Mogħdija tan-navigazzjoni

Għodod addizzjonali

  • Verżjoni stampata
  • Ċekken it-test
  • Kabbar it-test

Biex tasal fid-destinazzjoni

Meta tivvjaġġa bil-karozza, l-ajru, il-ferrovija jew il-vapur din it-taqsima toffrilek informazzjoni prattika dwar il-liċenzji tas-sewqan, l-assigurazzjoni tal-karozza, is-sikurezza fit-toroq, in-nollijiet, id-drittijiet tal-passiġġieri bl-ajru, is-sigurtà fl-ajruport u d-drittijiet tal-passiġġieri li jivvjaġġaw bil-ferrovija.

Bil-karozza

Liċenzja tas-sewqan

Liċenzja tas-sewqan valida maħruġa f'pajjiż tal-UE hi valida madwar l-UE kollha. F'xi pajjiżi, barra li jrid ikollok fuqek liċenzja valida tas-sewqan, irid ikollok ukoll id-dokument tar-reġistrazzjoni tal-vettura tiegħek.

Ftakar li fil-parti l-kbira tal-pajjiżi l-età minima għas-sewqan hi ta’ 18-il sena. L-età minima biex wieħed jikri karozza mhix stabbilita fuq livell tal-UE, u ġeneralment tvarja bejn 20 u 23.

Assigurazzjoni tal-vettura

Tmur fejn tmur fl-UE il-polza tal-assigurazzjoni tal-karozza tiegħek awtomatikament tipprovdilek, mingħajr ma tħallas xejn żejjed, il-kopertura minima (responsabbiltajiet lejn terzi), kif meħtieġ bil-liġi. Dan jgħodd ukoll għall-Islanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja. Jekk ikollok assigurazzjoni komprensiva f'pajjiżek, ara li l-kopertura tgħodd ukoll meta ssiefer f'pajjiżi oħra.

L-assiguratur tiegħek jista' jagħtik formola Ewropea għall-istqarrija tal-aċċidenti, dokument standard li bih ikun eħfef għalik li tagħmel dikjarazzjoni fuq il-post f'każ li jkollok aċċident f'pajjiż ieħor.

Il-kard il-ħadra mhix obbligatorja meta tivvjaġġa fl-UE iżda tiswa bħala prova magħrufa internazzjonalment li għandek l-assigurazzjoni, u jkun aktar faċli għalik li ssolvi klejms li jinqalgħu f'każ ta' aċċident. Jekk ma jkollokx kard ħadra fuqek, irid ikollok miegħek iċ-ċertifikat tal-assigurazzjoni. Is-sistema tal-kard ħadra bħalissa tkopri 45 pajjiż u titmexxa minn assoċjazzjoni ta' assiguraturi. Il-websajt tagħhom fih aktar dettalji dwar is-sistema tal-kard ħadra Englishfrançais u l-għanijiet tagħha.

Aktar informazzjoni dwar x'għandek tagħmel jekk issib ruħek f'aċċident barra pajjiżek DeutschEnglishespañolfrançaisitalianopolski

Sewqan b'mod sikur

Fil-pajjiżi kollha tal-UE issa jrid jintlibes iċ-ċintorin tas-sikurezza fil-vetturi kollha, inklużi l-kowċis u l-minibuses turistiċi. It-tfal għandu jkollhom irbit adatt għalihom fil-karozzi u t-trakkijiet u, fejn ikun possibbli, f'vetturi oħrajn ukoll.

L-użu tal-mowbajl waqt is-sewqan iżid ħafna l-periklu ta’ aċċident u hu kemm espliċitament kif ukoll impliċitament projbit fil-pajjiżi kollha tal-UE.

