.

Madwar 450 000 kumpanija jiġu trasferiti kull sena fl-Ewropa. Hu stmat li terz ta' dawn il-kumpaniji, li jirappreżentaw 600 000 impjieg, jistgħu jintilfu kull sena.

Hu stmat ukoll li terz tas-sidien tan-negozji Ewropej - b'madwar 690 000 negozju, li jipprovdu 2.8 miljun impjieg - se jirtiraw fis-snin li ġejjin.

Hemm riskju li ħafna minn dawn il-kumpaniji li sejrin tajjeb mhux se jittieħdu minn xi ħadd ieħor - sakemm is-sidien ma jagħmlux il-preparazzjonijiet meħtieġa għall-irtirar tagħhom u jegħlbu d-diffikultajiet involuti fit-trasferiment tas-sjieda.

Il-preparazzjoni għal trasferiment hu proċess partikolarment kumpless.  Spiss is-sidien la jkollhom l-għarfien u lanqas l-esperjenza ta' kif jittrattaw mal-formalitajiet leġiżlattivi, fiskali u amministrattivi kumplessi li dan jinvolvi.  Ħafna jsibu wkoll ostaklu psikoloġiku biex jgħaddu l-kumpanija tagħhom lil ħaddieħor.

Sabiex jiġu mtejba l-kundizzjonijiet għat-trasferimenti tas-sjieda, il-Kummissjoni Ewropea rrakkomandat diversi miżuri lill-awtoritajiet fil-pajjiżi tal-UE.

Fil-Komunikazzjoni tagħha "Reviżjoni tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar", il-Kummissjoni talbet lill-pajjiżi tal-UE biex:

  • jiżviluppaw swieq u bażijiet ta' dejta aċċessibbli u appoġġjati b'mod wiesa' għan-negozji trasferibbli;
  • jipprovdu taħriġ u appoġġ biex iżidu l-għadd ta' trasferimenti tan-negozji li jirnexxu, inklużi kampanji ta' komunikazzjoni biex titqajjem kuxjenza dwar il-ħtieġa għal tħejjija minn kmieni tat-trasferimenti tan-negozju.

Żgurar ta' aċċess għall-finanzi

It-trasferiment tas-sjieda fil-fatt jirrikjedi iżjed finanzjament milli meta jinbeda negozju.  Għandu jkun hemm disponibbli self, garanzija u faċilitajiet għall-bidu mhux biss għat-twaqqif ta' negozji ġodda, iżda wkoll biex jitkomplew dawk diġà eżistenti.  Is-sidien għandhom ikunu infurmati aħjar dwar il-finanzjament intermedju (kombinazzjoni ta' self u ishma) - partikolarment adatti għal trasferimenti tan-negozju.

Impenn għall-għarfien u appoġġ għall-gwida

Iżjed kumpaniji jistgħu jingħaddu għand sidien ġodda mingħand dawk li jkunu se jirtiraw, jekk dawn tal-aħħar ikunu ppreparaw sew għat-trasferiment tas-sjieda bil-quddiem. 

Il-kumplessità ta' dawn l-attivitajiet twassal biex l-assistenza prattika tkun essenzjali matul il-proċedura. 

L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jippromwovu u jappoġġjaw b'mod attiv skemi ta' gwida provduti mill-kmamar tal-kummerċ, konsorzji u korpi simili. 

Organizzazzjoni ta' swieq trasparenti għal trasferimenti tan-negozju

It-tqabbil bejn il-bejjiegħa u x-xerrejja potenzjali għandu jkun appoġġjat minn servizzi trasparenti.  Servizzi ta' din ix-xorta għandhom imorru lil hinn minn sempliċiment bażijiet tad-dejta li jelenkaw in-negozji disponibbli. Għandhom joffru servizz ta' medjazzjoni komprensiv għal trasferiment bla problemi fi spirtu ta' sħubija.

Żgurar ta' sistemi tat-taxxa favorevoli għat-trasferimenti

Dawn jistgħu jieħdu waħda minn dawn il-forom: 

  • eżenzjonijiet mit-taxxa fuq il-profitti mill-bejgħ ta' negozju (b'mod partikolari meta investiti mill-ġdid f'negozju ieħor jew użati biex jiffinanzjaw l-irtirar tas-sid tan-negozju); 
  • riforma tat-taxxi tal-wirt u tar-rigali (għal trasferimenti fi ħdan il-familji);
  • eżenzjonijiet mit-taxxa fuq investimenti mill-ħaddiema fil-kumpaniji tagħhom (għal buy-outs mill-impjegati).

Il-Komunikazzjoni tal-2006 mill-Kummissjoni Ewropea ssuġġeriet li kważi nofs il-pajjiżi tal-UE ma kienux implimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tagħha tal-1994 għal dan il-għan. Hemm bżonn isir sforz akbar f'kull pajjiż sabiex jiġu indirizzati l-bżonnijiet tat-trasferiment tan-negozju. 

Ara wkoll il-leġiżlazzjoni fuq dan is-suġġett fi:

Għad għandek bżonn l-għajnuna?

Għad għandek bżonn l-għajnuna?

Aktar għajnuna

Enterprise Europe Network jipprovdi informazzjoni u pariri lis-sidien tan-negozji li jixtiequ jbigħu il-kumpanija tagħhom.