Għalkemm fil-maġġoranza tal-pajjiżi tal-UE l-livell massimu ta’ alkoħol fid-demm hu ta’ 0.5mg/ml, f’pajjiżi oħra jvarja bejn 0.2 mg/ml u 0.8 mg/ml u xi pajjiżi ma jippermettux alkoħol fid-demm waqt is-sewqan. Il-Kummissjoni Ewropea rrakkomandat li l-pajjiżi kollha jadottaw livell standard awtorizzat li ma jkunx jaqbeż iż-0.5 mg/ml.

Ftakar li għandek issuq fuq ix-xellug f'Ċipru, l-Irlanda, Malta u r-Renju Unit, u ftakar li f'xi pajjiżi, bħal fil-Belġju, Franza u fil-Pajjiżi l-Baxxi normalment trid iċċedi għat-traffiku li jkun ġej minn fuq il-lemin. Il-limitu tal-veloċità fl-awtostrada ġeneralment hu ta' 110, 120 jew 130 km/siegħa u l-limitu f'żoni mibnija ġeneralment hu ta' 50 km/siegħa. Kun ċert mil-limiti eżatti u dwar xi kundizzjonijiet speċjali li japplikaw.

Aktar informazzjoni dwar ir-regoli tas-sikurezza f'kull pajjiż tal-UE inklużi l-limiti tal-veloċità, il-limiti tax-xorb alkoħoliku waqt is-sewqan, l-użu mandatarju tad-dwal mixgħulin matul il-ġurnata u t-tajers tax-xitwa, it-tagħmir ta' sikurezza meħtieġ fil-karozzi u t-tagħmir ta' sikurezza għaċ-ċiklisti.

Nollijiet

F'ħafna pajjiżi hemm toroq li trid tħallas biex tgħaddi minnhom, fost l-oħrajn fl-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, Franza, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovakja, is-Slovenja, Spanja u r-Renju Unit. Il-ħlas ta' nollijiet f'ċerti pajjiżi (l-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, is-Slovakja u s-Slovenja) hu bil-"vignette" jew lejbil għan-noll li tista' titwaħħal mal-iskrin tal-karozza.

Ivvjaġġar bil-karozzi tal-linja u l-kowċis

Il-passiġġieri fuq karozzi tal-linja u kowċis se jgawdu minn drittijiet oħra kull fejn jivvjaġġaw fl-UE mill-1 ta' Marzu 2013. Il-passiġġieri kollha se jkollhom id-dritt li jirċievu informazzjoni adegwata. Il-passiġġieri li jivvjaġġaw 250 km jew aktar se jkollhom drittijiet addizzjonali fosthom l-assistenza, ir-rimborż jew li tingħatalhom rotta ġdida f'każ ta' dewmien u ta' tħassir tal-vjaġġ. Il-passiġġieri b'diżabilità jew b'mobilità mnaqqsa se tingħatalhom assistenza bla ħlas fil-bini tal-ajruporti u fuq karozzi tal-linja u ċowċis.

Bl-ajru

Il-ħolqien ta' suq wieħed Ewropew għall-ivvjaġġar bl-ajru wassal għal biljetti orħos u għażla usa' ta' rotot u servizzi għall-passiġġieri. L-għadd ta' passiġġieri żdied bi kważi 35% mill-2000 u għalhekk il-ħtieġa li jingħataw ċertu minimu ta' drittijiet lill-passiġġieri bl-ajru sar b'hekk aktar importanti.

Drittijiet tal-passiġġieri bl-ajru

Bħala passiġġier bl-ajru għandek ċerti drittijiet jekk it-titjira tiegħek tittardja, titħassar jew jekk jiċħdu li titla' fuq l-ajruplan. Dawn id-drittijiet japplikaw fuq it-titjiriet kollha skedati u chartered, kemm domestiċi kif ukoll internazzjonali, meta t-tluq ikun minn ajruport tal-UE (jew mill-Islanda, min-Norveġja u mill-Isvizzera). Meta tinżel f'ajruport tal-UE minn pajjiż li mhux mill-UE, dawn japplikaw biss għal titjiriet operati minn linja tal-ajru liċenzjata fl-UE (jew fl-Islanda, fin-Norveġja u fl-Isvizzera).

Il-linji tal-ajru huma responsabbli f'każ ta' aċċidenti jew telf, ħsara jew immaniġġjar ħażin tal-bagalji. Il-vjaġġaturi għandhom ukoll ċerti drittijiet rigward vaganzi li jinkludu kollox organizzati minn aġenzija. Passiġġieri b'diżabilità jew mobilità mnaqqsa għandhom id-dritt għal assistenza bla ħlas fuq l-ajruplan u fl-ajruport sabiex ikunu jistgħu jivvjaġġaw bla problemi ta' xejn bħall-passiġġieri l-oħrajn. Il-linja tal-ajru għandha tkun avżata dwar ħtiġijietek tal-anqas 48 siegħa minn qabel.

L-UE żżomm lista ta' linji tal-ajru li ma jitħallewx joperaw fl-UE jew jużaw ajruporti tal-UE. Ir-regoli tal-UE jippermettu lill-vjaġġaturi li jqabblu l-prezzijiet tal-ivvjaġġar bl-ajru. Il-kumpaniji tal-ajru għandhom jindikaw il-prezzijiet tagħhom inklużi l-prezz tal-vjaġġ, it-taxxi kollha, il-ħlas u s-surcharges.

Jekk ikollok xi lment, ikkuntattja lil-linja tal-ajru jew lill-organizzatur tal-pakkett tal-btala. Jekk jonqsu mill-obbligi tagħhom għandek tilmenta:

  • għal mistoqsijiet li għandhom x'jaqsmu ma' ċaħda biex passiġġier jitla' fuq ajruplan, it-tħassir jew id-dewmien fit-tul ta' titjiriet, mal-entità ta' rinforz nazzjonali fil-pajjiż fejn iseħħ l-inċident, jew, jekk tkun qed tħalli pajjiż terz, fil-pajjiż tal-ewwel destinazzjoni tiegħek fl-UE
  • għal ilmenti dwar id-drittijiet tiegħek bħala passiġġier b'diżabilità jew b'mobilità mnaqqsa, lill-entità ta' rinforz nazzjonali fil-pajjiż fejn iseħħ l-inċident, jew, jekk tkun qed tħalli pajjiż terz, fil-pajjiż tal-ewwel destinazzjoni tiegħek fl-UE
  • u għal kwistjonijiet oħrajn bħall-bagalji mitlufin, maċ-Ċentru Ewropew tal-Konsumaturi češtinadanskDeutschEnglishfrançaisitalianoNederlandspolskiRomânasvenska f'pajjiżek.
  • iddawnlowdja Formola ta' Lment għall-Passiġġieri bl-Ajrupdf Agħżel it-traduzzjonijiet mil-link ta' qabel 

Sigurtà

Sabiex jiġi żgurat livell għoli ta' sigurtà fl-UE kollha, ġew stabbiliti regoli u standards komuni dwar affarijiet bħall-kontrolli ta' sigurtà tal-passiġġieri, il-lagiġ tal-idejn u l-lagiġ iċċekkjat, meta dawn iħallu ajruporti mill-UE.

Ċerti oġġetti ma jistgħux jinġarru mill-passiġġieri fuq l-ajruplan. Teżisti lista tal-UEpdf miftiehma dwar oġġetti li mhumiex permessi fil-kabina tal-ajruplan u lista ta' oġġetti f'bagalji ċċekkjati li ma jistgħux jiddaħħlu lanqas fl-istiva tal-ajruplan.

Ir-restrizzjonijiet dwar il-ġarr ta' likwidi, bottijiet tal-isprejs u ġellijiet, bħala lagiġ tal-idejn, fil-kabina ta' ajruplan għadhom għal issa fis-seħħ. Madankollu, dawn ir-restrizzjonijiet għandhom jitneħħew gradwalment meta jkun jista' jsir skrining għal likwidu esplożiv. L-ajruporti kollha għandhom ikollhom il-kapaċità li jiskrinjaw il-likwidi, il-bottijiet tal-isprejs u l-ġellijiet sa April 2013. Xorta jista' jittellgħu likwidi bħala lagiġ tal-idejn bil-kundizzjoni li dawn jintwerew b'mod separat meta jgħaddu mill-verifika tas-sigurtà u li jkunu ppakkjati f'kontenituri individwali b'kapaċità massima ta' 100ml li għandhom jitqiegħdu f'borża trasparenti u li tista' tkun issiġillata mill-ġdid li ma tkunx tesa' aktar minn litru wieħed. Isiru eċċezzjonijiet għal mediċini u ikel tat-trabi li jkunu meħtieġa waqt il-vjaġġ. Il-passiġġieri jistgħu jġorru wkoll likwidi fil-bagalji iċċekkjati għall-ġarr fl-istiva tal-ajruplan.

Il-limiti fuq id-daqs tal-bagalji li tista' ttella' miegħek fuq l-ajruplan huma stipulati mil-linji tal-ajru għalhekk iċċekkja mal-linja tal-ajru tiegħek qabel tivvjaġġa.

Bil-ferrovija

L-UE għandha aktar minn 212,000 km ta' linji tal-ferroviji b'servizzi internazzjonali estensivi għall-passiġġieri. Hemm aktar minn 6,000 km ta' linji b'veloċità qawwija f'bosta pajjiżi b'ferroviji li jlaħħqu veloċitajiet ta' 350 km/siegħa u n-netwerk qiegħed jiġi estiż b'binarji ġodda fl-Awstrija, il-Belġju, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall, Spanja u r-Renju Unit. Qed jingħata appoġġ finanzjarju enormi għall-proġetti trans-Ewropej bħat-titjib tal-binarji tal-ferroviji minn Rotterdam sa Ġenoa, Lyon sal-fruntiera Ungeriża mal-Ukraina, minn Stokkolma għal Palermo, minn Dresden għal Bukarest u minn Varsavja għal Tallinn.

Is-servizzi internazzjonali għall-passiġġieri bil-ferrovija qed isiru aktar kompetittivi u dan ifisser servizzi bi kwalità u bi prezzijiet aħjar għall-passiġġieri kollha. Kull kumpanija tal-ferroviji liċenzjata, iċċertifikata u stabbilita fl-UE se tkun tista' toffri servizzi internazzjonali bil-ferrovija bid-dritt li tiġbor u li tniżżel passiġġieri f'kull stazzjon matul ir-rotta internazzjonali tagħha.

Id-drittijiet tal-passiġġieri li jivvjaġġaw bil-ferrovija ssaħħu u ttejbu wkoll bil-leġiżlazzjoni tal-UE b'tagħrif u drittijiet aħjar fil-każ ta' dewmien, konnessjonijiet mitlufa u kanċellazzjonijiet. Il-passiġġieri b'diżabilità u dawk b'mobilità mnaqqsa għandhom dritt għal assistenza bla ħlas fl-istazzjonijiet u fuq il-ferroviji. Għandu jingħata avviż minn qabel li tkun meħtieġa l-assistenza. Jekk għandek ilment dwar id-drittijiet tiegħek, l-ewwel ikkuntattja l-kumpanija tal-ferrovija jew il-maniġer tal-istazzjon. Jekk ma tkunx sodisfatt bi tweġibithom, tista' tressaq ilment lil Entità ta' Inforzar Nazzjonali English. Ċerti stati membri għandhom eżenzjonijiet nazzjonali għal servizzi domestiċi, reġjonali, suburbani u urbani. Għal aktar informazzjoni ċempel lin-numru bla ħlas ta' Europe Direct 00 800 6 7 8 9 10 11.

Mod kif tista' tesplora l-Ewropa bil-ferrovija hu li tixtri pass internazzjonali tal-ferrovija (rail pass) u terħilha biex tiskopri postijiet u pajjiżi li jiġbduk. Seba' operaturi Ewropej tal-ferroviji b'veloċità qawwija nagħqdu bl-isem ta' Railteam deutschenglishfrancaisnederlands biex jagħmlu l-ivvjaġġar bin-netwerk Ewropew tal-ferroviji faċli kemm jista' jkun.

Bil-baħar

Jeżistu bosta rotot ewlenin bil-baħar bejn il-pajjiżi tal-UE. Dawn joffru servizzi regolari u tajbin minflok jew flimkien mat-toroq, l-ajru jew il-ferroviji. Hemm ukoll 41,000km ta' xmajjar navigabbli li jintużaw għat-trasport f'20 minn 27 pajjiż tal-UE. Iddeverti b'ġita fuq il-baħar jew xi xmara jew uża l-ilmijiet bħala mod prattiku u pjaċevoli biex tivvjaġġa.

L-UE ilha fuq quddiem nett fit-titjib tas-sigurtà marittima u l-promozzjoni ta' standards għoljin b'regoli li jħarsu l-passiġġieri u l-ekwipaġġ li jbaħħru lejn jew minn portijiet Ewropej kif ukoll dawk li jivvjaġġaw fl-UE. Il-passiġġieri li jivvjaġġaw bil-baħar jew fi xmajjar navigabbli se jgawdu minn drittijiet ġodda mit-18 ta' Diċembru 2012. Dawn se jinkludu rimborż, rotot ġodda, kumpens, u assistenza jekk iffaċċjati bi tħassir jew dewmien, u d-dritt li jingħataw informazzjoni. Passiġġieri b'diżabilità jew b'mobilità mnaqqsa se jkollhom ukoll id-dritt għal assistenza bla ħlas kemm fil-bini tal-ajruporti kif ukoll abbord il-bastimenti. Dawn id-drittijiet japplikaw, b'xi ftit eċċezzjonijiet, għal dawk li jivvjaġġaw fuq servizzi tal-passiġġieri kemm li jkunu qed iħallu jew jaslu f'port fl-UE u fuq cruises fejn il-port ta' imbarkazzjoni jinsab fl-UE.

Metro

Jekk tippjana li tuża l-metro, iffamiljarizza ruħek mal-mapep tal-metros tal-ibliet Ewropej english.

Bir-rota u bil-mixi

Approfitta mill-għadd dejjem jiżdied ta' skemi ta' kiri ta' roti self-service li qed jitħaddmu fi bliet inklużi Pariġi, Brussell, Barċellona, Kopenħagen, Londra u bliet iżgħar fl-Ewropa kollha, xi wħud minnhom, bħal Aalborg fid-Danimarka, Krakov fil-Polonja u Burgos fi Spanja, ġew kofinanzjati mill-UE.

Għal dawk li jħobbu r-rota EuroVelo english mmexxija mill-Federazzjoni Ewropea taċ-Ċiklisti, netwerk ta' 14-il rotta b'distanza twila għar-roti min-naħa għall-oħra tal-Ewropa b'aktar minn 70,000km. Il-European Cycling Lexicon englishfrancais, ktejjeb bl-istampi b'daqs konvenjenti ta' passaport, fih it-termini ewlenin taċ-ċikliżmu f'27 lingwa inklużi 23 lingwa uffiċjali tal-UE u jista' jkun utli ħafna għal kull min ikun qed isuq ir-rota fl-Ewropa. Ikkuntattja lil ten@eesc.europa.eu għal kopja b'xejn. Jekk tippreferi timxi, l-Assoċjazzjoni Ewropea tar-Ramblers deutschenglishfrancais għandha informazzjoni dwar il-mixi fl-Ewropa u dwar 12-il mogħdija b'distanza twila mifruxa mal-Ewropa kollha.

Right navigation